Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħ’Attard – Triq is-Sienja u Triq il-Blanzuni — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jitlesta x-xogħol fi Triq is-Sienja u fi Triq il-Blanzuni, f’Ħ’Attard? Jista’ jgħid ukoll kemm ser jiswa dan ix-xogħol?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lil Onor. Interpellant illi Triq is-Sienja u Triq l-Istwiel mistennija jkunu lesti fl-aħħar ta’ Lulju. Triq il-Blanzuni huwa mistenni li tkun lesta għal nofs Settembru. L-ispiża finali tkun tista’ tinħadem kif ikunu lesti x-xogħlijiet kollha.

Bajjiet aċċessibbli

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29143 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat u jgħid liema huma l-bajjiet li huma aċċessibbli għal persuni b'diżabilità?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Entitajiet pubbliċi — Avukati/Ditti tal-avukati

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29521 dwar Avukati/Ditti tal-avukati, jista’ l-Ministru, fil-konfront ta’ kull entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu, fejn allura jsemmi liema hi l-entità konċernata, jelenka: i. kemm huma l-avukati impjegati full time; u ii. liema huma d-ditti ta’ avukati li qegħdin fuq bażi ta’ retainer?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninsab infurmat kif ġej: ENTITÀ AVUKATI FULL TIME AVUKATI BR-RETAINER /DITTI TM 2 / IM / 2 Ditti MATS / Ditta

San Pawl il-Baħar — Vetturi privati reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ vetturi privati rreġistrati fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar skont il-kategoriji differenti kif miżmuma minn Transport Malta? Jista’ wkoll jagħti dettalji dwar kemm kien in-numru differenti ta’ vetturi fl-istess kategoriji fl-2015?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qegħda tiġi provduta permezz tat-tabella segwenti: Kategorija l-aħħar ta’ Ġunju 2015 l-aħħar ta’ Ġunju 2025 L0 – Kickstart Scooter 0 46 L1E – Moped 0 135 L-Motorcyles 1,202 3,791 L6E – Light Quadricycle 0 1 L7E – Quadbikes 59 84 M1 – Passenger cars 15,747 27,996 M2 – Minibuses 92 120 M3 – Coaches 37 53 N1 – Commercial up to 3500 kgs 1,410 2,434 N2 – Commercial between 3501-12000Kgs 413 603 N3 – Commercial from 12001 kgs upwards 173 267 Special Purpose Vehicles 612 434 T – Agricultural 101 174

San Pawl il-Baħar — Public Service Garages

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ Public Service Garages rreġistrati ma’ Transport Malta fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar? Jista’ jgħid ukoll kemm hu n-numru totali ta’ vetturi rreġistrati fuq dawn il-garages, f’kull kategorija? Jista’ wkoll jipprovdi din l-informazzjoni kif kienet fl-2015?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa hemm 185 faċilità tal-iggaraxxjar fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar b’total ta’ 330 vetturi żgħar għall-ġarr ta’ passiġġieri irreġistrati ġo fihom. Ninsab infurmat ukoll li fl-2015 kien hemm 177 Public Service Garages rreġistrati ma’ Transport Malta fil-lokalità msemmija. Madankollu, l-Awtorità għat-Trasport f’Malta mhijiex f’pożizzjoni li tipprovdi informazzjoni dwar in-numru ta’ vetturi żgħar għall-ġarr ta’ passiġġieri li kienu rreġistrati f’dik is-sena fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar.

San Pawl il-Baħar — Vetturi bir-reġistrazzjoni Y plates

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ vetturi bil-Y plates rreġistrati fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar? Jista’ wkoll jipprovdi l-istess tagħrif kif kien fl-2015?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa hemm 330 vettura rreġistrata bħala vetturi żgħar għat-trasport ta’ passiġġieri fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar. L-Awtorità m’għandhiex informazzjoni dwar in-numru ta’ tali vetturi li kienu rreġistrati fil-lokalità msemmija fis-sena 2015.

Il-Gżira — Triq Henry F Bouverie - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29814 u jgħid kemm ġie jiswa x-xogħol fi Triq Henry F Bouverie, fil-Gżira, u meta ser ikun lest?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa mhuwa jsir l-ebda xogħol mill-entitajiet tagħna fi Triq Henry F Bouverie, fil-Gżira.

Transport Malta — Vehicle Inspectorate Office - Spezzjonijiet ta’ vetturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew spezzjonati vetturi kull xahar mill-Vehicle Inspectorate Office ta’ Transport Malta ai termini ta’ Regolament 120 tar-Regolamenti dwar Vetturi bil-Mutur (L.S. 65.11), bejn Jannar 2022 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll x’kien l-eżitu ta’ dawn l-ispezzjonijiet (kemm vetturi intalbu jagħmlu tiswijiet, kemm vetturi ġew irtirati mit-toroq, eċċ.)?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġew spezzjonati total ta’ 18,945 vettura bejn Jannar 2022 u nofs Lulju 2025. Minn dawn l-ispezzjonijiet kien hemm 8,185 vettura intalbu jagħmlu tiswijiet. It-total ta’ vetturi li ġew irtirati mit-toroq kien ta’ 424.

Ta’ Qali — Żona tal-kunċerti - Avvenimenti

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi lista tal-avvenimenti li saru fiż-żona tal-kunċerti f’Ta’ Qali minn Mejju 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Mejju 2024 sa meta daħlet il-mistoqsija parlamentari saru 9 avvenimenti fosthom żewġ kunċerti, Festa Familja organizzata mill-Ministeru, u attivitajiet organizzati minn skejjel fost l-oħrajn.

Ta’ Qali — Żona tal-kunċerti - Avvenimenti

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-avvenimenti li huma ppjanati li jsiru fiż-żona tal-kunċerti f’Ta’ Qali sa tmiem l-2025?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s’issa hemm żewġ festivals mifruxa fuq sitt ijiem skedati biex isiru sal-aħħar ta’ Diċembru 2025.

Iż-Żejtun — Triq il-Kastellan li tmiss ma’ Triq id-Daħla ta’ San Tumas - Tabelli “one way”

Question

Jista’ l-Ministru, permezz tal-entità kompetenti, jgħid x’inhu s-sens li triq pubblika jew parti minnha, għandha tabelli “one way” fuq iż-żewġ naħat, u għaldaqstant il-karozzi m’għandhomx aċċess għal Triq il-Kastellan, li tmiss ma’ Triq id-Daħla ta’ San Tumas fiż-Żejtun?

Response (BONETT, CHRIS)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Għawdex – Xogħlijiet minn Infrastructure Malta u Transport Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid b’liema xogħlijiet ġew inkarigati Infrastructure Malta u Transport Malta fil-gżira ta’ Għawdex f’dawn l-aħħar xhur u fil-preżent?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dan l-aħħar perjodu, fil-gżira t’Għawdex, saret spezzjoni ta’ siġar f’numru ta’ toroq u fix-xhur li ġejjin hu ppjanat li jsir xi xogħol ta’ żbir fuq numru minnhom. Saru interventi fil-bajja tax-Xlendi (tindif fil-baħar, ġbir ta’ ġebel mill-baħar, formazzjoni ta’ tarġa fil-konkos tal-moll) u ġie rranġat skall fid-Dwejra. Iktar ’il quddiem hemm ukoll ppjanati li jiġu rranġati l-iskallijiet tal-Qbajjar u ta’ Ħondoq ir-Rummien.

Il-Kalkara — Charging Points tad-dgħajjes

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28753, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex jibdew jaħdmu ċ-Charging Points tad-dgħajjes fil-Kalkara?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejna infurmati li l-meters tas-servizzi ser ikunu qed jitwaħħlu fil-ġimgħat li ġejjin. Tajjeb ninfurmaw li l-operat ta’ dawn iċ-charging points ser ikun f’idejn il-MAFA.

Blue Badge — Parkeġġ riservat

Question

Meta l-Aġenzija Sapport tapprova li persuna tingħata parkeġġ bi Blue Badge bin-numru tal-pjanċa tal-vettura, jista’ l-Ministru jgħid x’ikun jonqos isir iktar minn Transport Malta? Jista’ jgħid ukoll kemm idum il-proċess minn meta persuna tikkwalifika għal parkeġġ bi Blue Badge, biex ikun jista’ jsir il-parkeġġ quddiem il-bieb?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi wara li l-Aġenzija Sapport tinforma lil Transport Malta bir-rakkomandazzjoni tagħha li l-applikant huwa eliġibbli għal parkeġġ personalizzat riservat, Transport Malta torganizza spezzjoni fuq il-post fil-preżenza tal-applikant jew ta’ rappreżentant tal-applikant. Jekk l-ispezzjoni msemmija tkun sodisfaċenti, Transport Malta tapprova l-post fejn għandu jsir il-parkeġġ u tibda l-proċess sabiex tinħareġ ordni lill-kuntrattur sabiex iwettaq ix-xogħol meħtieġ.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi — L-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa - Laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa? Jista’ jgħid ukoll liema laqgħat huwa mistenni li jattendi fit-tieni nofs tal-2025?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa previst li fit-tieni nofs tas-sena kurrenti nipparteċipa bħala Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi għal-laqgħat tal-Kunsill tat-Trasport.

Vetturi mgħobbija żżejjed — Multi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29739 u jgħid kemm ġew iċċekkjati vetturi sabiex jiġi stabbilit humiex mgħobbija żżejjed, u kemm ħarġu multi f’dan ir-rigward, minn Jannar 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-2022 sa nofs din is-sena ġew iċċekkjati 3021 vettura sabiex jiġi stabbilit humiex mgħobbija żżejjed. Kważi 82% għaddew mit-test filwaqt li l-kumplament ingħataw ċitazzjoni jew twissija.

Trakkijiet mgħobbija żżejjed — Ċitazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29741 u jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet lil trakkijiet li jkollhom tagħbija li taqbeż il-livell tal-kaxxa u jkunu qegħdin iħammġu minn fejn jgħaddu?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29852.

Transport Malta — Operations Response Unit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm istanzi fejn units tal-Operations Response Unit ta’ Transport Malta kellhom jiddaħħlu jassistu u jagħmlu xogħol tal-unit tar-Road Closures, bejn Jannar 2023 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-membri tal-Operations Response Unit (ORU) joperaw b’mod kontinwu (24/7) u jassistu f’diversi sitwazzjonijiet inklużi inċidenti tat-traffiku, xogħlijiet ta’ emerġenza, l-impożizzjoni ta’ clamps, rimedju ta’ vetturi abbandunati, kif ukoll spezzjonijiet individwali u konġunti ma’ entitajiet oħra. Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-membri tal-Operations Response Unit (ORU) joperaw b’mod kontinwu (24/7) u jassistu f’diversi sitwazzjonijiet inklużi inċidenti tat-traffiku, xogħlijiet ta’ emerġenza, l-impożizzjoni ta’ clamps, rimedju ta’ vetturi abbandunati, kif ukoll spezzjonijiet individwali u konġunti ma’ entitajiet oħra.

Il-Gżira — Triq Sir Charles Cameron - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29812 u jgħid kemm ġie jiswa x-xogħol fi Triq Sir Charles Cameron, fil-Gżira, u meta ser ikun lest?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa mhuwa jsir l-ebda xogħol mill-entitajiet tagħna fi Triq Sir Charles Cameron, il-Gżira.

Il-Gżira — Triq San Albert - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29813 u jgħid kemm ġie jiswa x-xogħol fi Triq San Albert, fil-Gżira, u meta ser ikun lest?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa mhuwa jsir l-ebda xogħol mill-entitajiet tagħna fi Triq San Albert, il-Gżira.