Impjant tal-Produzzjoni tal-prodotti tax-xorb — ilma
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 2840 u tgħid sena b'sena mill-2011 sal-2021 kemm ittella' ilma mill-ilma tal-pjan mill-impjanti tal-produzzjoni tal-prodotti tax-xorb, inklużi dawk li jibbottiljaw l-ilma għax-xorb, u b'liema rata, medja għal kull sena, dan inxtara?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-2016 ma kien isir l-ebda monitoraġġ speċifiku. Minn dak iż-żmien bdew jiġu rreġistrati l-ammonti f’metri kubi kull sena, kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Infurmata li bħalissa għaddejja l-evalwazzjoni neċessarja f’dan ir-rigward.
Tista’ l-Ministru tgħid għal liema raġuni fl-aħħar estimi tal-Baġit li ġew approvati l-line item 5891, Climate Action Plan, naqas minn €250,000 (2022) għal €100,000 (2023)?
Response (DALLI, MIRIAM)
Kwalunkwe analiżi ta’ dawn l-allokazzjonijiet ma tistax issir b’mod iżolat imma trid tieħu kunsiderazzjoni tal-allokazzjoni totali tal-voti.
Fil-fatt f’dan il-budget dan il-Gvern alloka aktar minn €175 miljun f’miżuri li jindirizzaw it-tibdil fil-klima u l-Ambjent taħt Ministeru wieħed, dak tal-Ambjent, Enerġija u Intrapriża.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1198, tista’ l-Ministru tgħid jekk ix-xogħlijiet fi Triq il-Kampanella, Fgura sarux u jekk le, meta se jsiru?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja b’koordinazzjoni mal-entità li tieħu ħsieb xogħol infrastrutturali biex din twettaq ix-xogħol meħtieġ.
Enemalta – talbiet għal bozoz pubbliċi ġodda mill-Ministeru għal Għawdex
Question
Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm-il talba għal bozoz pubbliċi ġodda rċeviet l-Enemalta mill-Ministeru għal Għawdex mill-bidu tal-2019 sal-lum? Kemm minn dawn ġew approvati u kemm ġew rifjutati? Fejn huma l-bozoz li ġew approvati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li mill-2019 sal-aħħar tal-2022, l-Enemalta installat 298 bozza f’toroq pubbliċi kif jidher fil-lista li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-applikazzjonijiet għal dawn il-bozoz saru jew mill-Ministeru għal Għawdex jew mill-Kunsilli Lokali.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — Anti-Harassment Policy
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ “Anti-Harassment Policy” (għal fuq il-post tax-xogħol) teżisti fi ħdan il-Ministeru kif ukoll fi ħdan kull aġenzija u/jew dipartiment li jaqa’ taħt il-Ministeru tagħha?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rigward tas-Servizz Pubbliku u għal numru ta’ entitajiet oħra li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża l-policy li tapplika hija dik li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra bi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 5724. Hemm ukoll entitajiet oħra li dwar anti-harassment, għandhom policy speċfika.
B'referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet li ngħatat mill-Ministru, fejn intqal li matul is-sena 2022 il-Ministeru ħawwel 35,600 siġar u arbuxelli madwar Malta u Għawdex, tista’ l-Ministru tgħid kemm minnhom tħawlu f’Għawdex u fejn tħawlu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li permezz ta’ diversi inizjattivi li ħa l-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, tħawlu 1,988 siġar u arbuxelli ġewwa l-gżira ta’ Għawdex f’dawn il-lokalitajiet :-Għajnsielem, Għarb, Għasri, Kerċem, Munxar, Nadur, Qala, Rabat, San Lawrenz, Sannat, Xagħra, Xewkija, Xlendi u Żebbuġ.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hix qed tiġi kkonsidrata l-possibilità li l-Park Rangers ikunu fornuti b’body cams?
Response (DALLI, MIRIAM)
Tajjeb nispeċifika li Ambjent Malta għandha wardens (Environment) li huma stazzjonati magħha. Bi tweġiba għall-mistoqsija tal-Onor. Interpellant tali wardens (Environment) mhumiex koperti minn qafas legali li jagħti poteri ta’ infurzar fuq ksur ta’ liġijiet. Infurmata li l-liġi marbuta mal-protezzjoni tad-data ma tippermettix legalment li jintuża dan l-apparat minn dawn l-uffiċjali.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hawn Park Rangers jaħdmu f’pajjiżna bħalissa, fejn qed jaħdmu u kemm minnhom huma impjegati mal-Gvern u mal-NGOs?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma' Ambjent Malta, fi ħdan dan il-Ministeru, hemm 8 Wardens (Environment) li huma impjegati full-time. Dawn huma mqassmin hekk:
· Tlieta (3) jagħmlu xogħol ta’ monitoraġġ u mmaniġġar ġewwa siti ta’ Natura 2000
· Persuna (1) qiegħda stazzjonata ġewwa l-mixtla ta’ Ambjent Malta.
· Erbgħa (4) huma mislufin lil Birdlife Malta u qegħdin stazzjonati ġewwa s-Salini Salt pens
Infurmata wkoll li hemm tliet (3) rangers li jaħdmu full-time u ieħor (1) part-time li huma ingaġġati mill-Federazzjoni tal-Park tal-Majjistral.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk jeżistux jew le kondizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema li jaħdmu bħala Park Rangers? Jekk iva, tista’ tqegħedhom fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DALLI, MIRIAM)
Kif speċifikat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 5818 l-Park Rangers huma ingaġġati mill-Federazzjoni tal-Park tal-Majjistral.
Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett tal-bini tal-inċineratur fil-Magħtab u fl-istess waqt tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar pjanti approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar tal-istess proġett?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma l-Onor. Interpellant li fejn jidħol l-iskavar tas-sit, dan mixi kif mistenni sabiex ikun lest sa meta jingħalaq il-proċess tax-xiri tal-impjant liema proċess mixi kif ippjanat ukoll. Fir-rigward tal-pjanti, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba ngħatat għall-PQ 21157.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm persuni li nqabdu jisirqu d-dawl? Tista’ tgħid kemm minn dawk li nqabdu, tressqu l-Qorti bejn l-2015 sal-ġurnata li titwieġeb din il-mistoqsija?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta kellha 1,075 każ ta’ suspett ta’ serq ta’ elettriku. Fit-23 każ minnhom saret kwerela lil pulizija. F’erba’ każi oħra, l-Enemalta ħadet passi ċivilment. Fil-maġġoranza tal-każi, ma kienx hemm bżonn passi ulterjuri għaliex kif tipprovdi l-liġi sar ftehim bejn l-Enemalta u l-konsumaturi.
Tista' l-Ministru tgħid kemm inħarġu kontravenzjonijiet minn wardens tal-ambjent mill-2021 sal-lum?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li skont il-provvedimenti tar-Regolamenti msemmija, matul l-2021, l-uffiċjali tal-Awtorità ħarġu total ta’ 304 multi amministrattivi f’diversi lokalitajiet f’Malta u Għawdex. Mis-sena 2022, minbarra l-multi amministrattivi bdew jinħarġu wkoll twissijiet lil dawk l-individwi li jinqabdu jiksru r-regolamenti fil-fatt għall-ewwel darba iżda mbagħad isegwu l-istruzzjonijiet li jagħtuhom l-uffiċjali. B’dan il-mod, fl-2022, inħarġu 510 twissijiet u 115-il multa amministrattiva, filwaqt li sas-16 ta’ Jannar 2023 inħarġu 39 twissija.
Fil-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, l-uffiċjali li għandhom il-poter eżekuttiv li jinfurzaw, u allura anke joħorġu l-kontravenzjonijiet, jaqgħu taħt l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA).
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru tagħha għandux ħsieb li jagħmel proġett fil-parti taħt it-Triq il-Maltin Internati u Eżiljati fejn bħalissa hemm ammont sostanzjali ta’ materjal li radam parti mill-wied?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li minn spezzjoni li saret minn Parks Malta ma nstab l-ebda radam ġewwa l-Wied ta’ Ġnien Ħira, limiti tal-Imtarfa u r-Rabat, biswit it-Triq il-Maltin Internati u Eżiljati. Dan il-wied huwa wieħed mill-widien fejn huwa ppjanat li jsir tindif minn speċi aljeni u invażivi kif ukoll tħawil ta' siġar u arbuxelli indiġeni. Xogħol li huwa mistenni li jsir wara x-xhur tax-xitwa.
Jista' jkun li l-Onor. Interpellanta qed tirreferi għal xi materjal ieħor f’xi nħawi oħra u jekk iva tista’ tindika fejn?
San Pawl il-Baħar — Triq Marchesa - bozza mwaħħla mal-faċċata ta' proprjetà
Question
B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 5006 u 5188, tista' l-Ministru tieħu l-azzjoni neċessarja biex il-bozza fi Triq Marchesa Bugeja, San Pawl il-Baħar terġa’ tixgħel hekk kif sal-ġurnata li fiha qegħda ssir din il-mistoqsija parlamentari din il-bozza baqgħet ma tixgħelx għalkemm fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 5006 ġejt infurmata li l-Kunsill Lokali indirizza din il-kwistjoni mal-entità kkonċernata filwaqt li fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 5188 fejn infurmata li l-Enemalta m’għandha l-ebda talba pendenti dwar id-dawl pubbliku f’din it-triq?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li mill-investigazzjonijiet li saru mill-Enemalta jirriżulta li l-lampa li qed tirreferi għaliha, skont ir-rekords tal-Enemalta ma tinsabx fi Triq Marchese Bugeja iżda fi Triq il-Paċi. Ittieħdu l-passi biex din tiġi rranġata.
Tista' l-Ministru tgħid min huwa responsabbli għall-ħlas tal-ilma u d-dawl li jintuża mill-GEB Landscaping Malta għall-embellishment tat-toroq u roundabouts ġewwa Għawdex, u ċjoè jekk dawn il-kontijiet jitħallsux mill-GEB Landscaping Malta jew inkella mill-Ministeru għal Għawdex?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-GEB Landscaping Malta huwa kuntrattwalment marbut li jħallas għall-konsum tad-dawl u l-ilma li juża biex jipprovdi s-servizz tiegħu.
Tista’ l-Ministru tgħid, mill-ġurnata li bdiet titħaddem l-iskema ta’ Rifużjoni tal-Kontenituri tax-Xorb sal-lum, kemm daħlu rapporti ta’ ħsarat relatati mar-Reverse Vending Machines (RVMs)?
Response (DALLI, MIRIAM)
Il-Ministeru jirrikonoxxi li fl-ewwel ftit ġimgħat jista’ jagħti l-każ li kien hawn numru ta’ RVMs b’xi problemi, però tajjeb niġbdu l-attenzjoni tal-Onor. Interpellanta li la l-Ministeru u lanqas l-Aġenzija Ekonomija Ċirkulari Malta mhuma involuti fl-operat tal-magni tal-iskema. Tajjeb insemmu li l-ħsara li potenzjalment jista’ jkollhom il-magni hija responsabbiltà tal-Operatur.
Enemalta — talbiet għal Bozoz ġodda mill-kunsill lokali ta' San Pawl il-Baħar
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 5511 u tagħti tagħrif dwar kemm-il talba għal bozoz pubbliċi ġodda rċeviet l-Enemalta mill-2019 sal-lum mill-kunsill lokali ta’ San Pawl il-Baħar? Kemm minn dawn ġew approvati u kemm ġew rifjutati? Fejn huma l-bozoz li ġew approvati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li mill-2019 sal-aħħar tal-2022, il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar għamel 134 applikazzjoni għal bozoz pubbliċi. Numru sostanzjali minnhom kienu biex jiġu regolarizzati bozoz li saru b’mod irregolari qabel l-2019.
Minn dawn l-applikazzjonijiet, l-Enemalta tat is-servizz mitlub fuq 133 bozza, u waħda ġiet kanċellata. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-lista tat-toroq fejn saru dawn il-bozoz.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5507, tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-gazzetta tal-Gvern li fiha dehret l-applikazzjoni tal-easement għall-permess li saret referenza għalih fil-mistoqsija parlamentari 5507? Tista' tagħti tagħrif dwar jekk it-talba għall-easement ġietx aċċettata?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-estratt mill-Gazzetta tal-Gvern tat-30 ta’ Settembru 2022 fejn fiha deher l-avviż qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tikkonferma li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), b'xi mod jew ieħor, tat il-go-ahead sabiex bħala riżultat tal-proġett li qed isir, l-ilma mill-pjazza prinċipali tal-Mosta jintefa' f'Wied il-Għasel? Jekk ingħata dan il-go-ahead, b'liema mod ingħata? Sar xi tip ta' studju, u jekk iva, jista' r-rapport jitpoġġa fuq il-Medja tal-Kamra?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) rċeviet konsultazzjoni mingħand Transport Malta fuq l-applikazzjoni RWP1_22_02372 għal xogħlijiet fil-pjazza tal-Mosta u f’toroq oħra madwarha. Ix-xogħlijiet indikati jinkludu ukoll tkabbir ta’ katusi eżistenti li diġà jwasslu l-ilma tax-xita lejn l-istess parti tal-wied.
L-ERA ma kellhiex oġġezzjoni għal dawn ix-xogħlijiet diment li jkunu segwiti ċerti kundizzjonijiet u limitazzjonijiet. Ir-risposta tal-ERA ngħatat permezz tal-portal uffiċjali għal dawn l-applikazzjonijiet, li hu amministrat minn Transport Malta.
Tista' l-Ministru tinvestiga x'inhi r-raġuni għala d-dawl pubbliku fil-maġġoranza tal-ewwel parti ta' Triq Burmarrad, San Pawl il-Baħar (minn fejn ir-roundabout ta' Erba' Mwieżeb) jinsab mitfi, filwaqt li tieħu l-azzjoni neċessarja biex id-dawl pubbliku hawnhekk jerġa’ jkun mixgħul?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Enemalta kellha żewġ notifiki li saru mill-istess persuna għal dawl mitfi f’din it-triq f’Burmarrad. Waħda saret fl-10 ta’ Jannar 2023 li ssewwiet dakinhar stess u oħra li saret fis-26 ta’ Jannar 2023 u ssewwiet l-għada fis-27 ta’ Jannar 2023.