Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali — benefiċċju tal-enerġija

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33254, jista' l-Ministru jgħid, matul is-sena 2011, kemm-il talba saret mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali lill-ARMS Ltd sabiex benefiċċjarji tal-benefiċċju tal-enerġija li mhumiex account holder mal-kumpanija ARMS Ltd jingħataw din l-għajnuna?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onor interpellant li meta l-ARMS joħorġu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, l-istess informazzjoni tingħata lid-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali biex ikun jista jaħdem u jipproċċessa, l-ammont ta’ benefiċċju dovut lill-persuna li tkun intitolata għal imsemmi benefiċċju u mhux lill-account holder. Dan ifisser li min qed jirċievi l-benefiċċju irid jagħmel l-arranġamenti meħtieġa mal-account holder biex meta jħallsu għal konsum tad-dawl u l-ilma li jkun ħela f’dak il-perjodu tal-kont, inaqqas l-ammont tal-voucher tal-Benefiċċju għall-Enerġija minn dak li għandu jagħti lill-account holder, biex dan tal-aħħar iħallas il-kont, parti fi flus u l-kumplament f’voucher. Dan il-proċess isir fuq bażi regolari kull meta jinħargu il-kontijiet mill-ARMS Ltd.

Care Orders — tfal Għawdxin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tfal Għawdxin li hemm bżonn li dwarhom tinħareġ care order? X'inhi r-raġuni li dawn il-care orders mhumiex jinħarġu

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Aġenzija Appoġġ qed tinvestiga numru ta’ każijiet ġewwa Għawdex u għad m’hemmx konklużjoni dwar jekk għandhiex tinħareġ Ordni ta’ Ħarsien fuq uħud minnhom.

Servizz tal-fostering — quality indicators

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 31585, jista' l-Ministru jgħid meta se jkunu ppubblikati l-quality indicators li huma tant bżonnjużi biex ikollna servizz tal-fostering immexxi b'mod aktar professjonali?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment Standards fil-Ħarsien Soċjali ipprepara Standards Nazzjonali għat-Trobbija tat-Tfal fid-djar residenzjali u fil-foster care kif ukoll accreditation criteria għall-aġenziji tal-fostering. S’issa għad m’hemmx quality indicators għall-aġenziji tal-fostering, iżda s-servizz tal-fostering jiġi evalwat kull sentejn skont kif titlob il-Foster Care Act 2007.

Dipartiment tal-Istandards fil-Ħarsien Soċjali — draft law

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 30589, jista' l-Ministru jindika meta id-draft law li ilha lesta minn 2008 dwar il-bżonn ta' liċenzja lid-Dipartiment tal-Istandards fil-Ħarsien Soċjali biex tibda tinvestiga s-servizzi mogħija mill-gvern u entitajiet oħra, titressaq quddiem il-Parlament?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi x-xoghol fuq l-abbozz ta' liġi wasal fl-aħħar stadju. Fadal biss il-bżonn tal-aħħar konsultazzjonijiet li qed nara li jiġu konkluzi fi żmien qasir.

Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali — Program Budz

Question

Jista' l-Ministru jelenka xi programmi li jeżistu għat-tfal b'challenging behaviour? X'kienet ir-raġuni li l-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali waqfet il-Programm Budz? Kemm kien hemm tfal li laħqu għamlu użu minn dan is-servizz?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-OnorevoliInterpellant li fis-sena 2008, l-programm Budz laqa' ħdax-il adoloxxent - ħamsa tas-sess maskil u sitta tas-sess femminil. Dawn gew minn diversi lokalitajiet madwar Malta. L-attendenza ma kinitx wahda regolari minkejja li l-haddiema socjali kienu jaghmlu minn kollox biex iheggu lil dawn iz-zghazagh jattendu u sahansitra gieli anke marru ghalihom sabiex jigu. Gie evalwat dan il-programm u nhass li hu ta aktar beneficcju li jsir xoghol individwali ma’ dawn l-adoloxxenti u ghalhekk dan il-programm waqaf. L-ahhar grupp ta’ Budz sar lejn l-ahhar ta l-2008. Matul is-sena 2009 saru diskussjonijiet u anke gie evalwat dan il-program biex jigu identifikati il-bzonnijiet taz-zghazagh u kif jistghu dawn jigu mghejjuna ahjar. Iz-zewg servizzi tal-Fondazzjoni; l-Youth Outreach (Appogg) u Teen Support Service (Sedqa), komplew b`dan ix-xoghol individwali matul is-sena 2009-2010 sakemm fl-2010 wara diskussjonijiet bejn iz-zewg Agenziji gie deciz li dawn iz-zewg servizzi jinghaqdu f`wiehed u ghalhekk gie mqawwaf l-Youth in Focus li jaghmel parti mill-Agenizja Appogg sabiex jahdem ma’ adoloxxenti li ghaddejjin minn diffikultajiet kemm ta’ droga u alokohol kif ukoll diffikultajiet ta mgieba. Zghazagh li huma ga involuti fil-prostituzzjoni, kriminalita, etc jistghu jibbenefikaw minn dan is-servizz li fih jigbor grupp ta haddiema socjali li x-xoghol ewlieni taghhom hu li jghinu lil dawn l-adoloxxenti fil-hajja taghhom u anke jaghmlu xoghol mal-genituri, carers u nies ohra fil-hajja ta dawn l-adoloxxenti. Isir hafna xoghol intensiv flimkien ma’ professjonisti ohra bhalma huma probation officers , pulizija, skejjel, psikologi, psikjatri u anke xoghol ma haddiema li jahdmu f`xi dar residenzjali. Fil-prezent dan is-servizz qed joffri ghajnuna lil madwar 210 adoloxxent u l-familji taghhom. Wara l-programm Budz, beda jopera wkoll programm iehor b`fondi ta l-Unjoni Ewropeja – E4L- Embark for Life - Integration of Young People into the Labour Market (ESF 3.61). Dan joffri ghajnuna lil zghazagh b’diffikultajiet ta’ mgieba jew ragunijiet ohra sabiex jigu integrati fid-dinja tax-xoghol. Ghaldaqstant dawn is-servizz issostitwew il-Programm Budz u ghaldaqstant l-Fondazzjoni m’ghandiex il-hsieb li jergaw joperaw il-programm Budz.

Inkjesta dwar mewt ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ġietx konkluża l-inkjesta dwar il-mewt tal-individiwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, fl-4 ta' Mejju 2007 waqt li dan kien qed jiġi arrestat mill-pulizija? Jista' jgħid x'kien l-eżistu ta' din l-inkjesta u jekk hux se jittieħdu xi passi kontra xi ħadd? Jekk l-inkjesta msemmija mhix konkluża, jista' l-Ministru jgħid għaliex?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-inkjesta msemmija għadha ma ġietx konkluża mill-Magistrat li qed tidderiegi l-imsemmija inkjesta.

Awtorità tad-Djar — ittra

Question

Jista' l-Ministru jara li l-Awtorità tad-Djar twieġeb l-ittra li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tal-applikant hija proċessata flimkien mal-applikazzjonijiet għall-akkomodazzjoni alternattiva u qiegħda tingħata l-attenzjoni meħtieġa.

Awtorità tad-Djar — applikazzjoni għall-post tal-kera

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'possibilità hemm li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li xorta waħda qed tieħu għajnuna mill-Awtorità tad-Djar tixtieq post bil-kera minħabba li mhix f'pożizzjoni tħallas dik il-kera lis-settur privat?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tal-applikanta in kwestjoni qegħda pproċessata mal-applikazzjonijiet l-oħra. Hija tikri post mill-privat u tħallas kera ta’ €2,040 fis-sena però tibbenefika minn sussidju fuq il-kera li jammonta għall-€966.69 fis-sena. Dan ifisser li din il-persuna tħallas minn butha kera ta’ €89 fix-xahar. L-Awtorita’ tad-Djar prezentament għandha 218 persuna li jibbenefikaw minn sussidju tal-kera izda li wkoll għandhom applikazzjoni għall-akkomodazzjoni alternattiva.

Awtorità Nazzjonali tax-Xogħol — reġistru part 1

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament sal-lum għadu ma nqalibx fuq ir-reġistru part 1 minkejja li l-każ tiegħu intrebaħ fl-Awtorità Nazzjonali tax-Xogħol b'hekk sal-lum għadu ma jistax isib impjieg alternattiv u lanqas jirċievi l-benefiċċji dovuti lilu?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-persuna indikata minnu l-ahhar li rreġistrat għax-xogħol kien fl-14 t’Ottubru 2011. Minn dik id-data ‘l quddiem l-istess persuna ma kienetx f'pożizzjoni li tirregistra peress illi ppreżentat ċertifikati mediċi li jkopru minn dik d-data ‘l quddiem. Fl-10 ta’ Marzu 2012 din il-persuna għamlet applikazzjoni għal assistenza soċjali. Kif appena din il-persuna tkun tajba għax-xogħol u allura jieqfu ċ-ċertifikati mediċi huwa awtomatikament ikun intitolat biex jirreġistra fuq l-ewwel parti tar-Registru in linea mad-deċiżjoni tal-NEA.

maġistrati u imħallfin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew appuntati maġistrati u imħallfin fl-2010 u fl-2011? Kemm kien il-complement approvat tal-maġistrati u l-imħallfin fl-2010?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Nitlob lill-Onor Interpellant sabiex jagħmel referenza għar-risposta li saret għall-mistoqsija parlamentari 33617 li kienet simili għal din .

kawżi ta' natura Kostituzzjonali

Question

Jista' l-Ministu jispjega kif qed jiġu assenjati l-kawżi ta' natura kostituzzjonali quddiem il-Prim'Awla? Jista' jispeċifika jekk dawn jiġux assenjati skont roster jew individwalment? Jista' jispjega kif uħud minn dawn il-kawżi kostituzzjonali qed jiġu assenjati lill-imħallfin li diġà jiffurmaw parti mill-Qorti tal-Appell jew Qorti Kostituzzjonali?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kawżi ta’ natura kostituzzjonali jiġu assenjati dak in-nhar stess li jidħlu. Dawn jiġu assenjati fuq bażi ta’ roster bejn il-ġudikanti li jippresjedu fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili skont struzzjonijiet li jingħataw mill Prim Imħallef minn żmien għal żmien.

fond abbandunat

Question

Jista' l-Ministru jiċċara għaliex l-Awtorità tad-Djar tgħid li l-fond li d-dettalji tiegħu qed jintbgħtu separatament ġie allokat lil terzi meta jidher ċar li dan huwa abbandunat għal kollox?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-fond in kwistjoni mhuwiex abbandunat izda abitat.

Supportline 179 — telefonati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru totali ta' telefonati fuq is-Supportline 179 fl-2011 u kif dan it-total jinqasam skont it-tip tat-telefonati li saru?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-2011, is-Supportline 179 kellhom total ta’ 17,354 telefonata. Minn dawn it-telefonati, 11,761 kienu telefonati genwini li jinqasmu fill-kategoriji msemmija hawn taht: Aids / HIV 6 Alcohol 143 Anxiety 223 Behavioural Problems 284 Bereavement 37 Bullying 62 Child Abuse - Emotional 82 Child Abuse - Internet 9 Child Abuse - Neglect 182 Child Abuse - Physical 117 Child Abuse - Sexual 28 Depression 754 Disability Related Issues 26 Domestic Abuse - Emotional 180 Domestic Abuse - Neglect 25 Domestic Abuse - Physical 346 Domestic Abuse - Sexual 15 Drugs 187 Elderly 156 Financial 44 Fostering 55 Gambling 22 Gay Related Issues 8 Homeless 175 Housing Related Issues 20 Information - Internet 42 Information - Services 1230 Legal Issues 81 Listening 2066 Loneliness 780 Marital/Partners 525 Medical / Terminal Illnesses 40 Mental Health 806 Others 1784 Parent-Child 534 Persons in Seperation Process 116 Pregnancy Related Issues 16 Rape 5 Refugees 34 Relationship Problems & Family Problems 281 Residential Homes 5 School Related Issues 26 Sexuality Related Issues 15 Single Parents 19 Single Persons 2 Suicide 27 Unemployment 10 Usury 8 Volunteer Called 123

każ ta' over payment

Question

Jista' l-Ministru jara' x'inhi r-raġuni għaliex l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatment, qed jintalab iħallas over payment ta' 'l fuq minn €2500 u dan meta fl-appell instab li hu kellu jiġi mitlub iħallas għal xahar biss?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jiġi rilevat li saret tiffixija fl-atti tal-Qrati Ċivili u Tribunali fuq l-individwu u ma jirriżultax li nħareġ xi kont fil-konfront tieghu. Jekk l-Onor. Membru jista’ jagħti aktar dettalji speċifiċi fuq il-każ allura forsi tkun tista’ ssir riċerka aktar eżawrienti.

Malta Drydocks — arretrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid min hu ntitolat għall-arretrati li qed jirċievu xi eks-ħaddiem tal-Malta Drydocks?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li bħalissa qed isir eżerċizzju fejn qed issir stima mill-ġdid tal-pensjonijiet ta’ dawk il-persuni li kienu ħaddiema fil-Malta Dry Docks, Malta Ship Building Ltd. u Malta Shipyards Limited kif jitlob l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali. Peress li dawn l-organiżżazzjonijiet issa ġew privatiżżati, ir-revizjoni tal-pensjoni f’dan il-każ trid issir billi l-karigi li kellhom dawn il-ħaddiema jitqabblu ma’ karigi fl-istruttura tal-impiegi tal-Gvern ta’ Malta kif ukoll fuq il-pagi jew salarji li l-aktar jikkorrispondu għal dawk ta’ l-ewwel karigi li kienu okkupati mill-pensjonant qabel irtira. Dawn ir-revizjonijiet qed isiru bħalissa mid-Dipartiment u fejn qed jirriżulta li hemm żieda fir-rata tal-pensjoni tas-sigurta’ soċjali din qed titħallas mill-ewwel lil pensjonant.

Pensjoni ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jara li tingħata spjegazzjoni lill-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament dwar kif waslu għall-ammont ta' pensjoni li qed jirċievi, u dan peress li hu qed jgħid li kollegi tax-xogħol tiegħu li spiċċaw bħalu, qed jirċievu pensjoni akbar?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna ndikata minnu qed tiġi infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

Irranġar quddiem il-blokka ta' appartamenti

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġi rranġat quddiem il-blokka ta' appartamenti li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u dan peress li l-art maqluha saret perikoluża ?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi din l-art se tiġi irranġata permezz tal-iskema tat-tisbiħ tal-madwar tal-housing estates tal-Awtorità tad-Djar mill-Kunsill Lokali kkoncernat li diġà beda jagħmel il-preparamenti sabiex isiru ix-xogħlijiet. Il-finanzjament ta' dan ix-xogħol se jiġi provdut mill-Awtorità tad-Djar.