Awtorità għat-Trasport f’Malta – Spezzjonijiet fuq rimi ta’ effluent
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il spezzjoni saret mill-uffiċjali tal-Awtorità għat-Trasport f’Malta sabiex jispezzjonaw kif qed jintrema l-effluent mill-bċejjeċ tal-baħar b’liċenzja li jġorru l-passiġġieri u t-turisti f’dawn l-aħħar ħames snin sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Trasport, li f’dawn l-aħħar ħames (5) snin saru mal-mija u ħamsin (150) spezzjoni relatati mas-sigurtà tal-bastiment mill-Ispetturi tal-Port. Waqt dawn l-ispezzjonijiet jiġi ċċekkjat u vverifikat il-mod kif l-effluent jiġi dispost.
L-Awtorità tinvestiga kull rapport ta’ tniġġiż b’mod serju ħafna u tieħu azzjoni immedjata, kemm ta’ infurzar kif ukoll legali, jekk jirriżulta li kien hemm xi ksur ta’ xi liġi jew xi direttiva tal-Awtorità.
Fid-dawl tat-tweġibiet mogħtija għal mistoqsijiet parlamentari 8486 u 8487, jista’ l-Ministru jispjega a bażi ta’ liema dritt fil-liġi, entitajiet li jipprovdu servizzi ta’ utilitajiet bħat-telefonija fissa jew servizz ta’ dawl, fl-2017 u fl-2018 għaddew cables, wires, trinek eċċ tagħhom minn proprjetà privata ġaladarba Transport Malta ma ħarġet l-ebda ordni a tenur tal-artikolu 4 tal-Att dwar ir-Regolament ta’ Ċerti Xogħlijiet f’Utilitajiet u Servizzi, Kap. 81 f’dan ir-rigward matul 2017 s’issa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill- Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni miġbura mill-Awtorità tat-Transport Malta d-Direttorat tal-Enforcement ma ħariġx permessi u ma kellu l-ebda notifika jew ilment li sar xi xogħol mingħajr ma ġie mogħti permess. Dan nista’ ngħidu bejn Marzu 2018 sa Dicembru 2018.
Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Propetti Kapitali — Nisa f'pożizzjoni ta' tehid ta' deċiżjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8563 u ċjoè: Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nisa f’pożizzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet u dipartimenti li jaqgħu taħtu li jaħdmu bħalissa, mill-grad ta' Prinċipal 'il fuq?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-master plan għall-area tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex? Jista' jgħid ukoll f'liema xahar tas-sena 2019 hu ppjanat li jiġi approvat?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni għall-masterplan (PA 7491/16) tinsab fl-istadju ta’ screening fejn l-Awtorità tal-Ippjanar qegħda tistenna aktar informazzjoni minn għand il-perit.
Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali — Grievances Boards
Question
Jista' l-Ministru jgħid, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, liema kienu l- Grievances Boards li twaqqfu fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali u fi ħdan l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid min kienu l-membri ta' kull wieħed mill-imsemmija bordijiet u x'remunerazzjoni rċevew l-imsemmija membri? Jista' jgħid kemm tressqu każijiet quddiem kull bord u x'kienet id-deċiżjoni li ngħatat dwar kull każ li kellu quddiemu l-istess bord u dan mingħajr ma jindika l-isem u d-dettalji tal-persuni involuti? Jista' jgħid x'kien l-ammont li tħallas bħala kumpens dwar kull każ li tressaq quddiem l-imsemmija bordijiet?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar
Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali — attendenza għal festini/riċevimenti/ikliet/parties
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx mistieden, u jekk iva, jekk attendiex u f'liema data, għal festini/riċevimenti/ikliet/parties eċċ. f’kwalsiasi residenza privata jew proprjetà privata, inkluż fil-limiti tas-Siġġiewi u/jew Ħaż-Żebbuġ iżda mhux biss, ta’ xi membru tal-Ġudikatura matul ix-xahar ta’ Diċembru 2018? Jista’ jgħid jekk dan japplikax ukoll għal kwalsiasi Kap ta’ Dipartiment jew Chief Executive jew Chairman ta’ kull entità li taqa’ taħtu?
Response (BORG, IAN)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-kontenut ta’ din l-interpellanza jmur kontra r-regoli stabbiliti dwar l-interpellanzi mill-Ordni Permanenti 27 peress li l-interpellanza fiha imputazzjoni (u ċioè li s-sottoskritt jew persuni li jmexxu dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu ġew ospitati privatament minn ‘xi membru tal-ġudikatura’) u wkoll peress illi tirrelata għall-kondotta ta’ persuna mhux fil-kariga uffiċjali jew pubblika tagħha.
Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali — Segretarjat Parlamentari għall-Ippjanar u Suq tal-Proprjetà - attendenza għal festini/riċevimenti/ikliet/parties
Question
Jista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u Suq tal-Proprjetà u jgħid jekk kienx mistieden, u jekk iva, jekk attendiex u f'liema data, għal festini/riċevimenti/ikliet/parties eċċ. f’kwalsiasi residenza privata jew proprjetà privata, inkluż fil-limiti tas-Siġġiewi u/jew Ħaż-Żebbuġ iżda mhux biss, ta’ xi membru tal-Ġudikatura matul ix-xahar ta’ Diċembru 2018? Jista’ jgħid jekk dan japplikax ukoll għal kwalsiasi Kap ta’ Dipartiment jew Chief Executive jew Chairman ta’ kull entità li taqa’ taħtu?
Jista' l-Ministru jgħarraf lil din il-kamra jekk ir-razzett fl-inħawi f’Tal-Papa fil-limiti ta’ Birżebbuġa li jidher fir-ritratt li qed jingħata separatament huwiex proprjetà tal-gvern u jekk hemmx pjani biex dan jiġi rijabilitat jew hemmx titoli favur terzi?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-ritratt li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra hemm żewġt irziezet. Filwaqt li t-tnejn huma proprjetà tal-Gvern, dak immarkat bl-aħmar huwa mikri lill-terzi persuni. Skont ir-records tal-Awtorità tal-Artijiet, m’hemmx pjanijiet ta’ rijabilitazzjoni.
Deep Water Quay — Refurbishment and Upgrading Works (Phase 2)
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-proġett Refurbishment and Upgrading Works (Phase 2) fid-Deep Water Quay? Jista’ jgħid f’liema sena u xhar hu ppjanat li jibda x-xogħol infrastrutturali?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proġett ta’ tkabbir tal-faċilitajiet tad-Deep Water Quay fil-Port il-Kbir huwa investiment importanti tal-Gvern sabiex inkomplu nsaħħu s-settur marittimu f’pajjiżna u diversi oqsma oħra relatati, fosthom dawk tal-cruise liners u tal-merkanzija.
Ix-xogħol fuq it-tieni fażi ta’ dan il-proġett mistenni jibda hekk kif jintemmu l-proċeduri tal-għażla tal-kuntratturi meħtieġa.
B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 7874 u 8228, jista’ l-Ministru jara li ssir ġustizzja mal-anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u titħallas ta’ proprjetà meħuda mill-Gvern u mwaqqa’ biex isir parking pubbliku u dan kif ġie deċiż mill-Qorti tal-Appell li fit-18 ta’ Lulju 2017 preseduta mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri u mill-Onorevoli Imħallef Tonio Mallia u mill-Onorevoli Imħallef Joseph Azzopardi kienu ordnaw lill-Kummissarju tal-Artijiet iħallas kumpens ta’ €88,616 lil din l-anzjana, u jara li dan l-ammont jitħallas? Billi fiż-żewġ tweġibiet il-Ministru kien qal li qed isiru preparamenti biex din l-anzjana titħallas, jaħsibx li minn Lulju 2017 sal-lum, kważi perjodu ta’ sentejn, kienx hemm biżżejjed żmien biex din l-anzjana titħallas? Jaqbilx il-Ministru li bil-prinċipju bażiku ta’ justice delayed is justice denied din l-anzjana issa wasal iż-żmien li titħallas kif ikkonfermat il-Qorti tal-Appell u ma jkollhiex għalfejn tidħol f’aktar spejjeż legali biex tieħu dak li l-qorti tagħna kkonfermat għal darba darbtejn? Jista’ ġentilment jintervjeni personalment biex din l-anzjana ma tibqax tiġi mgħoddija biż-żmien u fl-istess waqt tibqa’ tiġi sfidata ordni tal-qorti?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed isir dak kollu possibbli biex is-sitwazzjoni tiġi solvuta mill-aktar fis possibbli.
Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Propetti Kapitali — Nisa f'pożizzjoni ta' tehid ta' deċiżjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nisa f’pożizzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet u dipartimenti li jaqgħu taħtu li jaħdmu bħalissa, mill-grad ta' Prinċipal 'il fuq?
Ministeru għat-Trasport, Infrasturttura u Proġetti Kapitali — Assistenti Parlamentari
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu kellux Assistenti Parlamentari fil-leġiżlatura ta' bejn is-sena 2008 u s-sena 2013? Jista’ jgħid x'kienu l-kundizzjonijiet marbuta ma’ tali rwol, kemm dawk finanzjarji kif ukoll perkaċċi oħra?
Response (BORG, IAN)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-leġiżlatura ta’ bejn is-sena 2008 u s-sena 2013 fil-Ministeru għall-Infrastruttura kien hemm Assistent Parlamentari, li kien Charlo Bonnici.
Għall-kundizzjonijiet nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba għall-mistoqsija numru 7378 tal-11-il Leġiżlatura li ngħatat mill-Ispijker fl-10 ta’ Ġunju 2011.
Fit-tweġiba, li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, hemm indikat li l-Assistenti Parlamentari bejn l-2008 u l-2013 kienu jitħallsu 65% ta’ Skala 1 tas-Servizz Pubbliku (ekwivalenti għal €29,577.60ċ, skont il-grad tal-lum), flimkien ma’ servizzi ta’ linja fissa tat-telefown u mowbajl.
Mina bejn Malta u Għawdex — ħaddiema tal-Gozo Channel
Question
Fid-dawl taċ-ċertezza li l-mina bejn Malta u Għawdex se ssir, jista' l-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema tal-Gozo Channel humiex se jżommu xogħolhom fi ħdan il-Gozo Channel?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru kkonċernat, ċjoè dak responsabbli għal Għawdex.
Awtorità tal-Ippjanar – bdil u restawr tal-galleriji tal-injam
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Ippjanar għadhiex toffri s-sussidju fuq il-bdil u restawr tal-galleriji tal-injam?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Awtorità għandha skema biex jiġu restawrati jew fejn ikun il-bżonn, jinbidlu l-galleriji tal-injam fil-Belt Valletta in-naħa ta’ Marsamxett. Hemm ħsieb li din l-iskema tiġi estiża għax-xhur li ġejjin. Sadanittant tajjeb wieħed jinnota li dawn l-aħħar sentejn l-Awtorità nediet żewġ skemi ta’ “Irrestawra Darek” li kienu japplikaw fuq skala nazzjonali, fejn fost l-ohrajn dawn kienu jkopru wkoll ir-restawr ta’ elementi bħal galleriji tal-injam.
L-Imqabba – toroq għall-kmamar tan-nar tal-Ġilju u Santa Marija
Question
B’referenza għall-uċuħ ġodda li ngħataw lit-toroq tal-Kmamar tan-Nar tal-Ġilju u Santa Marija fl-Imqabba, peress li wara ftit ġimgħat it-triq inqagħlet u bdiet timtela ħofor għax il-materjal tat-tarmak kien inferjuri u x-xogħol ma sarx skont is-sengħa u bħala rimedju f’ċertu bnadi qed isir patchwork ta’ triq imma żoni oħra tħallew barra, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn it-toroq ma reġgħux inqagħlu u saru mill-ġdid? X’azzjoni se jieħu l-Ministeru f’dan ir-rigward?
Response (BORG, IAN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta qed taħdem sabiex pajjiżna jieħu l-aħjar valur għall-investiment bla preċedent li l-Gvern qed jagħmel fl-infrastruttura tal-pajjiż. Kull xogħol li jsir jiġi ttestjat minn tekniċi indipendenti u fejn ma jintlaħqux il-livelli ta’ kwalità mitluba minn Infrastructure Malta, il-kuntratturi jintalbu jwettqu x-xogħol mill-ġdid bi spejjeż tagħhom.
Fit-toroq indikati, wara spezzjoni inizjali, il-kuntratturi konċernati ntalbu jieħdu diversi miżuri sabiex il-partijiet fejn kien hemm l-aktar ħsarat jitranġaw minnufih. Hekk kif jiġu konklużi t-testijiet tekniċi biex jiddeterminaw in-nuqqasijiet li seta’ kien hemm fix-xogħol li sar, ikun jista’ jiġi kkonfermat jekk hux meħtieġa interventi oħra ħalli jiġi żgurat li dawn it-toroq jilħqu l-livelli mitluba minn Infrastructure Malta.