Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex – Marsalforn – Triq il-Lifurna, Triq il-Wied u Triq il-Munġbell – tneħħija ta’ karozzi abbandunati

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitneħħew tliet karozzi abbandunati li hemm fi Triq Liforna, fi Triq il-Wied u fi Triq il-Munġbell f'Marsalforn, iż-Żebbuġ, Għawdex?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi t-tliet karozzi abbandunati li kien hemm fi Triq Liforna, fi Triq il-Wied u fi Triq il-Munġbell f'Marsalforn, iż-Żebbuġ, Għawdex, tneħħew mill-Pulizija.

Parole – persuni li gawdew mis-sistema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni gawdew mis-sistema tal-parole, kull sena, fis-snin 2015, 2016 u 2017? Jista' jgħid kemm minn dawn il-persuni bdew igawdu mill-parole eżatt f'nofs is-sentenza tagħhom u kemm minnhom aktar tard min-nofs is-sentenza? X'kienet ir-raġuni għalfejn persuni ngħataw il-parole wara li kienu skontaw iżjed min-nofs is-sentenza?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li : fl-2015, 24 persuna gawdiet mis-sistema tal-Parole fl-2016, 23 persuna gawdiet mis-sistema tal-Parole fl-2017, 18-il persuna gawdiet mis-sistema tal-Parole B’referenza għal Artiklu 11 (2) u 11 (5) tal-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi : Fl-2015, 8 persuni gawdew mill-Parole eżatt f’nofs is-sentenza tagħhom u 2 persuni aktar tard min-nofs is-sentenza. ‘Il-bqija bbenefikaw minn subartikli oħra, kif speċifikat f’Artiklu 11 ta’ l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi. Fl-2016, 14-il persuna gawdew mill-Parole eżatt f’nofs is-sentenza tagħhom u 3 persuni aktar tard min-nofs is-sentenza. ‘Il-bqija bbenefikaw minn subartikli oħra, kif speċifikat f’Artiklu 11 ta’ l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi. Fl-2017, 8 persuni gawdew mill-Parole eżatt f’nofs is-sentenza tagħhom u 4 persuni aktar tard min-nofs is-sentenza. Il-bqija bbenefikaw minn subartikli ohra, kif speċifikat f’Artiklu 11 ta’ l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi. B’referenza għal Artiklu 11 (3) ta’ l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi fejn dan jispjega li ‘Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att, id-data ta’eliġibilità għall-parole ta’ priġunier li qed jiskonta kundanna ta’ priġunerija ta’ iktar minn seba’ snin għandha tiġi kkalkolata fuq tmienja u ħamsin fil-mija tat-total taż-żmien ta’ priġunerija tiegħu.’ Għalhekk, skont l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi, mhux kull persuna trid tiskonta nofs is-sentenza tagħha biex tkun eliġibbli għall-Parole, bħal kif inhu speċifikat kemm f’Artiklu 11 (1) kif ukoll f’Artiklu 11 (3) ta’ l-Att dwar il-Ġustizzja Ripatariċi. Apparti minn hekk, f’ċerti każijiet, subartikli oħra ta’ l-istess Artiklu huma applikabbli.

Pulizija – regolamenti fuq kummenti fuq mezzi ta’ media soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi regolamenti, gwida jew protokoll li jgħodd għall-uffiċjali tal-pulizija dwar l-użu ta’ facebook u/jew applikazzjonijiet oħra tal-media soċjali b’mod partikolari jekk pulizija jistgħux itellgħu kummenti ta’ natura politika fuq il-mezzi tal-media soċjali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi kif diġà ġie relevat fi tweġibiet oħra fuq l-istess suġġett, il-gwidi għall-uffiċjali tal-Pulizija dwar użu ta' siti ta' media soċjali fosthom il-facebook, hu regolat permezz ta' ċirkularijiet interni. Dawn kienu mehmuża ma’ tweġibiet oħra. Fost il-kontenut dawn jagħmlu referenza għal reati dixxiplinarji relatati, meta jkun hemm ksur ta’ dak il-kontenut fihom, inkluż opinjonijiet ta' natura politika.

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali – Direct orders bejn l-2008 u l-2013

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders mogħtija mid-dipartimenti, entitajiet, fondazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu (inkluż fejn japplika dawk li jaqgħu taħt is-Segretarji Parlamentari fid-dekasteru tiegħu) sena b’sena, bejn Marzu 2008 u Marzu 2013? Jista’ jagħti d-data meta ngħatat kull direct order, l-ispiża ta’ kull direct order u lil min ingħatat kull direct order?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

AFM – spiża fuq uniformijiet ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża fuq uniformijiet ġodda għall-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) għas-sena 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Forzi Armati ta’ Malta nefqet €356,440 fuq uniformijiet waqt is-sena 2017.

Korp tal-Pulizija – spiża fuq uniformijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża fuq uniformijiet għall-membri tal-Korp tal-Pulizija għas-sena 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li l-ispiża fuq uniformijiet għall-membri tal-Korp tal-Pulizija għas-sena 2017 kienet ta' tliet mija u ħamsa u ħamsin elf, ħames mija u sebgħa u ħamsin ewro (Euro 355, 557).

Każijiet ta’ vjolenza fuq membri tal-Korp tal-Pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijiethom

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati każijiet ta’ vjolenza fuq membri tal-Korp tal-Pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijiethom matul is-sena 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2017, il-pulizija rreġistrat mija u wieħed u sebgħin (171) każ ta’ aggressjoni, atteġġjament vjolenti jew theddid fil-konfront ta' Membri tal-Korp, waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

Depot tal-Pulizija – stallazzjoni ta’ panelli fotovoltajiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li fid-Depot tal-Pulizija ġewwa l-Furjana jiġu nstallati panelli fotovoltajiċi sabiex tiġi ġġenerata enerġija għall-konsum fl-istess binja?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi għalkemm diġà hemm ammont żgħir ta' panelli fotovoltajiċi għall-ġenerazzjoni tal-enerġija fid-Depot tal-Pulizija, fil-preżent, ma hemmx il-ħsieb li jitwaħħlu aktar f'dan il-lok.

Għases tal-Pulizija – stallazzjoni tal-panelli fitiviltajiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ġewwa l-Għases tal-Pulizija jiġu installati panelli fotovoltajiċi għall-ġenerazzjoni ta’ enerġija għall-konsum fl-istess għases?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi fil-preżent ma hemmx ħsieb li jitwaħħlu panelli fotovoltajiċi għall-ġenerazzjoni tal-enerġija għall-konsum ġewwa l-għases.

Għases f’Malta u Għawdex – ċelel fejn jinżammu persuni waqt li jkunu taħt arrest

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema għases ġewwa Malta u Għawdex hemm ċelel sabiex jinżammu persuni fihom waqt li jkunu taħt arrest?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi persuni li jkunu taħt arrest f’Malta, jinżammu fil-Lock Up fil-Furjana. Ġewwa l-Għases tal-Qawra u ċ-Ċirkewwa, hemm żewġ ċelel u ċella waħda rispettivament, però dawn jintużaw biss jekk ikun hemm bżonn, biex jinżammu persuni għal perjodu qasir qabel jittieħdu d-depot. Rigward Għawdex, hemm tmien ċelel fl-għassa tar-Rabat (Victoria) li jintużaw għal persuni waqt li jkunu taħt arrest, skont il-provediment tal-LS 9.08. Ma hemmx ċelel fl-irħula ta' Għawdex.

Agency for the Welfare of Asylum Seekers – care orders

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3069, jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu care orders mill-Agency for the Welfare of Asylum Seekers (AWAS), u f'liema każi nħarġu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

L-Aġenzija għall-Ħarsien ta’ Persuni jfittxu l-Ażil (AWAS) mhix awtorizzata toħroġ care orders, u għaldaqstant, qatt ma ħarġet Care Orders. Li tagħmel l-aġenzija huwa li tirrakkomanda lill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjeta Soċjali sabiex tinħareġ care order biss f’isem il- minuri mhux akkumpanjati (unaccompanied Minors)li jkunu waslu Malta bil-għan li jfitxxu l-ażil. Dan isir wara li jkun sar age assessment minn staff professjonali tal-AWAS sabiex tiġi stabbilita l-eta’ tal-hekk imsejħa minuri.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ ħaddiema, sija part-time u sija full-time, f’kull entità li għaliha huwa responsabbli, fl-1 ta’ Diċembru 2016, fl-1 ta’ Mejju 2017 u fit-3 ta’ Ġunju 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella t’hawn taħt : AWAS ( Agency for the Wellbeing of Asylum Seekers ) Impjegati Full-Time Impjegati Part-Time 1 ta’ Diċembru 2016 92 Xejn 1 ta’ Mejju 2017 98 Xejn 3 ta’ Ġunju 2017 97 Xejn

FIAU – rapporti lill-Pulizija ta’ money laundering

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3564 dwar ir-rapporti tal-pulizija ta’ Money Laundering, jista’ l-Ministru jwieġeb l-istess mistoqsija u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2735 li ngħatat mill-Ministru għall-Finanzi, jista’ l-Ministru jgħid kemm huma dawk ir-rapporti tal-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) li ġew mgħoddija lill-pulizija, u fil-fatt ġew investigati mill-pulizija? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawk ir-rapporti nvestigati ġew konklużi u mressqa l-Qorti għas-snin 2013, 2014, 2015, 2016 u 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

National Emergency Plans

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Malta għandhiex a national emergency plan bħal pereżempju f’każ ta’ diżastru naturali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, illi d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għandu pjan Nazzjonali ta’ Emerġenza li kien ġie approvat mill-Kabinett fl-1996. Fl-2016 kien tlesta National Risk Assessment kif implikat minn direttiva tal-UE. Mill-1996 sa llum saru wkoll pjanijiet esterni f’diversi lokazzjonijiet imsejħa COMAH. Fil-preżent, il-pjan Nazzjonali ta’ Emerġenza qed jiġi rivedut biex ikun ikopri dawn il-pjanijiet esterni u jkun kompattibli man-National Risk Assessment.

Suldati Maltin involuti barra minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk bħalissa hemmx suldati Maltin involuti barra minn Malta f’taħriġ u jekk hemm, jista’ jagħti informazzjoni dettaljata dwar dan?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, bħalissa hemm 26 membru tal-FAM fuq taħriġ barra mill-pajjiż. Hemm 19 qegħdin jattendu korsijiet ta’ formazzjoni tal-uffiċċjali fl-Irlanda u fir-Renju Unit, 4 qegħdin jattendu korsijiet ta’ formazzjoni tal-uffiċċjal navali fl-Italja u fir-Renju Unit, 1 qed jattendi kors ta’ formazzjoni tal-uffiċjali tal-avjazzjoni fir-Renju Unit, 1 qed jattendi kors ta’ instructor fir-Republika Ċeka u 1 fuq munizzjon fir-Renju Unit.

Suldati Maltin involuti f’operazzjonijiet barra minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk bħalissa hemmx suldati Maltin involuti f’operazzjonijiet barra minn Malta ta’ paċi u jekk hemm, jista’ jagħti informazzjoni dettaljata dwar dan?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, bħalissa ma hemmx suldati Maltin involuti f’operazzjonijiet ta’ żamma ta’ paċi barra minn Malta.

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — direct orders

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji ta' kull direct order li ngħatat minn kwalsiasi entità li taqa' taħtu, inkluż id-data u l-valur, mill-1 ta' Diċembru 2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-unika entita’ li taqa’ taħt dan il-Ministeru, l-AWAS (Agency for the Wellbeing of Asylum Seekers) ma tat l-ebda direct order fil-perjodu msemmi.

Riformi fil-Korp tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema riformi qed isiru fil-Korp tal-Pulizija fid-dawl tad-dikjarazzjoni li għamel fuq il-programm Times Talk li deher fuq is-sit elettroniku tal-aħbarijiet Times of Malta nhar l-Erbgħa 10 ta’ Jannar fis-7:16 am?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi riformi fil-Korp tal-Pulizija huma kontinwi u huwa d-dmir tal-amministrazzjoni tal-Korp li tara li dan isir. Fil-fatt fost ir-riformi maħsuba, f'dawn l-aħħar xhur il-Korp kien impenjat, anke bit-twaqqif ta' units ġodda, u għadu mpenjat li jara li diversi riformi jiġu ntrodotti biex itejjeb ix-xogħol tiegħu. Ma’ dawn ir-riformi hemm it-tħejjija għal tfassil ta’ Strateġija għal Trasformazzjoni tal-Korp. Ingaġġ ta' żewġ gruppi ta' rekluti kull sena bi tfassil ta’ sistema effettiva biex jilħqu livelli meħtieġa anke għal Branki Speċjalizzati. Tfassil ta' programm biex jingħata tagħlim lill-Membri tal-Korp biex jibqgħu jaġġornaw rwieħhom ma’ żviluppi kontinwi. Il-Korp beda u qed ikompli jesplora il-kunċett ta' civilisation biex jikkumplementa dipartimenti speċjalizzati fi ħdan il-Korp bi skop illi tiżdied il-presenza tal-pulizija fil-komunita. Fl-istess ħin biex jiżdied anke l-ħin għal investigazzjonijiet minn fizzjali tal-Korp, qed isir studju li permezz tiegħu qed tiġi evalwata l-possibilità ta' separazzjoni ta' poteri investigattivi u ta’ prosekuzzjoni. Dan barra studju dwar xogħol li bħalissa qed isir min membri tal-korp u li jista’ jsir minn entitajiet oħra, kif ukoll outsourcing ta' ċertu xogħol, li wkoll iservi biex jiżdiedu l-pulizija fit-toroq. Riformi oħra ser isiru f'dak li jirrigwarda modernizzar ta' Għases, xogħol ma’ strutturi ta' teknoloġija li jiffaċilita l-ġlieda ta' kull forma ta' kriminalita organizzata jew proċeduri biex iċ-ċittadin jinqeda aħjar. Il-Korp hu wkoll imdaħħal bħala wieħed mid-Dipartmenti fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Prevenzjoni tal-Kriminalita' li ġiet imnedija is-sena l-oħra.

Promozzjonijiet minn Spetturi għal Supretendent

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-ispetturi li għaddew għal supretendenti liema riżultat ġie kkonfermat mill-Public Service Commission (PSC), għadhom ma ngħatawx il-promozzjoni? Jista’ l-Ministru jgħid ukoll kemm minn dawn l-ispetturi ser jingħataw din il-promozzjoni? U meta? U x'wassal biex dawn il-promozzjonijiet jinżammu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-promozzjonijiet lill-Ispetturi li għaddew għal Supretendenti fil-Korp tal-Pulizija, ser isiru fil-futur qrib. L-ammont ta' dawk li ser jiġu promossi jiġi determinat skond l-esiġenzi tas-servizz dakinhar tal-promozzjonijiet, kif dejjem sar fil-passat.

FIAU – rapporti lill-Pulizija ta’ money laundering

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3565 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2735, jista’ l-Ministru jgħid kemm huma dawk ir-rapporti tal-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) li ġew mgħoddija lill-pulizija u li ġew fil-fatt investigati mill-pulizija u kemm minn dawk investigati ġew konklużi u mressqa l-Qorti għas-snin 2013, 2014, 2015, 2016 u 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.