Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – ħaddiema barranin

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3125 u jgħid jekk hemmx barranin jaħdmu fid-dekasteru tiegħu? Jekk iva, kemm hemm?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 14-il-barrani jaħdmu f’dan il-Ministeru.

Tanker Armada LNG Mediterrana

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6538, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid jekk il-proċess li bih it-tanker Armada LNG Mediterrana jinqala' minn mal-jetty jinvolvix automatic decoupling, jew huwiex manwali? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-proċedura dettaljata li biha dan it-tanker jinqala' minn mal-jetty u jiġi winched fuq l-istorm moorings?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-FSU Armada LNG Mediterrana, bħall-bastimenti rmiġġati kollha tuża numru ta’ linji ta’ rmiġġ konnessi bejn il-bastiment u l-moll biex tiżgura li tkun irmiġġata b’mod sigur. Fil-każ tal-FSU jintużaw total ta' 9 linji tal-irmiġġ fil-poppa u total ta' 9 linji tal-irmiġġ fil-pruwa. Dawn il-linji huma konnessi bejn il-winches tal-bastiment u l-ganċijiet ta' rilaxx malajr (quick release hooks) tal-moll. Taħt l-ebda ċirkostanza l-linji tal-irmiġġ ma jistgħu jinħelsu awtomatikament. Il-linji tal-irmiġġ huma skonnettjati mill-ganċijiet ta' rilaxx malajr (quick release hooks) jew manwalment jew remotely. It-tensjoni fuq il-linji hija mmonitorjata fuq bażi 24/7, kemm mit-terminal tax-xatt kif ukoll mill-FSU bl-użu ta 'Mooring Tension Monitor’. L-FSU hija konnessa b'mod permanenti ma' 8 ankri li jiffurmaw parti mis-sistema tas- “Strom Mooring”. Taħt kundizzjonijiet normali l-kejbils għal dawn l-ankri ma huma taħt l-ebda tensjoni, bil-bastiment jiddependi fuq il-linji tal-irmiġġ biex jibqa' rmiġġat sew maġenb il-moll. Taħt ċerti kundizzjonijiet, bi qbil mal-Awtorità tal-Port, l-FSU hija meħtieġa li timxi fuq lis-“Storm Mooring”. Dan jinvolvi l-ingaġġ tal-Malta Maritime Pilots, Tug Malta Ltd u l-Malta Boatman & Services Co-op Ltd. L-FSU b’koordinazzjoni bejn il-Kaptan tal-bastiment, il-Bdoti abbord, l-irmonkijiet preżenti u l-irmiġġaturi, flimkien mal-ekwipaġġ tal-FSU, it-tensjoni fuq l-irmiġġ tas-Storm Mooring tiżdied filwaqt li fl-istess ħin, it-tensjoni fuq il-linji tal-irmiġġ titnaqqas gradwalment. Ladarba l-piż tal-bastiment u għalhekk il-pożizzjoni tagħha tkun qed tinżamm mis-Storm Mooring, il-linji tal-irmiġġ jiġu rilaxxati manwalment jew remotely. F'dan l-istadju l-bastiment huwa kkunsidrat irmiġġat bi 8 ankri, li jiżguraw li żżomm il-pożizzjoni tagħha sakemm il-kundizzjonijiet tat-temp jitjiebu.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – impjegati ġodda f’awtoritajiet u entitajiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5785 u jagħti rendikont ta' kemm ġew impjegati persuni ġodda fl-awtoritajiet u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn Marzu 2022 sal-lum, f'liema awtorità/entità ġew ingaġġati u mil-liema lokalitajiet huma dawn il-ħaddiema?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Bastimenti merkantili li daħlu f’pajjiżna f’dawn l-aħħar għaxar snin

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6655 u jgħid kemm daħlu bastimenti merkantili f’pajjiżna tul dawn l-aħħar sentejn u kemm niżlu persuni minn abbord dawn il-bastimenti?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed tidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra..

Bdil fis-sistema preżenti tat-traffiku f’Ħal Tarxien

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6656 u jgħid jekk huwiex minnu li s-sistema preżenti tat-traffiku li joħroġ minn Triq il-Palma u Triq San Anard f’Ħal Tarxien se tinbidel billi qiegħed jingħad li minflok se ssir roundabout li tbiddel il-konfigurazzjoni u l-flow tal-istess traffiku?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġew ippreparati disinji alternattivi u qed isir studju dwar liema l-aħjar disinn għandu jiġi implimentat.

Mosta – Xogħlijiet ta’ toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma t-toroq fil-Mosta li għandhom jiġu rranġati, jew għandu jsir xi xogħol fuqhom, tul l-2023?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta tinsab f’diskussjonijiet attivi mal-Kunsilli Lokali kollha, fosthom dak tal-Mosta, u hemm pjan sabiex din l-akwata tgawdi minn proġetti infrastrutturali. Dawn id-diskussjonijiet għadhom ma ġewx konklużi.

Segretarjat Privat tal-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il karozza hemm fis-Segretarjat Privat tiegħu u x’inhi l-għamla tagħhom? Jista' jgħid jekk inħarġitx tender għall-karozzi tas-Segretarjat Privat tiegħu? Jekk ma nħarġet l-ebda tender, jista' jgħid: a) mingħand min inxtraw u kemm ġew jiswew il-karozzi tas-Segretarjat Privat tiegħu; jew b) kemm qed jinkrew kuljum il-karozzi tas-Segretarjat Privat tiegħu u mingħand min?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ż-żewġ karozzi li, skont il-Manwal, jintużaw mis-segretarjat privat huma kif jidhru fit-tabella t’hawn taħt. Għamla Mixtrija/Mikrija Data Tender/Direct Order Ditta Prezz kull ġurnata(VAT eskluża) Peugeot 208 Mikrija 07.11.22 Direct Order Peugeot 208 €23.00 Peugeot 208 Mikrija 07.11.22 Direct Order Peugeot 208 €23.00

Rabat – Triq it-Tiġrija – qtugħ ta’ ħaxix u manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid min qed jieħu ħsieb il-qtugħ ta' ħaxix u l-manutenzjoni ta' Triq it-Tiġrija, fir-Rabat? Jista’ jgħid ukoll meta sar l-aħħar u meta se jerġa’ jsir?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 6487 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Rabat – Telgħa tas-Saqqajja – manteniment tat-taraġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid min se jieħu ħsieb il-manteniment tat-taraġ fit-Telgħa tas-Saqqajja, Rabat?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 6489 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Rabat – Triq San Luqa — bini

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitlesta l-bini ta' Triq San Luqa, fir-Rabat Malta?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bini mill-ġdid ta’ Triq San Luqa, Rabat Malta se jkun lest fil-ġimgħat li ġejjin. It-triq hija aċċessibbli u l-ewwel saff ta’ asfalt huwa komplut.

Mtaħleb l/o Rabat – Triq il-Ħamri – rikostruzzjoni ta’ sqaq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir rikostruzzjoni ta' sqaq fi Triq il-Ħamri, l-Imtaħleb, l/o Rabat, peress li r-residenti ilhom jagħmlu diversi talbiet għal diversi snin?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija varat proċess ta’ konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali, fosthom dak tar-Rabat, fejn talbithom jagħtu lista ta’ toroq li għandhom bżonn xogħol infrastrutturali u li huma ta’ prijorità għal-lokalità tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jsiru fis-snin li ġejjn. Dan skont skeda dettaljata li għadha qed tiġi diskussa u maqbula magħhom.

Siġġiewi – Limiti tal-Għajn il-Kbira – xogħlijiet

Question

Fid-dawl li numru ta’ residenti Siġġiwin qed jilmentaw dwar l-istat ħażin tat-triq fiż-żona fil-Limiti tal-Għajn il-Kbira fis-Siġġiewi, jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jibda x-xogħol f’din iż-żona fis-Siġġiewi?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja b’taħdidiet mal-Kunsilli Lokali kollha biex isir pjan ta’ toroq residenzjali li se jkunu qed isiru f’kull lokalità, inkluż dak tas-Siġġiewi, matul is-snin li ġejjin. Dawn id-diskussjonijiet għadhom ma ġewx konklużi.

Gudja – Vjal l-Avjazzjoni – bus stage fil-waqfa 'Tajjara'

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir bus stage fil-waqfa ‘Tajjara’, il-Gudja, li tħares fuq Vjal l-Avjazzjoni u li tidher fir-ritratt anness ma' din il-mistoqsija parlamentari, peress li m'hemm imkien fejn persuna tista' tistkenn fil-viċinanzi?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 6733 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Tmien Skeda tar-Regolamenti dwar Testijiet biex Jiċċertifikaw li Vetturi bil-Mutur huma Tajba għat-Triq

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6176, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-Tmien Skeda tar-Regolamenti dwar Testijiet biex Jiċċertifikaw li Vetturi bil-Mutur huma Tajba għat-Triq (Leġiżlazzjoni Sussidjarja 65.15)?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Tender IM006/2020

Question

B'referenza għat-Tender IM006/2020 (Tender for High Voltage Shore Connection System in the Grand Harbour), jista' l-Ministru: - iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-ispecifications tal-electrical components u d-design li deheru fit-tender, inkluż l-ispecifications tat-transformers u s-switchgears mitluba; - iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-ispecifications tat-transformers u switchgears li ġew jew ser jiġu attwalment użati mill-kuntrattur li rebaħ it-tender; - jgħid jekk hemmx devjanzi bejn dak li ntalab fit-tender f'dan ir-rigward u dak li attwalment ser isir u jekk iva, x'inhuma dawn id-differenzi; u - jgħid jekk dawn id-devjanzi wasslux għal differenza fil-ħlas mitlub jew differenzi oħrajn minn dak maħsub fit-tender oriġinali?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li: · Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ispecifications tal-electrical components u d-design li deheru fit-tender, inkluż l-ispecifications tat-transformers u s-switchgears mitluba. · L-ispecifications tat-transformers u switchgears li ġew jew ser jiġu attwalment użati mill-kuntrattur li rebaħ it-tender huma ta’ natura sensittiva, li ladarba l-proġett għadu mhux komplut, ma jistax jingħata f’dan l-istadju. · Nikkonfermaw li ma hemm l-ebda devjanza bejn dak li ntalab fit-tender u dak li qed jiġi attwalment installat fil-proġett.

Key Expert – Electrical Engineer

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3696 qiegħed ġustament jgħid li fil-każ ta' Key Experts "il-kunċett ta’ subcontractor mhux validu" għax dawn "jintrabtu individwalment", kif proprju kien jgħid it-tender, mentri fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3114 qiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument “A” u f'paġna 3 dan jgħid li l-Key Expert "was employed on a definite contract basis in relation to the HSVC project by..."- kumpanija li isimha qed jingħata separatament - "specifically subcontracted by..." - kumpanija oħra li isimha qed jingħata separatament - "to provide the specialist services and fulfil the requirements of Key Expert 3 Electrical Engineer"?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija Infrastructure Malta tikkonferma li t-tweġibiet mogħtija għal mistoqsijiet preċedenti huma korretti. Huwa l-individwu li jkun appuntat kif jidher f’Addendum 2 u mhux il-Kumpanija li tkun assistiet lil Kuntrattur biex tinstab il-persuna li tikkwalifika.

Gudja – sqaq biswit Vjal l-Avjazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif il-bdiewa u dawk li għandhom aċċess għall-għelieqi tagħhom mill-isqaq li hemm biswit Vjal l-Avjazzjoni, limiti tal-Gudja, jistgħu jgħaddu minn dan l-isqaq issa li kif jidher mir-ritratti annessi ma' din il-mistoqsija, l-aċċess ingħalaq kemm min-naħa ta' Triq iż-Żebbuġa, fejn qed tinbena t-triq, kif ukoll minn Vjal l-Avjazzjoni nnifsu, fejn qed jipparkjaw dejjem il-karozzi?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qiegħda ssir rikostruzzjoni ta’ Triq Ħal Resqun u parti minn Triq iż-Żebbuġa. L-aċċess għall-imsemmi sqaq minn ġo Triq iż-Żebbuga xorta ser ikun aċċessibbli wara it-tlestija tax-xogħol. Il-ħrug fi Vjal l-Avjazzjoni li hemm preżenti ma ġiex affetwat, u l-bdiewa xorta jistgħu jużaw dan il-punt bħala aċċess u ħruġ sakemm ikunu għaddejjin ix-xogħlijiet fi Triq iż-Żebbuga u Triq Ħal Resqun.

Ħal Balzan – Triq il-Kbira

Question

Wara li l-Kunsill Lokali bagħat ’il fuq minn 30 email biex jiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet konċernati dwar l-istat li fih tinsab Triq il-Kbira, Ħal Balzan, wara xogħol ħażin li sar bħala parti mill-Flood Relief Project, kif anke ġie kkonfermat mill-perit imqabbad mill-Kunsill Lokali stess, jista' l-Ministru jgħid meta dan l-inkonvenjent kbir se jitranġa?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.