Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Mater Dei — ilmenti fil-customer care

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31051 u jgħid kemm daħlu ilmenti fil-customer care tal-Isptar Mater Dei sena b’sena matul l-2008, 2009 u 2010 b’mod separat? Jista' jgħid dwar xiex kienu dawn l-ilmenti? Kemm-il każ kien magħluq u kemm-il każ għadu miftuħ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.

Hypoplesia of Xorpus Colosium — Schedule V tal-Karta r-Roża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn il-kundizzjoni Hypoplesia of Xorpus Colosium, mhux inkluża f’Schedule V tal-karta r-roża għall-mediċina b’xejn? Ma jaħsibx il-Ministru li persuna milquta minn din il-marda kronika u li kienet tingħata din il-mediċina bil-karta s-safra, u li issa l-mediċina qed tkun rifjutata lilha għaliex inqalbet fuq il-kartuna r-roża, ġiet żvantaġġjata bil-kbir għas-sempliċi raġuni li minflok baqgħet id-dar tgħix bil-benefiċċji għażlet li tagħti l-kontribut tagħha lis-soċjetà billi sabet impjieg?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-kriterji li fuqhom jingħata l-intitolament għall-mediċini b’xejn huma bbażżati fuq l-Att tas-Sigurta’ Soċjali Kap 318 Art 23 u Skeda V ta’ l-istess att. Dawk il-pazjenti li jkollhom marda kronika skond Skeda V, jirċievu d-dokument magħruf bħala l-kartuna s-safra. Dawk il-persuni li jkollhom dħul finanzjarju inqas mill-medja skont id-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali japplikaw għal Skeda II (il-kartuna r-roża). Min ikollu l-kartuna r-roża ntitolat għal numru limitat ta’ mediċini, li huma speċifikament immarkati fil-Formularju tal-Gvern. Il-lista ta’ kundizzjonijet kroniċi ta’ Skeda V ġiet emendata uffiċjalment fis-27 ta’ Marzu 2012 kif ġie stabilit fl-avviż legali 81 tal-2012. ‘Hypoplasia of the Corpus Callosium’ mhux waħda mill-kundizzjoniet kroniċi li tingħata għajnuna medika b’xejn skond l-Att tas-Sigurta’ Soċjali Kap 318 Artiklu 23. Ġie kkonfermat minn Konsulent Newrologu li m’hemm l-ebda trattament speċifiku li jista’ jingħata għal din il-kundizzjoni, għalkemm tista’ tingħata kura għall-kundizzjonijiet oħra magħha assoċjati bħal attakki epilettiċi li tali kundizzjoni hija koperta mill-Iskeda V hawn fuq imsemmija.

care workers — kundizzjoni tax-xogħol imtejba

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32840 u jgħid x'passi konkreti ttieħdu ħalli l-care workers li qed jaħdmu fil-qasam tas-saħħa ma jkomplux jiġu sfruttati u abbużati minħabba kundizzjonijiet ħżiena fl-impjieg tagħhom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-kuntratturi li għandhom kuntratt mad-Dipartiment tas-Saħħa biex jipprovdu servizzi ta’ careworkers huma responsabbli biex jassiguraw il-kundizzjonijiet tax-xogħol skont il-liġijiet tal-pajjiż. Id-Dipartiment tas-Saħħa huwa l-klijent li jirċievi dawn l-impjegati u minkejja dan, qed jistudja kif itejjeb il-kuntratti fit-tenders futuri. Barra minn hekk, qed jipprepara korsijiet ta’ informazzjoni u struzzjoni għal carworkers sabiex jigu nfurmati biex jifhmu n-natura u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.

Tqassim ta' ktieb: Minn Qalbna... Għalik

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33044 u jgħid kemm ġie jiswa il-ktejjeb ta' propoganda li jismu Minn Qalbna...Għalik? Kif tqassam u kemm ġie jiswa t-tqassim tiegħu? Kemm-il kopja ġiet imqassma? Jista' jgħid min għamel dan ix-xogħol u jekk ingħatax b'direct order jew le?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.

infurzar tal-Avviż Legali 315

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33243 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid minn meta bdiet tiġi infurzata Regulation 7 tal-Avviż Legali 315 tal-2004? Iħoss il-Ministru li din il-proċedura ġdida qed tkun ta' xkiel għall-importaturi lokali? Jista' jgħid jekk din il-prattika hijiex addottata f'pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li r-Regolamenti tal-2004 dwar l-ikkummerċjar (A.L. 315 tal-2004) kienu irrevokaw lir-Regolamenti tal-2003 dwar Dikjarazzjoni ta’ Importazzjoni (A.L. 133 tal-2003). Ir-Regolament numru 7 kien l-istess fiż-żewġ regolamenti. Għaldaqstant ir-regolament numru 7 beda jiġi infurzat ftit wara li ħareġ l-Avviż Legali 133 tal-2003, jiġifieri f’Gunju tal-2003. Il-proċedura msemmija mhijiex ġdida. L-istqarrija għall-istampa numru 1531 tat-13 t’Awwissu 2011 kienet intenzjonata biex tfakkar lill-kummerċjanti bir-responsabiltajiet li huma għandhom skont ir-Regolamenti msemmija kif ukoll skont Regolamenti oħra. Skont ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il- welfare tal-annimali, Artiklu 3 para 6 jgħid ‘ ...Sal-limitu strettament meħtieġ għall-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċċjali, l-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-operaturi li jkollhom merkanzija mwassla minn stat membru ieħor biex jirrapportaw il-wasla ta' dik il-merkanzija. ’ Ir-Regolament 7 tal-Avviż Legali 315 tal-2004 qiegħed konformi ma’ dan l-artiklu.

San Vinċenż de Paul — informazzjoni dwar perunsa li taħdem hemm

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-rwol tal-ex Management Nursing Services Officer jew ex Principal Nursing Officer tar-Residenza San Vinċenż de Paul illum u dan peress li ta' spiss minkejja li spiċċa minn dawn il-karigi jkun fuq xogħlijiet fir-Residenza San Vinċenz de Paul? Jekk għandu xi rwol partikolari issa wara li rtira bl-età, jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed ikun imħallas? Jekk huwa imħallas għal xi rwol, jista' jgħid kemm qed ikun imħallas u jekk għandux xi benefiċċji oħra?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-persuna konċernata hija mpjegata bħala staff nurse mad-Dipartiment tal-Anzjani u l-Kura fil-Komunita’. Huwa jaħdem b’siegħat mnaqqsa, jiġifieri total ta’ 30 siegħa fil-ġimgħa. Jieħu paga normali ta’ staff nurse ikkwalifikat bil-Baccelerat li jaħdem 30 siegħa fil-ġimgħa. Din il-persuna m’għandu ebda benefiċċji oħra. Ix-xogħol tiegħu jinkludi fost oħrajn, il-koordinazzjoni tas-servizzi għan-nies li jgħixu fil-komunita’ kif wkoll assessments kliniċi tal-anzjani li jgħixu fil-komunita’. Bħalissa qed jgħin fit-tħejjija tan-night shelter ġewwa San Vinċenz.

Impjieg ta' Careworkers mad-Dipartiment tas-Saħħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jimpjega madwar 200 care worker mad-Dipartiment tas-Saħħa? Jekk iva, jista' jgħid jekk ġietx inkarigata care worker li hija helper tal-Partit Nazzjonalista fir-Residenza San Vinċenz de Paul waqt l-elezzjonijiet, u security guard li huwa magħruf għal kulur politiku li jħaddan, biex jiddentifikaw dawn il-care workers? Jekk se jimpjega, meta se jiftħu l-applikazzjoni u x'se jkunu l-kriterji tal-għażla?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.

informazzjoni dwar night shelter

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il night shelter hemm għall-anzjani f’Malta u f’Għawdex separatament? Jista’ jagħti dan it-tagħrif skont il-lokalità? Jista’ jgħid kull shelter kemm jakkomoda anzjani? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża fl-2011 fuq kull shelter għat-tmexxija tiegħu?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fil-preżent hawn żewġ Night Shelters f’Malta li jinsabu fiż-Żejtun u fil-Mellieħa. Kemm dak taż-Żejtun kif ukoll dak tal-Mellieħa, jakkomodaw 8 persuni . L-ispiża ta’ dawn in- Night Shelters fit-2011 kienet hekk: Żejtun Euro 5,000 Mellieħa Euro 8,450 Rigward Night Shelters ġewwa Għawdex nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Sptar Mater Dei — Central Sterile Services Department - azzjoni industrijali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux veru li t-taqsima Central Sterile Services Department tal-Isptar Mater Dei, kenux jew humiex fuq azzjoni industrijali? Jekk kienu jew huma jista' jgħid x'inhi t-tilwima industrijali? Jista' jgħid għaliex ħarġet tender għall-isterilizazzjoni tal-istrumenti għall-operazzjonijiet li tiswa €125,000 u li ġiet ippubblikat u tagħlaq fi żmien 24 siegħa? Dan se jfisser li l-impjegati ta' din it-taqsima se jiġu deployed f'xi xogħol ieħor fis-settur tas-saħħa? Jekk iva x'inhi r-raġuni li se tingħalaq din it-taqsima? Fejn se jiġu deployed dawn il-ħaddiema?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fit-taqsima Central Sterile Services Department tal-Isptar Mater Dei kienu fuq azzjoni industrijali, li issa twaqfu. It-tilwima industrijali kienet fuq żieda fi gradi u allowances minkejja li l-Gvern kien lest jikonċedi li dawn il-ħaddiema jingħataw l- allowances u strutura bi gradi għola milli għandhom illum. It- tender ħarġet bħala miżura temporanja biex jsir l-isteriliżazzjoni tal-istrumenti għall-operazzjonijiet fil-privat tal-istrumenti li mhux klassifikati bħala ta' emergenża, imma xorta essenzjali għall-operazjonijiet, li ma kienux qiegħdin jsiru minħabba d-direttivi mposti mill-Union relattiva fuq il-ħaddiema membri tagħhom. L-impjegati ta' din it-taqsima mhux se jiġu deployed f'xi xogħol ieħor, u ma hemm l-ebda ħsieb biex tingħalaq din it-taqsima.

djar tal-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex f'ċerti homes privati tal-anzjani, il-gvern ma jibgħatx anzjani? Liemu huma dawk il-homes privati li fihom qed jintbagħtu anzjani mill-gvern u liema huma dawk il-homes privati għall-anzjani li s'issa l-gvern qatt ma bagħat anzjani fihom? Kemm bagħat anzjani mis-sena 2008 sal-aħħar tas-sena 2011, sena b'sena u f'liema home? X'inhuma l-kriterji li l-gvern juża biex jibgħat l-anzjani f'homes privati?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.

Helipad fl-Isptar San Luqa

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33205, jista l-Ministru jgħid min neħħa din il-kamra żgħira u l-cables tal-elettriku, is-switches tad-dawl, l-apparat ta' komunikazzjoni u aparat għat-tifi tan-nar u xi spiża saret biex tneħħa dan kollu? Jista' jgħid jekk dan l-ammont jinkludiex anke l-kiri jew x-xiri ta' mobile cabins? Jista' jgħid jekk hux vera li l-Malta Enterprise qed tuża din l-area jew madwara bħala parking area? Din se taffetwa l-operat tal-Helipad?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li kif diġa spjegajt fir-risposta tiegħi għad-domanda parlamentari 33205 il-kamra ma tneħħitx mid-Dipartiment tas-Saħħa. L-apparat ta’ komunikazzjoni u tat-tifi tan-nar ittieħed kollu l-Isptar Mater Dei fl-2007, u għalhekk ma hemm l-ebda spiża sabiex dan jerġa jintuża. Dan l-istess apparat, fil-fatt ser jerġa jintuża. Madwar il-helipad hemm numru ta’ spazji ta’ parkeġġi. L-użu tal-helipad mill-ġdid ser jaffetwa madwar seba’ parkeġġi.

OHSA — bord ta' appell

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk twaqqafx bord tal-appell tal-Occupational Health and Safety Authority skont l-Avviż Legali 27/2000?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li -Att dwar l-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol (u mhux l-Avviż Legali 27/2000, kif imsemmi mill-Mistoqsija Parlamentari) jaħseb li jitwaqqaf Bord ta’ Appelli biex jisma u jiddeċiedi dwar appelli minn ordni ta’ xi uffiċjal maħtur skont dan l-Att. Il-Bord jitwaqqaf jekk jiġi reġistrat xi appell. Irid jingħad li l-Bord ta’ Appelli m’għandux x’jaqsam mas-sistema ta’ intimazzjoni ta’ pieni mill-Awtorita’ peress li intimazzjoni għal ħlas m’hijiex meqjusa bħala ordni

L-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek — mediċini b'xejn

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ġaladarba jeżisti s-servizz tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek ġewwa Ħal Kirkop, mediċini li jingħataw b'xejn mill-isptar bħalma huma Alprazolam jew kif magħrufin Xanax tablets, mhumiex qed jitqassmu mill-ispiżerija iżda l-pazjenti qed ikollhom xorta waħda jiġbruhom mill-isptar?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li bħalissa din it-tip ta’ mediċina mhux inkluża fil-formularju tal-iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek. Madankollu, id-Dipartiment tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek beda diskussjonijiet mal-awtoritajiet ikkonċernati sabiex, jekk hu possibbli, din is-sitwazzjoni titranġa.

Ingaġġ ta' Pharmacy Technicians

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jingaġġa l-pharmacy technicians li diġà għamlu l-interview u l-eżitu ta' riżultat ġie ppubblikat?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Ministeru qed jistenna l-approvazzjoni finali biex il-pharmacy technicians jiġu ngaġġati.

Sistema Nazzjonali ta' Informazzjoni dwar l-Ostetriċija — trabi li twieldu

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm, skont is-Sistema Nazzjonali ta' Informazzjoni dwar l-Ostetriċija, trabi ġew reġistrati li twieldu lill-unmarried mothers f'Malta u f'Għawdex, sena b'sena, mill-2005 sal-2011?

Response (CASSAR, JOSEPH)

It-tabella hawn taħt turi in-numru ta' trabi li ġew reġistrati li twieldu lill-single mothers f'Malta u f'Għawdex, sena b'sena, mill-2005 sal-2011. Sena Malta Għawdex Total 2005 707 30 737 2006 785 27 812 2007 859 38 897 2008 953 52 1,005 2009 984 41 1,025 2010 948 37 985 2011 1000 44 1,044

Persuni intotalit għall-kartuna s-safra jew roża

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi tibdil f'min hu intitolat għall-kartuna s-safra u/jew ir-roża? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid fiex jikkonsisti dan it-tibdil?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.

Waiting list tal-Isptar Mater Dei

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex veru jew le li hemm grupp ta' ħaddiema li qed iċemplu lill-pazjenti li jinstabu fuq xi waiting list u jaraw jekk il-pazjent għadhomx interessati li jagħmlu l-intervent jew le?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li kif kelli l-okkażżjoni li ngħid drabi oħra, llum ġewwa l-Isptar Mater Dei qed titħaddem sistema ċentralizzata ta’ listi ta’ stennija. Din is-sistema kompjuteriżżata tissejjaħ Central Patient Waiting List Management System. Tajjeb li ngħid li din is-sistema diġa qiegħda titħaddem f’numru ta’ dipartimenti fosthom id-Dipartiment tal-Ortopedija, id-Dipartiment tal-Oftalmoloġija, u d-Dipartiment tal-Kardjoloġija. Huwa mistenni li din is-sistema tiġi mplimentata wkoll fid-Dipartiment tal-Kirurġija fil-futur qarib. Din is-sistema diġa wasslet għall-immanniġjar aħjar tal-listi ta’ stennija. Kif kelli l-okkażżjoni ukoll li ngħid drabi oħra, il-proċess ta’ ċentralizzazzjoni tal-listi ta’ stennija mhux wieħed sempliċi għaliex il-listi kollha li sa ftit żmien ilu kienu jinżammu mill-konsulenti rispettivi, kellhom jiġu ċċekjati persuna persuna sabiex jitneħħew ismijiet doppji ta’ pazjenti, ismijiet ta’ dawk il-persuni li mietu, ta’ dawk li saritilhom l-operazzjoni, jew ta’ dawk li ma riedux jagħmlu l-operazzjoni għal raġunijiet differenti. L-Onor. Interpellant żgur li jifhem li huwa essenzjali li l-listi ta’ stennija dejjem ikunu jirriflettu n-numru eżatt ta’ pazjenti li verament ikunu qegħdin jistennew sabiex issirilhom operazzjoni jew xi intervent ieħor. Dan ix-xogħol ta’ verifika u ppjanar sar u qiegħed ikompli jsir minn uffiċċju li ġie mwaqqaf apposta ġewwa l-Isptar Mater Dei u li jissejjaħ Waiting List Office .

Waiting list imnaqqsa

Question

Jista' l-Ministru jgħid lil liema grupp ta' pazjenti ċemplu u allura liema waiting lists ġew imnaqqsa għaliex xi pazjenti rrifjutaw li jagħmlu t-test jew operazzjoni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onorevoli nterpellant għar-risposta li tgħajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 32694 fejn spjegajt dak li qed jiġri fil-proċess tal-immaniġjar tal-lista ta’ stennija.

Telefonata fuq waiting lists

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tnaqqsu pazjenti minn fuq il-waiting lists bl-eżerċizzju ta' telefonata mingħand grupp ta' ħaddiema li kienu jċemplu biex jaraw jekk pazjenti li kienu fuq il-waiting lists għandhomx interessati?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.