Legislature:
Category:
Reset
Active:

Xiri ta' Petrol u Diesel tal-Enemalta

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35370 u jinforma lill-Kamra kemm kienu l-Platts average monthly CIF Med. tal-petrol u diesel li tixtri l-Korporazzjoni Enemalta bejn Jannar u Mejju 2012? Jekk għal xi raġuni ma jistax jagħti l-prezzijiet taż-żewġ prodotti, jista' juża l-prezzijiet ta' dawn iż-żewġ prodotti kif kienu f'Jannar 2012 u juża 100 bħala bażi, imbgħad iżid jew jnaqqas skont kif kien il-każ fi tmien Frar, Marzu, April u Mejju 2012?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Platts average monthly CIF Med tal-petrol u diesel għal perjodu Jannar u Mejju 2012 li bih xtrat il-Korporazzjoni Enemalta kienu kif murija fit-tabella mehmuża.

WSC Water Meters

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 35379, jista' l-Ministru jgħid kemm inbiegħu meters ma' kull tender f'dawn l-aħħar tliet snin? X'kien il-valur ta' kull tender? Min ħadu f'kull każ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

NSO — qagħda ekonomika

Question

Fid-dawl li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, skont il-pubblikazzjoni tiegħu Gross National Income Inventory (ESA95) ta' April 2008, ċaqliq fl-inventarji dovut għall-parti tad-diskrepanza statistika li tikkontribwixxi negattivament għall-prodott gross domestiku (PGD) tfisser biss li l-livelli ta' wieħed jew aktar mill-komponenti l-oħra tal-PGD mkejjel mill-expenditure approach, bħall-konsum tal-familji, investiment, u/jew esportazzjoni huma fir-realtà aktar baxxi milli jindikaw ċ-ċifri (jew li l-livell tal-importazzjoni hu aktar għoli minn dak stabilit), u għaldaqstant ma jħalli ebda effett fuq il-kejl tat-total tal-PGD billi l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juża l-production approach bħala l-metodu prinċipali biex tkejjel il-PGD, jista' l-Ministru jgħid x’inhi r-reazzjoni uffiċjali tal-gvern għall-fatt li l-Gvernatur tal-Bank ċentrali preżenti esprima pubblikament dubbji dwar kemm iċ-ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qed jagħtu stampa reali tal-qagħda ekonomika f’pajjiżna, jiġifieri jekk il-pajjiż hux tassew teknikament f’riċessjoni jew le?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Public Service Obligation — kumpanija Gozo Channel

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 35269 u 35020 u cioè b’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 34503 dwar in-nefqa kull sena fuq il-Public Service Obligation li l-gvern għandu mal-Gozo Channel Co., jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa kull sena li tkopri l-passiġġieri Għawdxin?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Sit tal-Barmil Xewkija — spazju industrijali - sejħa għall-offerti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 30729 u 33318 dwar spazju industrijali fuq sit tal-Barmil Xewkija minn Public Private Partnership, jista’ l-Ministru jgħid jekk issa l-imsemmija sejħa għall-offerti ħarġitx? Jekk ħarġet meta u x’inhu n-numru tagħha?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 33318.

Enemalta — impjegati li jagħmlu l-korsijiet

Question

Jista' l-Ministru jiċċekja u jgħid jekk l-individwu li isimu qed jintbagħat separatament u għandu l-grad ta' PDTO mal-Korporazzjoni Enemalta marx jagħmel xi kors fl-Università fl-aħħar disa' snin u kienx sponsorjat mill-korporazzjoni? Jista' jgħid jekk dan l-individwu gradwax? Jekk le, jista' jagħti risposta ċara li l-flus li l-korporazzjoni ħallsitu f'pagi fiż-żmien li għamel l-Università ġewx rifużi lura kollha, u meta ġew rifużi? Jista' jgħid minn naħa tal-korporazzjoni min huwa l-individwu li finalment huwa responsabbli li jara li dawn l-isponsorships jingħataw b'mod serju u li jekk l-individwu involut ma jġibx il-kwalifiki lura jinġabru l-flus lura mill-iktar fis? Jista' jagħti lista dettaljata tal-persuni mill-Korporazzjoni Enemalta li ntbagħtu jagħmlu korsijiet l-Università, jekk għaddewx u jekk le ġew rifonduti l-flus tal-isponsorship u meta?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Enemalta — interview mill-HR

Question

Jista' l-Ministru jghid fl-aħħar disa' snin (sena b'sena) kemm kien hemm ilmenti minn persuni li allegaw li nqabżu inġustament f'interviews li saru mill-Human Resourses tal-Korporazzjoni Enemalta? Jista' jipprovdi lista ta' nomenklaturi li dwarhom l-Human Resourses tal-korporazzjoni stess irċieva ilmenti? Jista' jgħid jekk f'dawn is-snin kienx hemm xi forma ta' audit fuq l-operat tal-Human Resources tal-Korporazzjoni? X'irriżulta minn dan l-auditing jekk fil-fatt sar?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Rapport Regolatorju tal-MFSA — La Vallette Multi Manager Propery Fund tal-BOV

Question

B’referenza għar-Rapport Regolatorju tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzajrji ta’ Malta dwar misselling mill-Bank of Valletta in kwantu għal La Vallette Multi Manager Property Fund, jaf il-Ministru li l-biċċa l-kbira tal-mijiet ta’ konsumaturi li għamlu l-ilment tagħhom ta’ misselling mal-Awtorità, ħafna minnhom sa 18-il xahar ilu, jifformaw parti minn dik il-faxxa tal-populazzjoni l-aktar vulnerabbli li tikkonsisti f’ċittadini anzjani li jippruvaw ilaħħqu mal-ħajja fuq il-pensjoni soċjali minkejja l-ispejjeż riżultat tal-mard kroniku tagħhom, u li ħafna minn dawk li ilmentaw – mhux biss il-pensjonanti li ssemmew qabel – għandhom livell akkademiku bażiku u edukazzjoni finanzjarja mill-aktar fqira, u li sa frattant, lkoll ġew kategorizzati bħala “Experienced Investors” mill-Bank of Valletta bl-iskop li jbiegħulhom il-Fond, u li dawn li lmentaw lkoll taw evidenza dokumentata lill-MFSA li la huma investituri ta’ esperjenza fuq livell sostantiv u lanqas wieħed formali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

La Vallette Multi Manager Property Fund — Prospett Supplimentari

Question

B’referenza għall-Prospett Supplementari viġenti tal-La Valette Multi Manager Property Fund tal-10 t’Awwissu 2010, jista’ l-Ministru jgħid jekk jafx li l-La Valette Multi Manager Property Fund għadu miftuħ għal sottoskrizzjonijiet ġodda abbażi tal-Prospett Supplementari viġenti tal-10 t’Awwissu 2010? Jista’ jgħid jekk jafx li tul dawn l-aħħar xhur inġiebet diversi drabi għall-attenzjoni taċ-chairman u tad-Direttur Ġenerali tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta li l-verżjoni viġenti tal-Prospett Supplementari tal-La Valette Multi Manager Property Fund, jiġifieri dik tal-10 t’Awwissu 2010, tikser il-liġijiet tal-Att dwar is-Servizzi tal-Investiment kif ukoll ir-Regoli maħruġa bis-saħħa tagħha mill-istess Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta, u dan bi ħsara għal konsumaturi li għandhom dritt jistrieħu fuq Prospett ta’ prodott ta’ investiment u li jkunu qed jikkunsidraw jidħlu f’dan il-Fond?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

La Vallette Multi Manager Property Fund — Prospett Supplimentari - ksur ta' Investiment Restrictions

Question

B’referenza għall-Prospett Supplementari viġenti tal-La Valette Multi Manager Property Fund tal-10 t’Awwissu 2010, jista' l-Ministru jgħid jekk jafx li l-konsegewenzi naturali tar-Rapport tal-istess Awtorità tas-16 ta’ Ġunju 2011 u dak tal-25 ta’ Ġunju 2011 fil-konfront ta’ Valletta Fund Management Ltd u tal-Bank of Valletta plc dwar il-La Valette Multi Manager Property Fund, fejn l-Awtorità kkonfermat ksur ta’ Investment Restrictions mil-Valletta Fund Management Ltd u ħruġ ta’ Rapporti annwali tal-Kustodju mhux veritjiera anzi li jiżvijjaw lil investituri mill-Bank of Valletta, u liema konkluzjonijet tal-Awtorità ma ġewx appellati, ifisser neċessarjament li l-Prospett Supplementari viġenti ta’ dan il-Fond hu inkorrett, falz, mhux veritjiet, jiżvijja lill-pubbliku u inkonsistenti, in kwantu il-Prospett ma ġiex aġġornat u ppubblikat biex jistqarr li Investment Restriction (vi) inkisret b’mod ripetut u fit-tul u li ħafna mill-fondi sottostanti għadhom fil-fond bi ksur tal-kondizzjoni tal-Prospett sal-ġurnata tal-lum?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

La Vallette Multi Manager Property Fund — Prospett Supplimentari - MFSA

Question

B’referenza għall-Prospett Supplementari viġenti tal-La Valette Multi Manager Property Fund tal-10 t’Awwissu 2010, jaf il-Ministru li dan kollu qed iseħħ f’wiċċ l-Awtorita għas-Servizzi Finanzjarji u taħt imnieħirha li allura qiegħda turi ruħha bla personalità u impotenti li tinforza r-Regolamenti tagħha stess li jeżiġu li Prospett irid ikollu “the essential elements of which to be kept up to date” sabiex “for investors to make informed judgement about the investment proposed to them”, inkluż informazzjoni dwar “the investment objectives, policies and restrictions of the scheme, together with the extent of use of leverage”?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

La Vallette Multi Manager Property Fund — MFSA - Prospett Supplementari

Question

B’referenza għall-Prospett Supplementari viġenti tal-La Valette Multi Manager Property Fund tal-10 t’Awwissu 2010, jista’ l-Ministru jgħid lil min sewwa sew qed tipproteġi l-MFSA?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

rati tad-dawl u l-ilma mnaqqsa

Question

Peress li l-prezz taż-żejt illum nieżel taħt id-$84 il-barmil, jista' l-Ministru jgħid jekk hemm possibilità li r-rati tad-dawl u ilma jkunu aġġustati 'l isfel fl-interess tal-konsumatur u l-operaturi ekonomiċi speċjalment fid-dawl ta' tnaqqis fl-ekonomija matul l-ewwel tliett xhur ta' din is-sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Bank Ċentrali — riservi tad-deheb

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu r-riservi tad-deheb fil-Bank Ċentrali fis-sena 1990, fis-sena 2000 u kemm huma llum fil-15 ta' Ġunju 2012?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

bejgħ ta' Selmun Palace Hotel

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk is-Selmun Palace Hotel għadhiex għall-bejgħ inkella le? Jekk iva, jista' jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jiġi finalizzat dan il-bejgħ?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-process għall-bejħ fuq il-Lukanda Selmun għadu għaddej.

San Pawl il-Baħar — Triq il-Port Ruman - servizzi mgħoddija

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Triq il-Port Ruman, f'San Pawl il-Baħar, għandhiex is-servizzi tas-drenaġġ u l-ilma mgħoddija fit-tul kollu tagħha, b'mod permanenti? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk matul l-aħħar ftit ġimgħat sarx xi xogħol mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma f'din it-triq?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Gozo Channel — problemi fuq ir-rampi

Question

Peress li fl-aħħar ġimgħat il-problemi fuq ir-rampi tal-Gozo Channel, li ovvjament qed joħolqu ħafna inkonvenjent, jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-kawża ta' dan kollu?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-31 ta’ Mejju ta’ din is-sena, waqt li kienet qed issir spezzjoni regolari tar-rampi tal-vapur Gaudos ġie skopert qsim fi travu strutturali tar-rampa tal-poppa. Minħabba periklu li tista’ ssir aktar ħsara fir-rampa ġie deċiż li r-rampa ma tintużax sakemm isiru t-tiswijiet neċessarji. Il ħin kien is-sebgħa ta’ filgħaxija. Minnufih bdew isiru il-preparazzjonijiet u spezzjoni tal-ħsara mill-klassi tal-vapuri biex jsiru t-tiswijiet, l-għada, matul il-lejl, biex is-servizz tal-vapuri jibqa’ jopera b’żewġ vapuri peress li l-vapur Ta’ Pinu kien għadu t-tarzna fejn kien qed jiġu installati car decks ġodda. Ix-xogħol ta’ tiswija fuq ir-rampa tal-Gaudos inbeda tul il-lejl bejn l-ewwel u t-tieni ta’ Ġunju wara li waqaf il-vapur mis-servizz. It-tiswijiet baqgħu sejrin matul il-lejl u twaqqfu x‘ħin ir-rampa setgħet tingħalaq mingħajr periklu fil-għaxra ta’ filgħodu. It-tiswijiet ma kienux lesti għalkollox u tkomplew il-lejl ta’ wara fejn tlestew qabel ma l-Gaudos daħal fis-servizz kif skedat filgħodu. Ninsab infurmat ukoll li f’każ ieħor separat, fid-9 ta’ Ġunju, waqt li l-Malita kien dieħel iċ-Ċirkewwa fis-7.15 ta’ filgħodu, wieħed miċ-ċilindri idrawliċi li jiftħu r-rampa ġralu ħsara – inkiser l-ankeraġġ taċ-ċilindru mal-istruttura tar-rampa u din kellha tingħalaq b’emerġenza fuq ċilindru wieħed sakemm jindidel iċ-ċinildru difettuż. Il-bdil taċ-ċilindru nbeda dak il-lejl u tkompla fil-lejl ta’ wara. Ħsarat fir-rampi ta’ dawn il-vapuri huma inevitabbli meta tqis li dawn ir-rampi jiżnu aktar minn 30 tunellata u li jkunu nfetħu iktar minn 30,000 darba. Spezzjonijiet regolari jsiru biex xi ħsara tiġi skoperta fil-bidu qabel ma’ tikber u tiżviluppa fi ħsara ferm ikbar jew xi inċident.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — infiq f'ċelebrazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus sena b'sena, fis-snin li għaddew 2011, 2010, 2009 u 2008 f'ċelebrazzjonijiet, parties, ikliet, ikliet ta' ospitalità u festini oħrajn mill-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment? Min kien responsabbli għal dawn l-attivitajiet u kemm ġiet tiswa kull attività?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fil-Ministeru u dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu, maqsuma settur settur? Jista' jgħid ukoll il-gradi tas-salarji u benefiċċji oħra ta' kull kategorija?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 29117.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — ħaddiema impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda fil-Ministeru u dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu, maqsuma skont il-kategorija, matul is-sena 2011? Jista' jgħid kif saret is-sejħa għal kull impjieg?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 29117.