ETC — ħaddiema li qed jirreġistraw u li qabel kienu jaħdmu l-Libja
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta' ħaddiema Maltin u Għawdxin li kienu jaħdmu fil-Libja qabel ma beda l-inkwiet u li bħalissa qed jirreġistraw għall-impjieg mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Famlija — lista' ta' konsulenzi
Question
Tista' l-Ministru tagħti lista tal-konsulenzi u ammonti rispettivi li l-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtha taw matul l-aħħar għaxar snin lill-persuna/kumpanija li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ma kien hemm ebda konsulenzi li l-Ministeru, departimenti u entitajiet taw lill-persuna/kumpanija li d-dettalji tagħhom jingħataw separatament.
Kunsill Nazzjonali dwar il-Ħiliet — membri u laqgħat
Question
Tista’ l-Ministru tindika min huma l-membri maħtura fil-Kunsill Nazzjonali dwar il-Ħiliet u x’inhu l-ħlas li jieħdu? Tista’ tindika kemm-il darba ltaqa’ l-Kunsill Nazzjonali dwar il-Ħiliet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Matul din is-sena saru diversi laqgħat bejn entitajiet governattivi sabiex jiġi diskuss it-twaqqif tal-Kunsill Nazzjonali dwar il-Ħiliet. Wara dawn il-konsultazzjonijiet ġie deċiż li jitwaqqaf is-Sector Skills Committee fi ħdan il-Kummissjoni Nazzjonali għal Edukazzjoni Ogħla li se jkollu r-rwol u l-funzjonijiet li jsaħħaħ il-ħiliet. Dan il-kumitat se jkun imwaqqaf permezz ta’ Avviż Legali taħt l-Att tal-Edukazzjoni wara li jsiru l-emendi lil dan il-Att fil-Parlament.
Huwa maħsub li dan il-Kumitat se jkun kompost kif ġej:
§ Chairperson
§ Membru li jirrappreżenta l-industrija b’mod ġenerali
§ Membru li jirrappreżenta l-edukazzjoni u taħriġ b’mod ġenerali
§ Membru li jirrappreżenta lil min iħaddem b’mod ġenerali
§ Membru li jirrappreżenta ħaddiema li jkunu nnominati mill-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali li huwa stabbilit minn Artiklu 3 tal-Att dwar il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali.
Tista’ l-Ministru tagħti rendikont fiex wasal ix-xogħol fuq il-Politika Nazzjonali dwar it-Tfal?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Wara li twaqqaf il-Grupp ta’ Ħidma biex ifassal il-Politika Nazzjonali dwar it-Tfal, saret ħidma intensiva u l-Politika tressqet quddiem il-Kabinett, qabel ma joħroġ għall-konsultazzjoni pubblika.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm intnefqu mill-€400,000 vvutati biex tfal u żgħażagħ li ma jistgħux jibennefikaw minn servizzi residenzjali jew fostering eżistenti jkunu jistgħu jingħataw alternattiva ġdida f’ambjent ta’ familja? Tista’ tgħid x’tip ta’ servizzi alternattivi ngħataw dawn it-tfal?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Is-servizz li qed jagħmel referenza għalih l-Onor. Interpellant huwa l-Out of Home Care Programme. L-ippjanar preliminarju għal dan is-servizz ilu jsir permezz ta’ diskussjonijiet ma’ l-Aġenzija Appoġġ mill-ewwel kwart tas-sena. F’Mejju beda l-proċess biex jinħatar jew tinħatar manager għal dan is-servizz, li bdiet taħdem f’Lulju. Flimkien magħha ġew magħżula tlett ħaddiema soċjali u għandu jkun hemm avukat li l-għażla tiegħu/tagħha għadha fil-proċess.
Dan il-programm li se jinkludi tlett tipi ta’ servizzi. Dawn huma:
1. Specialised home-based care li jixbah il-fostering imma hu mmirat lejn dawk it-tfal u żgħażagħ li għandhom bżonn jinħarġu minn mal-familja naturali tagħhom imma jippreżentaw sfidi partikolari, jew fl-imġieba, jew f’xi kundizzjoni fiżika jew mentali, jew fi stil ta’ ħajja, jew f’ċirkostanzi tal-ħajja. Dawn it-tfal u żgħażagħ huma dawk li, s’issa, ma kienx hemm placement addatat għalihom u, allura, kellhom jitħallew mal-familja naturali tagħhom jew inkella jitpoġġew f’placement li mhux qed jilħaq il-bżonnijiet tagħhom, jew oħrajn li nstabitilhom familja alternattiva imma li għandhom bżonn jingħataw taħriġ, support u servizzi aktar intensivi u speċjalizzati. Se jsir kull sforz biex jinstabu familji li, b’għajnuna xierqa, kemm finanzjarja u kemm ta’ servizzi, ikunu lesti jilqgħu lil dawn it-tfal jew żgħażagħ fi ħdan il-familji tagħhom.
2. Freeing children for adoption huwa servizz li se jaħdem biex jagħti l-opportunita’ ta’ adozzjoni lil dawk it-tfal li ma jistgħux jgħixu mal-familja naturali tagħhom u li m’hemmx cans li jingħaqdu magħha fil-futur, fejn il-ġenituri ma jkunux qed jagħtu l-kunsens tagħhom għall-adozzjoni.
3. Co-management of residential facilities huwa servizz fejn l-Aġenzija Appoġġ se tidħol bi sħab ma’ organizazzjonijiet li qed jipprovdu servizzi residenzjali għat-tfal u żgħażagħ imma li qed isibu diffikultajiet biex jagħtu servizz lil dawk kollha li għandhom bżonn is-servizzi tagħhom. Permezz ta’ dan l-arranġament huwa ttamat li dawn il-faċilitajiet ikunu f’pożizzjoni aħjar biex iwessgħu s-servizzi tagħhom biex jilħqu l-bżonnijiet ta’ dawk it-tfal u żgħażagħ li għandhom bżonnhom.
Dawn it-tlett servizzi għandhom l-għan li, fejn huwa possibli u fl-aħjar interess tat-tfal u żgħażagħ, dawn it-tfal u żgħażagħ jingħataw l-opportunita’ li jgħixu f’familja. Fejn dan mhux possibli, jew mhux fl-interess tagħhom, ikun hemm faċilitajiet addatati li jilqgħu l-bżonnijiet tagħhom għalihom.
Ix-xogħol fuq dawn is-servizzi huwa fl-istadju preliminarju ta’ twettiq fejn qed jiġu stabbiliti l-proċeduri u l-formuli li se jintużaw għal dan is-servizz u qed isiru wkoll diskussjonijiet ma’ organizazzjonijiet u persuni varji li huma involuti fis-settur. Wasal fi stadju fejn imiss il-pass li tinġabar informazzjoni dwar it-tfal u żgħażagħ li huma eleġibbli għas-servizzi varji, kif ukoll dwar dawk il-persuni li lesti joffru dawn is-servizzi. Wara dan ikun irid isir it-taħriġ ta’ dawn il-persuni, biex imbagħad isir assessment biex jiġi stabbilit jekk humiex idonji biex jipprovdu s-servizz.
L-ammont li ntefaq mill-Vot biex tfal u żgħażagħ li ma jistgħux jibbenefikaw minn servizzi residenzjali jew fostering eżistenti jkunu jistgħu jingħataw alternattiva ġdida f’ambjent ta’ familja kien ta’ €11,008.58. Dawn ma jinkludux l-ispejjez li huma ppjanati u li se jintefqu sal-aħħar tas-sena.
Intefaq ukoll l-ammont ta’ €122,251.15 minn Vot 20 li jaqa’ taħt id-Direttur Servizzi Korporattivi fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-miżura mħabbra fil-Budget 2011 għal familja b’aktar minn persuna waħda li tuża s-siġġu tar-roti tgawdi minn eżenzjonijiet kurrenti daħlitx fis-seħħ? Kemm persuni gawdew minn din il-miżura?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Din il-miżura daħlet fis-seħħ u sa Lulju 2011 ibbenefikat familja waħda.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm persuni gawdew mill-eżenzjonijiet kurrenti għal familja b’persuna waħda li tuża siġġu tar-roti anke fuq it-tieni wheelchair accessible vehicle?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Kien hemm persuna waħda li bbenefikat mill-eżenzjoni fuq it-tieni wheelchair accessible vehicle.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk daħlitx fis-seħħ il-miżura li jispiċċa l-ħlas tal-liċenzja fuq wheel chair accessible vehicles anke wara l-ħames sena ta’ reġistrazzjoni?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-miżura li jispiċċa l-ħlas tal-liċenzja fuq wheel chair accessible vehicles anke wara l-ħames snin ta’ reġistrazzjoni daħħlet fis-seħħ u hemm applikazzjonijiet li qed jiġu pproċessati.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm twaqqfu skemi tal-Awtorità tad-Djar? Kemm minnhom inbidlu u kemm iddaħħlu skemi ġodda?
Response (CRISTINA, DOLORES)
F’dawn l-aħħar tnax-il xahar, l-Awtorità tad-Djar ma waqqfet l-ebda skema u ma nbidlu l-ebda skemi. Fil-bidu ta’ Awwissu 2011, ġiet varata skema ta’ xiri lill-kerreja ta’ postijiet tal-gvern ġewwa l-Kottonera.
Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew allokati flats lill-Isptar Monte Karmeli taħt l-iskema supportive housing tal-Awtorità tad-Djar? Kemm pazjenti tal-Isptar Monte Karmeli marru f'dawn il-flats?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Awtorità tad-Djar taħt l-iskema tas-supportive housing allokat tliet flats lill-Isptar Monte Karmeli. Dawn jinsabu f’B’Kara, M’Xlokk u Mġarr. Dawn il-flats fihom 2 u 3 ikmamar tas-sodda. L-Awtorità tad-Djar m’għandiex informazzjoni kemm-il pazjenti ta’ Isptar Monte Karmeli qegħdin jagħmlu użu minn dawn il-flats.
Billi skont statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika bejn Marzu u April 2011, f'xahar wieħed biss, il-Gvern impjega miegħu aktar minn 600 ħaddiem, tista’ l-Ministru tagħti lista dettaljata tax-xogħlijiet li kienu impjegati fihom dawn il-persuni?
Tista’ tagħti l-pakkett ta’ renumerazzjoni għal kull każ?
Tista’ tispeċifika f’kull każ in-nazzjonalità tal-persuni konċernati mingħajr ma tagħti l-identità tagħhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — Xogħlijiet lill-kumpaniji
Question
Tista' l-Ministru tgħid fil-każ ta' kull kumpanija li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament, kemm ingħatat xogħol mill-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħtha mill-2004 sal-lum? F'kull każ, tista' tgħid kemm huwa l-valur involut? Tista' tgħid jekk hux kuntratt jew direct orders? Meta ngħata?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tagħti l-pass mark tal-eżamijiet tas-SEC f'kull suġġett mill-2004 sal-lum?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Bord tal-MATSEC ma jissettjax pass mark għal kull suġġett fil-livell tas-SEC u lanqas ma jistabilixxi min għadda u min m’għaddiex mill-eżami. Il-Bord joħroġ ir-riżultati bħala gradi, minn Grad 1, li huwa l-ogħla grad, sa Grad 7, li huwa l-inqas grad. Il-firxa tal-marki għal kull grad tkun deċiża waqt laqgħa li ssir għal kull suġġett individwali bejn iċ-chairman u/jew eżaminaturi oħra flimkien ma’ uffiċjali tal-MATSEC Support Unit.
Din il-laqgħa ssir wara li l-eżaminaturi tas-suġġett jimmarkaw l-iskripts u jiġbru l-marki kollha tal-eżami, li jistgħu jinkludu marki tal-eżami tal-orali, tal-
listening comprehension
, tal-eżami prattiku jew proġett, u l-eżamijiet tal-kitba. Id-deċiżjoni dwar il-firxa ta’ marki għal kull grad tieħu f’kunsiderazzjoni l-istatistika tal-firxa tal-gradi tul l-aħħar ftit snin, l-evalwazzjoni professjonali tal-eżaminaturi dwar il-livell tal-ħiliet murija mill-kandidati fis-sena partikulari, u d-deskrizzjoni tal-ħiliet mistennija mill-kandidati biex jikkwalifikaw għal Gradi 1, 5 u 7 kif ippublikati fis-sillabu tas-suġġett.
Minbarra hekk, fil-livell tas-SEC, il-firxa tal-marki biex wieħed jikkwalifika għal Gradi 4 u 5 tkun differenti għal dawk il-kandidati li jersqu għal karta IIA jew għal karta IIB minbarra l-ewwel karta, li hija komuni għall-kandidati kollha. Dan għaliex il-karta IIA jkun fiha mistoqsijiet itqal minn dawk tal-ewwel karta u l-kandidati jistgħu jikkwalifikaw għal gradi 1 sa 5, waqt li fil-karta IIB il-mistoqsijiet ikunu eħfef minn dawk tal-ewwel karta u għalhekk l-kandidati jistgħu jikkwalifikaw għal gradi 4 sa 7. Minħabba li l-gradi 4 u 5 huma ekwivalenti sew jekk wieħed jiksibhom minn karta IIA (itqal) jew IIB (eħfef), jintużaw metodoloġiji statistiċi biex il-firxa tal-marki ta’ dawn il-gradi minn karti differenti jkunu ekwivalenti.
Il-Bord tal-MATSEC huwa tal-opinjoni li l-pubblikazzjoni tal-firxa tal-marki għal gradi partikulari m’hijiex ta’ benefiċċju għall-istudenti għaliex ikun hemm minnhom li jimmiraw għall-iktar marka baxxa waqt li jkun iktar vantaġġjuż għalihom jekk jistinkaw biex juru l-aħjar li jafu fl-eżamijiet u hekk jiksbu l-ogħla grad li jkun jistħoqqilhom.
Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — nefqa fuq safar
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm intnefqu flus f'safar mill-2008 sal-lum minn uffiċjali li jaqgħu fi ħdan ir-responsabbiltà tagħha, jiġifieri minn uffiċjali fl-awtoritajiet, dipartimenti governattivi u oħrajn? Tista' tagħti d-destinazzjoni u l-iskop tas-safra? Tista' tagħti din l-informazzjoni ukoll għar-rigward tas-Segretarju Parlamentari responsabbli miż-Żgħażagħ u Sport?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kumplament ta’ l-Informazzjoni jiġifieri dik ta’ l-Università ta’ Malta u tad-Direttorat għal Servizzi Korporattivi hekk kif mitluba fil-Mistoqsija Parlamentari numru 25236
kors tal-M.Ed fix-xjneza — kwestjoni dwar numerus klausus
Question
Fid-dawl ta' surveys bħal TIMMS li juru kemm pajjiżna għadu nieqes minn riżorsi umani b'ħiliet fil-qasam tax-xjenza, tista' l-Ministru tgħid għaliex il-kors universitarju M.Ed fix-xjenza, wara li ma fetaħx f'Ottubru 2011, issa jirriżulta li minkejja domanda qawwija, se jkollu restrizzjoni b'numerus klausus ta' 16-il student biss fil-kors?
Response (CRISTINA, DOLORES)
In-numru ta’ postijiet għall-kors tal-M.Ed. Science Education huwa limitat primarjament minħabba l-għadd ta’ staff akkademiku li jkunu jistgħu jipprovdu superviżjoni għad-dissertazzjonijiet.
Meta jitqiesu n-numru ta’ membri tal-istaff bil-kwalifiki meħtieġa li ser ikunu qed jgħallmu l-kontenut tal-kors (inkluż is-superviżjoni tad-dissertazzjonijiet), kif ukoll id-dmirijiet tagħhom fil-korsijiet l-oħra li toffri l-Fakulta’, il-Bord tal-Fakulta’ u s-Senat ħadu d-deċiżjoni li jkunu aċċettati 16-il student f’dan il-kors.
Sal-lum, daħlu 9 applikazzjonijiet għall-kors tal-M.Ed. Science Education.
persuni b'diżabilità reġistrati mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità
Question
Tista' l-Ministru tgħid fost il-persuni b'diżabilità reġistrati mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità kemm hemm persuni:
a) anqas minn 16-il sena;
b) bejn 16 u 23 sena;
ċ) bejn 23 u 60 sena;
d) bejn 60 u 65 sena; u
e) 'il fuq minn 65 sena?
Minn dawn il-gruppi kemm skont l-età (a) huma ta' sess maskili u femminili? Kemm skont l-età (b) huma miżżewġin, separati u single? Kemm skont l-età (c) jgħixu fi djarhom jew f'istituzzjoni u jekk humiex istituzzjonjet governattivi, privati u tal-Knisja rispettivament? Skont l-età (d) kemm minnhom għandhom diżabilità permanenti jew temporanja? Skont l-età (e) kemm minnhom għandhom diżabilità gravi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Kulleġġ San Ġorġ Preca — Skola sekondarja tas-subien tal-Marsa - trasferiment
Question
Tista' l-Ministru tgħid xi pjanijiet hemm għall-Iskola Sekondarja tas-Subien tal-Marsa li tagħmel parti mill-Kulleġġ San Ġorġ Preca wara li l-istudenti li qed jattendu fiha se jiġu trasferiti għall-Iskola Sekondarja tas-Subien ta' Ħaż-Żebbuġ fis-sena skolastika li jmiss?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-iskola tal-Marsa tista’ tintuża għal servizzi edukattivi. Jekk dan ma jseħħx il-binja tingħata lura lid-dipartiment tal-artijiet.
Tista' l-Ministru tagħti dawk id-direttivi sabiex issir ir-reviżjoni tal-pensjoni tal-persuna, li d-dettalji tagħha qegħdin jintbagħtu separatament, peress li kienu varji t-talbiet li għamlet din il-persuna mad-dipartiment konċernat però qatt ma ħadet risposta?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali qed jieħu l-passi neċessarji sabiex il-pensjoni ta’ din il-kategorija ta’ persuni li tagħmel parti minnha l-persuna riferuta għaliha fil-Mistoqsija Parlamentari tiġi riveduta. Din ir-revizzjoni ma ssirx fuq bażi imma fuq bażi kollettiva u tinvolvi numru ta’pensjonanti. Jeħtieġ li jsir l-analogar mas-salarji tal-Gvern.