Wara li Malta ilha xi xhur fiz-zona Schengen, jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid x'tip ta' lmenti rċieva l-gvern jew d-dipartiment u kif qed taħdem is-sistema b'mod ġenerali? X'tip ta' ftehim hemm ma' pajjiżi oħra ħalli jagħtu l-għajnuna tagħhom lil pajjiżna?
Response (BORG, TONIO)
Qed nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għas-sistema ta' l-applikazzjoni tal-visa.
Bla dubju, minkejja l-preparamenti li jsiru minn qabel, xorta jibqa element ta' rfinar li jsir wara li tibda titħaddem is-sistema. Dan jirriżulta f'ilmenti li jistgħu jiġu ndirizzati f'qasir żmien biex b'hekk l-affariet jirranġaw. Hemm ilmenti oħra pero li jirrigwardaw żieda qawwija fil-kapaċita amministrattiva bħal per eżempju n-nuqqas ta' Konsolati Maltin f'ċerti pajjiżi terzi u l-fatt li m'għadux possibli li tinħareġ "visa at the border". L-ilmenti li jirriżultaw minn dan l-istat ta' fatt trid aktar żmien biex issolvihom, aktar analiżi u ħsieb ta' wieħed x'jista u ma jistax jagħmel, u fuq kollox aktar flus. Minkejja dan, sabiex ittaffi kemm jista' jkun dawn iż-żewġ problemi, l-Ministeru, grazzi għall-għajnuna ta' l-awtoritajiet Taljani, Awstrijaċi u Spanjoli qed juża l-Konsolati ta' dawn il-pajjiżi sabiex jinħarġu visas għall-Malta minn 90-il pajjiż fejn Malta m'għandhiex Ambaxxata jew Konsolat. Minbarra dan, saru diġa u qed ikomplu jsiru arranġamenti biex, f'pajjiżi b'territorju kbir, jiġu ngaġġati intermedjarji (aġenti ta' l-ivjaġġar) biex ikunu huma li jieħdu ħsieb iwasslu l-applikazzjonijiet għall-visas u d-dokumentazzjoni meħtieġa lil eqreb Ambaxxata jew Konsulat Malti (li ma jkunx onorarju).
B'mod ġenerali, s-sistema ta' l-ipproċessar tal-visa tibda billi l-Ambaxxati Maltin idaħħlu fis-sistema kompjuteriżżata l-applikazzjoni tal-visa wara li tkun saret verfikazzjoni tad-dokumenti u interview żgħir ma' l-applikant. Meta l-applikazzjoni tintbagħat elettronikament mill-Ambaxxata din tasal l-ewwl għand is-Central Visa Unit u hemmekk jibda proċess elettroniku ta' approvazzjoni minn diversi entitajiet fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern. Ir-risposta terġa fl-aħħar tasal għand l-Ambaxxata kkonċernata biex din toħroġ il-visa.
Billi t-tourist brochure tal-Emirati Għarab Magħquda jistqarr li ċittadini ta' għadd ta' pajjiżi Ewropej m'għandhomx bżonn visa biex jidħlu fl-UAE għall-mawra ta' massimu ta' 30 jum, jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid jekk wara tant żmien li Malta ma kenitx inkluża f'din il-lista, illum ġietx inkluża jew le? Dan iżjed u iżjed meta fost l-istati l-oħra hemm micro states bħal Andorra, Liechtensein, Monaco, San Marino u l-belt tal-Vatikan ukoll?
Saru xi negozjati mill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin dwar dawn biex jitneħħew il-visa conditions, u jekk iva, meta nbdew u fiex waslu?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li Malta diġa għandha eżenzjoni tal-visa għall-passaporti diplomatiċi, l-Emirati Għarab Magħquda huma lesti li jeżentaw il-bżonn tal-visa liċ-ċittadini Maltin kemm il-darba ikun hemm ftehim reċiproku. Issa kif jaf sew l-Onorevoli Interpellant, Malta bħala Stat Membru tax-Schengen Agreement, ma jistax unilateralment mingħajr pożizzjoni komuni ta' l-Unjoni Ewropeja, teżenta liċ-ċittadini ta' l-Emirati Għarab Magħquda mill-bżonn ta' visa biex jidħlu Malta.
Minkejja dan, qed ikomplu sforzi diplomatici biex, fid-dawl ta' żviluppi riċenti ta' investiment qawwi minn dan il-pajjiż u fid-dawl tal-benefiċċji ekonomiċi li jħallu l-Maltin meta jmorru l-Emirati sew fuq vakanza kif ukoll fuq xogħol, nippruvaw nikkonvinċu lil sħabna ta' l-Emirati Għarab Magħquda li huwa għal ġid tagħhom ukoll jekk l-bżonn ta' visa għall-Maltin jitneħħa.
Jista' l-Viċi Prim Ministru l-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid jekk huwiex munnu li l-President tar-Repubblika, Dr Edward Fenech Adami se jżur il-Libja ? Jekk iva, meta?
Response (BORG, TONIO)
Il-President tar-Repubblika, Dr Edward Fenech Adami, kellu jagħmel żjara fil-Libja bejn l-10 u l-11 ta' Ġunju 2008; minħabba raġunijiet mediċi, kif hemm indikat fi stqarrija uffiċċjali li ħarġet fit-8 ta' Ġunju, din iż-żjara ġiet posposta.
Fid-dawl taż-żjara Presidenzjali li kienet saret fl-Alġerija f'Settembru li għadda li fiha kien jagħmel parti l-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin ta' dak iż-żmien, jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid minn dak iż-żmien 'l hawn x'sar fil-konkret sabiex tiġi implimentata l-kollaborazzjoni diskussa f'oqsma bħat-turiżmu, it-teknoloġija tal-komunikazzjoni u l-informazzjoni u tal-gvern elettroniku?
Billi fl-istess okkazjoni ż-żewġ pajjiżi kienu qablu li jaħtru tim ta' tliet persuni minn kull pajjiż, fosthom l-Ambaxxaturi akkreditati fiż-żewġ pajjiżi biex ikun hemm aktar laqgħat u aktar kollaborazzjoni, jista' jgħid jekk dan it-tim nħatarx, meta nħatar, u minn min huwa kompost?
Response (BORG, TONIO)
Iż-żjara uffiċċjali tal-President tar-Repubblika kien il-bidu ta' tentativ biex ir-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Algerija jiġu dinamiċi wara perijodu ta' nuqqas ta' kuntatti għolja. Għaldaqstant, ġie miftiehem li l-Kummissjoni Mhallta għandha tiġi sostiwita b'functional mechanism sabiex ir-relazzjonijiet uffiċjali jerġgħu jiġu restawrati b'mod effiċjenti li jirriflettu il-bżonnijiet ta' l-iżvilupp ekonomiku ta' llum. Dan il-mekkanizmu bilaterali, li huwa kompost mill-Ambaxxaturi akkreditati rispettivament u mejgħuna minn numru ta' uffiċjali diplomatiċi għolja, diġa' ltaqa' f'Diċembru tal-2007 biex jibda jirrevedi r-relazzjonijiet ġjuridiċi u politiċi.
Kien hemm interess partikulari fil-kollaborazzjoni fis-settur tat-turizmu u l-ICT u għaldaqstant tnedew kuntatti preliminari ma' stake holders Maltin interessati li jikkooperaw f'dawn l-oqsma ma' l-Algerija sabiex jiġu promossi s-servizzi turistiċi Maltin, partikularment 'niche markets' bħalma huma t-tagħlim ta' l-Ingliz u l-possibilita' ta' aktar faċilta' fir-rilaxx tal-vizi, kif ukoll ma' aġenziji speċjalizzati fl-ICT u t-trasferiment ta' teknologija u innovazzjoni. Issa li l-Ambaxxatur Malti għall-Algerija reġa' ġie kkonfermat, il-Ministeru jista' jkompli jsegwi dawn l-izviluppi ma' l-Algerini.
Iż-Żjara Presidenzjali kienet tinkludi ukoll grupp sostanzjali ta' intraprendituri Maltin li kellhom kuntatti diretti ma' kontroparti Algerina bl-għajnuna tal-Kamra tal-Kummerċ Algerina. L-interess li ġie rregistrat f'din l-okkazjoni, ġie rifless fi ftehiem li għandu jitwaqqaf 'business council' bejn iż-żewġ pajjizi biex jaġevola l-interessi intraprenditorjali miż-żewġ naħat. Attwalment, dan il-buiness counicl qiegħed fil-proċess li jiġi kostitwit u mwaqqaf f'qasir żmien.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid fil-mument liema huma d-dekasteri, dipartimenti u entitajiet li għandhom xi forma ta' Assigurazzjoni Privata (Private Insurance) għall-vetturi, bini, apparat, pitturi, eċċ? Kemm huwa l-ħlas globali f'ċifra ta' flus li qed titħallas għal dawn l-assigurazzjonijiet?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ammont globali ta' assigurazzjoni privata fuq karozzi, bini u oġġetti ta' valur fil-Ministeru u Ambaxxati li jaqgħu taħti, jammonta għal €110,505.85. Tajjeb ngħid ukoll illi l-Ministeru jħallas assigurazzjoni ta' l-ivjaġġar għall-uffiċċjali tiegħu. L-ammont ivarja skond is-safar kull xahar; dak imħallas għal Jannar u Frar 2008 kien ta' € 167.76 u € 643.08 rispettivament.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17 u jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li applikaw għaċ-ċittadinanza Maltija matul l-ewwel 4 xhur ta' din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni li applikaw biex jiġu reġistrati jew naturaliżżati bħala ċittadini ta' Malta fl-ewwel 4 xhur ta' din is-sena hu 322.
Jista' l-Ministru jispjega x'għamel il-Gvern hekk kif waslitlu l-aħbar tal-ħtif ta' ħaddiem Malti fin-Niġerja, partikolarment fid-dawl ta' l-istqarrijiet tal-qraba ta' dan l-ħaddiem skond kif ġew irrappurtati f'xi ġurnali lokali?
Response (BORG, TONIO)
F'dan il-kuntest saru kuntatti mal-Gvern Taljan u Ingliż li għandhom Ambaxxati fil-kapitali Niġerjana.
Il-Gvern, fil-jiem li ġejjin, ser jibgħat delegazzjoni Maltija sabiex issegwi s-sitwazzjoni mill-viċin.
Jista' l-Viċi Prim Ministru l-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid x'inhi r-raġuni li l-Gvern Malti għadu qed iżomm lura milli jippublika il-figuri uffiċjali dwar l-overseas development aid tiegħu, f'mod li jkollna breakdown dettaljat u konferma jew caħda jekk il-Gvern huwiex jinkludi wkoll flus minfuqa fuq detention centres u r-ripatriazzjoni tal-immigranti illegali?
Response (BORG, TONIO)
L-uniku obbligu li għandu l-Gvern Malti f'din il-materja hu li jinforma lill Kummissjoni Ewropeja bl-ammont globali ta' ODA, u kif din titqabbel bħala persentaġġ tad-Dħul Gross Nazzjonali (GNI). Dan l-obbligu dejjem ġie onorat mill-Gvern Malti kemm ilha Malta membru fl-Unjoni Ewropeja.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid kemm hu n-numru ta' ħaddiema fid-dipartiment/entitajiet/korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li huma fuq reduced hours? Jista' jgħid hux jikkonsidra li jidħol/jew jiżdied n-numru ta' ħaddiema li jaħdmu mid-dar bis-sistema teleworking? Xi trid tagħmel f'każ li persuna tkun interessata żżid is-sigħat tax-xogħol tagħha permezz ta' teleworking?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm 16 -il persuna li jaħdmu fuq bażi ta' reduced hours. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, diġa' hemm żewġ persuni jaħdmu fuq bażi ta' teleworking u dan in-numru jista' jiżdied. F'każ li persuna trid tapplika jew iżżid is-siegħat ta' xogħol tagħha permezz tat-teleworking, hemm proċedura li trid tiġi segwita skond Ċirkolaru numru 6, maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fit-8 ta' Frar 2008, taħt it-titolu ta' "Teleworking".
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar il-Kosovo?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kwestjoni dwar il-Kosovo hi kwestjoni li hi marbuta mas-sovranita' ta' pajjiż. Il-Gvern Malti qed isegwi l-iżviluppi fil-Kosova kif ukoll fis-Serbja, partikolarment wara l-elezzjonijiet parlamentari u lokali li saru f'Mejju u li bħalissa hemm konsultazzjonijiet bejn il-partiti kif ser jiffurmaw Gvern ġdid Serb. Il-Gvern għalhekk iddeċieda li jieħu deċiżjoni dwar il-Kosovo fil-ħin opportun.
Madankollu, jiena beħsibni nitlob li il-kwestjoni tal-Kosovo tiġi diskussa fil-Kumitat dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej sabiex flimkien neżaminaw u niddiskutu is-sitwazzjoni kif qed tiżviluppa, ħalli il-Kumitat jagħti il-fehma tiegħu għal konsiderazzjoni tal-Gvern
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin, id-dawl tal-politika ġdida tal-gvern Taljan dwar l-immigrazzjoni llegali, sar xi tibdil ta' ideat jew diskussjonijiet min-naħa tal-Gvern Malti magħhom?
Response (BORG, TONIO)
Matul laqgħa informali li jiena kelli mal-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin Taljan ġiet diskussa din il-kwestjoni, pero l-aktar fil-kontest tal-ftehim tad-29 ta' Diċembri 2007 bejn l-Italja u l-Libja dwar pattuljament fl-ibħra territorjali Libjani, liema ftehim għadu ma bediex jitwettaq. Il-Gvern Malti esprima interess f'dan il-ftehim, u stieden lill-Ministru Taljan, u anke dak Libjan biex possibilment jiltaqgħu f'Malta biex niddiskutu flimkien il-materja ta' immigrazzjoni irregolari.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid fuq livell bilaterali x'inhu l-pjan ta' azzjoni tal-Gvern Malti fir-rigward tar-relazzjonijiet mal-Federazzjoni Russa?
Response (BORG, TONIO)
Il-Gvern Malti qiegħed ikompli bl-isforzi biex jissaħħu dejjem iżjed ir-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Federazzjoni Russa, anki fil-kuntest tal-ħatra tal-President Dmitry Medvedev. Il-pjan tal-Gvern jimmira li jiġi konkluż, kemm jista' jkun malajr, il-ftehim bilaterali ghat-tneħħija tat-taxxa doppja, kif ukoll dak għall-protezzjoni u promozzjoni ta' l-investimenti. Dawn iż-żewġ proposti ta' ftehim bilaterali għandhom jiffaċilitaw u jkattru l-kummerċ u l-investiment bejn iż-żewġ pajjizi. Diskussjonijiet huma għaddejjin ukoll biex jintalaħaq fteħim fuq il-ġlieda kontra l-kriminalita' organizzata.
Fl-isfond taż-żieda ta' ċittadini Russi li jżuru Malta kull sena, il-Gvern Malti qiegħed ukoll jaħdem biex jgħammar il-konsolat il-ġdid fil-kapitali Russa sabiex jiffaċilita ż-żjarat f'Malta għal raġunijiet ta' btala u studju.
Dawn l-oqsma ta' koperazzjoni se jkunu fil-fatt diskussi waqt żjara li sejjer jagħmel Malta fil-5 ta' Ġunju il-Viċi Ministru ta' l-Affarijiet Barranin għall-Affarijiet Ewropej Russu Alexander Grushko.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jirrispondi mistoqsija parlamentari 18 u jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li applikaw għaċ-ċittadinanza doppja matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fl-ewwel 4 xhur ta' din is-sena d-Dipartiment taċ-Ċittadinanza kkonferma 225 każ fejn il-persuna konċernata ġiet infurmata li tikkwalifika biex ikollha ċittadinanza doppja filwaqt li hemm madwar 40 talba oħra li għadhom qed jiġu pproċessati.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jirrispondi mistoqsija parlamentari 19 u jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ġew approvati/mogħtija ċittadinanza Maltija matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena? Liema ċittadinanza irrinunzjaw? Kemm minnhom kienu ġuvintur u xebbiet u kemm minnhom kienu miżżewġa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni li ġew reġistrati jew naturaliżżati bħala ċittadini ta' Malta matul l-ewwel 4 xhur ta' din is-sena huwa: 197.
Dwar it-tieni parti tal-Mostoqsija tiegħu ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ebda persuna ma kellha għalfejn tirrinunzja xi ċittadinanza għax il-liġi Maltija tippermetti ċ-ċittadinanza doppja.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija tiegħu ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma tinżammx statistika ta' dak li qed jitlob.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jirrispondi mistoqsija parlamentari 22 u jgħid liema huma l-pajjiżi li l-Gvern Malti se jiddiskuti għall-arranġamenti ta' ċittadinanza doppja?
Response (BORG, TONIO)
Il-Gvern Malti m'għandu l-ebda diskussjonijiet ipprogrammati għall-arranġamenti ta' ċittadinanza doppja ma xi pajjiżi partikulari u dan għaliex skond il-liġi Maltija dwar iċ-ċittadinanza doppja, kull ċittadin Malti jista' jkollu ċittadinanza oħra jew oħrajn u kull barrani li jakkwista ċ-ċittadinanza Maltija jista' jżomm dik barranija sakemm il-pajjiżi l-oħra konċernati jippermettu liċ-ċittadini tagħhom li jkollhom ċittadinanza oħra minbarra dik ta' pajjiżhom.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jirrispondi mistoqsija parlamentari 20 u jgħid kemm fil-preżent hemm talbiet pendenti għaċ-ċittadinanza doppja?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bħalissa hemm 40 talba biex il-persuni konċernati jiġi konfermat lilhom li jikkwalifikaw biex ikollhom ċittadinanza doppja.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jirrispondi mistoqsija parlamentari 21 u jgħid kemm fil-preżent hemm talbiet pendenti għaċ-ċittadinanza Maltija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bħalissa d-Dipartiment taċ-Ċittadinanza qed jipproċessa madwar 660 talba biex il-persuni konċernati jiġu reġistrati jew naturaliżżati bħala ċittadini ta' Malta.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid kemm ingħataw promozzjonijiet bejn Jannar u Marzu 2008 fid-dipartimenti, kumpaniji u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin ingħataw żewġ promozzjonijiet, fi gradi diplomatiċi.
Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Nies impjegati ġodda
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid kemm ġew impjegati nies ġodda fid-dipartimenti, kumpanniji u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2008?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif ġejja:
Jannar - 7
Frar - 5
Marzu - 7
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid meta huwa maħsub li ssir l-laqgħa tal-Mixed Commission bejn Malta u l-Libja matul din is-sena? Kemm fil-fatt huma l-membri maħtura min-naħa Maltija fil-mument?
Response (BORG, TONIO)
Huwa previst li l-Mixed Commission bejn Malta u l-Libja titlaqqa' f'Malta aktar tard din is-sena bi ftehim bejn iż-żewġ naħat. Il-lead Ministries huma l-Ministeri ta' l-Affarijiet Barranin rispettivi iżda il-membri tal-Mixed Commission ivarjaw skond l-aġenda li tiġi addottata bejn iż-żewġ pajjiżi.