Faċilità ġdida ta’ inċineratur tal-iskart — Valutazzjoni tal-Impatt Ambjenti – Espert tekniku fil-Laqgħa pubblika
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27966, tista’ l-Ministru tgħid għalfejn fil-laqgħa pubblika fejn saret preżentazzjoni tal-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (VIA) dwar il-kostruzzjoni ta’ faċilità ġdida għall-inċinerazzjoni tal-iskart (TTF) ma kienx hemm espert tekniku preżenti biex iwieġeb mistoqsijiet tekniċi u xjentifiċi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni li qed tagħti mhix korretta. Matul il-laqgħa pubblika kien preżenti l-kordinatur tekniku tal-EIA, li huwa espert approvat mill-ERA u li wieġeb għall-mistoqsijiet li qamu.
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport/i dwar l-għażla tas-sit għall-kumpless magħruf bħala l-EcoHive, inkluż ir-raġunijiet tekniċi, ambjentali u oħrajn li wasslu għall-għażla tas-sit fil-Magħtab?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Tista’ l-Ministru tagħti n-numru ta’ charging pillars li hemm f’kull waħda mil-lokalitajiet tat-Tlettax-il Distrett Elettorali, separatament għal kull lokalità?
Tista’ tgħid ukoll:
i. kemm hu mistenni li jiżdiedu charging pillars f’kull waħda minn dawn il-lokalitajiet;
ii. meta hu mistenni li jiġu installati dawn iċ-charging pillars;
iii. meta hu mistenni li jibdew jaħdmu;
iv. f’kull każ, kemm minn dawn iċ-charging pillars se jkunu fast charging u kemm minnhom se jkunu medium (normal) charging; u
v. liema rata ta’ ħlas ser tkun qed titħallas minn min ikun qed juża dawn iċ-charging points?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’kollox hawn 408 charging points għall-użu pubbliku mxerrdin madwar Malta u Għawdex, filwaqt li għaddej proġett ieħor biex jiżdiedu 1,200 charging point ieħor madwar il-gżejjer. Dawn jnkludu 120 charging point (60 charging pillar) li se jsiru fil-lokalitajiet tat-Tlettax-il Distretti Elettorali u li l-informazzjoni mitluba dwarhom tinsab fid-dokument li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Qabel ma jitwaħħlu ċ-charging pillars irid isir xogħol infrastrutturali u ta’ preparamenti elettriċi. Il-kuntratt għal dawn ix-xogħlijiet f’kull sit propost tal-lokalitajiet imsemmija ġie ffirmat u mistennija jinbdew fil-ġimgħat li ġejjin. Filwaqt li t-tenders għaċ-charging pillars għandhom jinħarġu fix-xhur li ġejjin u għandhom jiġu kuntrattati kollha sal-aħħar tas-sena.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta’ servizzi ta’ dawl u ilma separatament, li huma reġistrati mal-Enemalta u mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) f’Għawdex, maqsuma raħal b’raħal? Tista’ wkoll tagħti tagħrif dwar in-numru ta’ servizzi hekk reġistrati, skont il-kategoriji li għandhom il-WSC u l-Enemalta?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tgħid liema proġetti huwa mistenni li taħdem fuqhom Project Green matul din is-sena? Tista’ tgħid ukoll liema proġetti għaddej ix-xogħol fuqhom preżentement mill-istess Project Green?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tlabt biex tinġabar l-informazzjoni.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk sarux xi testijiet jew studji ta’ monitoraġġ tal-kwalità tal-arja matul l-aħħar tliet snin fl-inħawi tan-Naxxar, il-Magħtab u/jew Baħar iċ-Ċagħaq, il-Mosta, Ħal Għargħur, Ħal Lija, Ħ’Attard, Ħal Balzan, l-Iklin, Birkirkara, San Ġwann, l-Imsida, is-Swieqi, Pembroke, San Ġiljan, tas-Sliema, il-Gżira, ir-Rabat u l-Imġarr?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tagħmel monitoraġġ tal-arja permezz ta’ netwerk instantanju li għandu ħames stazzjonijiet bi tnejn minnhom qegħdin f’San Pawl il-Baħar u ieħor fl-Imsida. Isir ukoll monitoraġġ permezz ta’ netwerk passiv li jkopri l-pajjiż kollu u nikkonferma li hemm tubi fin-Naxxar, fil-Mosta, Ħal-Għargħur, Ħal-Lija, Ħ’Attard, Ħal-Balzan, l-Iklin, Birkirkara, San Ġwann, l-Imsida, fis-Swieqi, Pembroke, San Ġiljan, tas-Sliema, il-Gżira, ir-Rabat u l-Imġarr.
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi kemm inħarġu kontijiet mill-ARMS, separati skont it-tip (residenzjali, domestiċi u kummerċjali), minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex tinġabar l-informazzjoni.
Tista’ l-Ministru tgħid x’ser ikun l-użu ta’ Church Wharf (is-sit fejn kien hemm l-ex-power station) ġewwa l-Marsa? Tista’ tgħid x’inhu l-ħsieb għall-użu ta’ din l-art, pereżempju: użu marittimu, użu kummerċjali jew oħrajn? Jekk dan ser isir, tista’ tgħid meta?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-art indikata qiegħda fuq il-kotba tal-Enemalta u għandha valur kummerċjali. Kwalunkwe pjanijiet dwarha jsiru favur l-interessi tal-kumpanija, l-gvern u tal-lokalitajiet fil-madwar, u jsiru bħala parti minn pjan sħiħ għar-riġenerazzjoni tal-inħawi.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 28315 u 28316 li oriġinarjament saru lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali rispettivament u tara li ċ-charging station li hemm fi Triq San Leonardu, f’Ħaż-Żabbar (li tidher li ser taqa’), tiġi rranġata urġentement?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li ċ-charging pillar li qed issir referenza għaliha ssewwiet u reġgħet qed topera, wara li din ġarrbet ħsarat konsiderevoli minħabba li ntlaqtet minn karozza.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15706, fejn intqal li l-istudju għadu għaddej, issa li għaddew tlettax-il xahar, tista’ l-Ministru tgħid liema żoni tal-kosta ta' Wied iż-Żurrieq u Għar Lapsi ser ikun qiegħed ikopri l-park ġeoloġiku u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra site plan li tindika dawn iż-żoni? Tista’ tgħid ukoll:
(a) Fiex waslu l-istudji biex jigi stabbilit l-istat preżenti taż-żona u meta dawn l-istudji ser ikunu lesti;
(b) Fiex ser ikunu jikkonsistu l-interventi meħtieġa biex jinħoloq dan il-park ġeoloġiku;
(ċ) X'kobor ta' art ser tkun affettwata bl-interventi proposti;
(d) Min qed jipprepara dawn l-istudji, permezz ta' kollaborazzjoni ma' kunsilli lokali, jekk hux minn impjegati ta’ Project Green jew minn kumpanija/i privata/i; u
(e) F’każ li x-xogħol ġie kkumissjonat lil kumpanija/i privata/i, dan sar permezz ta' direct order jew ta' tender?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li tlesta r-rapport u ġie evalwat, u anke saret spezzjoni fuq is-sit, ġew identifikati riskji sinifikanti li jqajmu tħassib dwar is-sigurezza pubblika.
Project Green tat bidu għal studju ieħor biex jiġi identifikat sit alternattiv fejn jista’ jsir park ġeoloġiku f’pajjiżna.
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet qed isiru fi Triq San Ċiru, fil-Gudja u kemm ser idumu sabiex jiġu ffinalizzati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja b’xogħlijiet ta’ bdil ta’ mains tad-drenaġġ kif ukoll xogħlijiet fuq in-network tal-ilma tax-xorb fit-triq indikata. Huwa mmirat li dawn jitlestew fil-ġimgħat li ġejjin u wara jissoktaw xogħlijiet oħrajn minn Infrastructure Malta.
Tista’ l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li sitt blokok residenzjali li kienu ex-Married Quarters tal-Ingliżi f’Ħal Farruġ li mat-tluq tal-Ingliżi minn Malta, ġew okkupati minn familji Maltin u li kienu nxtraw minnhom fl-1981; twaħħlilhom arloġġ tad-dawl fil-komun f'Diċembru li għadda u issa rċevew kont tad-dawl b'lura ta' 4,500 Euro għal kull blokka bħala konsum tad-dawl tal-komun, meta d-dawl ta' dan il-komun kien jinżamm mixgħul a spejjeż tal-Gvern minn inżul sa tlugħ ix-xemx peress li dawn qegħdin fil-flight path tal-ajruplani li jkunu ser jinżlu fl-ajruport? Tista’ tgħid ukoll għaliex il-konsum tad-dawl ta' dawn il-komuni mhux ser jibqa’ jitħallas mill-Gvern kif dejjem sar, peress li ż-żamma ta' dan id-dawl jixgħel huma mezz ta' sigurtà għall-inżul u tlugħ tal-ajruplani?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Ras il-Ħobż, Ta’ Barkat u Ta’ Ċumnija — Produzzjoni ta’ New Water - Statistika
Question
Tista’ l-Ministru tipprovdi statistika dwar il-produzzjoni ta’ New Water matul is-snin 2022, 2023 u 2024 f’Malta u Għawdex, bi break down tal-produzzjoni maqsuma kull sena mill-impjanti ta’ Ras il-Ħobż, Ta’ Barkat u Ta’ Ċumnija?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlametari simili bin-numru 26613 mill-Onor. Charles Azzopardi.
Ras il-Ħobż, Ta’ Barkat u Ta’ Ċumnija — Produzzjoni ta’ New Water - Statistika
Question
Tista’ l-Ministru tipprovdi statistika dwar il-produzzjoni ta’ New Water matul is-snin 2018, 2019, 2020 u 2021 f’Malta u Għawdex, bi break down tal-produzzjoni maqsuma kull sena mill-impjanti ta’ Ras il-Ħobż, Ta’ Barkat u Ta’ Ċumnija?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlametari simili bin-numru 26614 mill-Onor. Charles Azzopardi.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Infiq fuq reklamar
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 26750 u tgħid kemm intefqu flus f’reklami fil-Ministeru tagħha u fl-entitajiet li jaqgħu taħtha fl-2024? Tista’ tgħid ukoll kemm hemm ippjanat li jintefqu flus f’reklami fl-2025, maqsuma entità b’entità?
Tista' l-Ministru tgħid x’tip ta’ xogħlijiet saru jew ser isiru ġewwa l-Belt Victoria? Liema entità jew awtorità se taħdem, meta ser jinbeda x-xogħol u meta huwa mistenni li jitlesta? Tista’ tgħid ukoll jekk hux se jingħata l-asfalt tul it-triq li diġà ntmesset jew tul it-triq kollha kemm-il darba din tintmess?
Response (DALLI, MIRIAM)
Bħala parti mir-rinfurzar tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, Enemalta qed tpoġġi 60 kilometru ieħor ta’ cables ġodda taħt l-art f’bosta lokalitajiet madwar Malta u Għawdex. Infurmata li se jitpoġġew cables ġodda bejn Kerċem substation u Kerċem Road substation, u parti minn dan ir-rinfurzar jinkludi xogħlijiet fi Triq Kerċem, Victoria, li huwa mmirat li jibdew f’nofs Ġunju u jieħdu madwar xahar biex ikunu lesti. Wara li jsiru dawn ix-xogħlijiet jingħata l-asfalt skont il-permessi u l-kundizzjonijiet ta’ Transport Malta.
Min-naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejjin xogħlijiet fi Triq San Duminku kemm fuq in-network tal-ilma tax-xorb kif ukoll dak tad-drenaġġ. Dawn mistennija jitlestew lejn l-aħħar ta’ Lulju u wara se jingħata l-asfalt tul it-triq kollha. Xogħlijiet simili qegħdin isiru wkoll fi Triq il-Kapuċċini, Triq Giacintu Caminzuli, Triq Pisani u Triq Marsalforn li huma parti minn proġett tal-Ministeru għal Għawdex.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir – Xiri ta’ karozzi ġodda — Nefqa
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 24389 u 24902 u tgħid kemm intefqu flus biex inxtraw karozzi ġodda taħt id-dekasteru tagħha, inkluż fid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtha, minn Ġunju 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż informazzjoni dwar il-mudell tal-karozzi li nxtraw, minn liema kumpanija u meta nxtraw, jekk inxtrawx b'direct order jew b'tender pubbliku, l-ammont li nxtraw, u tagħti l-pożizzjoni u l-grad tal-persuna għal min inxtrat kull karozza? Tista’ tippreżenta l-informazzjoni fil-format hekk kif indikat separatament?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-perjodu ndikat, fil-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, inklużi d-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, nxtraw tmien (8) karozzi ġodda.
Sitta (6) minnhom inxtraw għall-użu ġenerali u l-kumplament inxtraw lill-uffiċjali fi gradi maniġerjali u li skont il-Manual on Transport and Travel Policies and Procedures huma intitolati għall-vettura. Kopja ta’ dan il-manwal, diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Finalment irrid nirrimarka li x-xiri ta’ dawn il-vetturi jsir skont il-proċedura applikabbli skont il-Public Procument Regulations.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 28188 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u tgħid meta se jissewwew is-Storm Water Culverts fi Triq is-Salina, in-Naxxar, li diġà ġew spezzjonati mill-Perit tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi f’Marzu 2025, u li kkonferma li fihom ħsarat estensivi, li qed ikunu ta’ inkonvenjent kbir għar-residenti taż-żona u li għandhom jissewwew mill-aktar fis possibbli?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 28189 u ċjoè: B’referenza għat-Thermal Treatment Facility (TTF) fil-Magħtab (PA/06096/23 (EA/00020/22), tista’ l-Ministru tgħid jekk id-dokument ‘Coordinated Assessment’ ippreżentat mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, jgħidx li l-effett tal-inċineratur se jinfirex fuq il-lokalitajiet fiż-żona ta’ 113 kilometru kwadru (within the 6km radius around the TTF), u li dawn il-lokalitajiet jinkludu: in-Naxxar, San Pawl il-Baħar, il-Mosta, Ħal Għargħur, Ħal Lija, Ħ’Attard, Ħal Balzan, l-Iklin, B’Kara, San Ġwann, l-Imsida, is-Swieqi, Pembroke, San Ġiljan, Tas-Sliema, il-Gżira, ir-Rabat u l-Imġarr? Tista’ tgħid ukoll ma’ kemm minn dawn il-lokalitajiet saret konsultazzjoni pubblika u/jew mal-Kunsilli Lokali u/jew mas-Sindki li jirrappreżentaw dawn il-lokalitajiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra spjegazzjoni dettaljata tal-kumpanija Wasteserv. Din l-ispjega dettaljata tindirizza mhux biss dak li qed tistaqsi dwaru l-Onor. Interpellanta, iżda tindirizza wkoll ħafna miżinformazzjoni u gideb li ntqalu fl-aħħar jiem.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 28190 u tgħid għalfejn il-proġett tal-iskart fil-Magħtab, magħruf bħala EcoHive, qed jiġi ppreżentat għall-konsultazzjoni pubblika biċċa biċċa u mhux fl-intier tiegħu? Tista’ tgħid ukoll jekk sarx impact assessment ħolistiku fuq l-impjanti u l-inċineraturi kollha f’daqqa, u mhux wieħed wieħed u jekk iva, jista’ jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 28351 kif ukoll oħrajn dwar l-istess materja. Kuntrarjament għal li kien jiġri taħt Gvern Nazzjonalista, l-proġetti li qed jagħmel il-Gvern fil-qasam tal-iskart huma parti minn Pjan Nazzjonali usa’ għall-maniġġjar tal-iskart li kien ġie diskuss u approvat.