Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli — karozza uffiċjali u s-second car tiegħu
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6197 jista’ l-Ministru jgħid jekk inħariġx tender għall-kiri tal-karozza uffiċjali tiegħu u mingħand min hi mikrija?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ma nħariġx tender għall-kiri tal-karozza uffiċjali u l-karozza hi mikrija mingħand Hertz United Garage.
Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli — karozza uffiċjali u allowance minflok is-second car tiegħu
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6197, ladarba l-Ministru ddikjara li mhux qed juża s-second car, jista’ jgħid kemm hu l-allowance li qed jieħu minflok l-użu ta’ din il-karozza?
Response (GALDES, RODERICK)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi għat-tweġiba numru 36589 li ngħatat nhar il-25 ta’ Settembru tal-2012 tal-Leġiżlatura XI.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4223 u jgħid kemm-il dar battala għandna f’pajjiżna u kemm minnhom qegħdin għall-użu tal-akkomodazzjoni soċjali?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar għandha 23 residenza tal-Gvern madwar Malta u Għawdex li bħalissa jinsabu battala minħabba li fihom għaddej xogħol ta’ rranġar sabiex dawn isiru abitabbli u jiġu allokati għal skop ta’ akkomodazzjoni soċjali.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4226 u jgħid kemm-il applikazzjoni hemm quddiem l-Awtorità tad-Djar minħabba sfida ta’ mobilità jew minħabba li d-dar mimlija periklu?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fuq il-lista ta’ stennija, l-Awtorità tad-Djar għandha 52 applikazzjoni minn persuni bi problema ta’ mobilità u 4 applikazzjonijiet minn persuni li jgħixu fi proprjetà li jkollha xi ħsarat strutturali.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22929 tal-Leġiżlatura preċedenti, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-lift inkwistjoni fil-flats f’Santa Luċija ġiex istallat mill-ġdid u jekk huwiex jaħdem u kemm ġiet tiswa tali spiża?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar lestiet dan il-proġett li jinkludi lift ta’ 6 passiġġieri flimkien ma’ xogħlijiet ta’ tisbiħ tal-partijiet komuni, intercom, u aperturi ġodda bi spiża globali ta’ EUR 173,218.76 inkluż il-VAT. Il-lift ingħata lura lir-residenti hekk kif kien spjegat fil-mistoqsija 4101.
Awtorità tad-Djar – kiri ta' binjiet li nbnew wara l-gwerra
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-binjiet li nbnew wara l gwerra, u li wara li nbnew mill-ġdid kienu nkrew lil dawk li kellhom bżonn residenza, is-sidien ta’ dawk il-postijiet (illum l-eredi taghhom) għadhomx jitħallsu bl-istess rata li kienu jitħallsu meta l-proprjetà nkriet għall-ewwel darba?
Response (GALDES, RODERICK)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4216 u jgħid kemm-il akkomodazzjoni soċjali ngħatat minn Ottubru 2021 sa Marzu 2022 u minn April 2022 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din id-domanda?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli – impjegati ġodda f’awtoritajiet u entitajiet
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5782 u jagħti rendikont ta' kemm ġew impjegati persuni ġodda fl-awtoritajiet u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn Marzu 2022 sal-lum, f'liema awtorità/entità ġew ingaġġati u mil-liema lokalitajiet huma dawn il-ħaddiema?
Response (GALDES, RODERICK)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra b’rendikont ta’ kemm ġew impjegati persuni ġodda fl-entitajiet jew awtoritajiet li jaqgħu taħt dan id-dekasteru tiegħi minn Marzu 2022 sal-aħħar ta’ Jannar 2023. Dawn ġejjin mil-lokalitajiet ta' Kerċem, Birżebbuġia, Tarxien, Luqa, Mqabba, Gudja, Qormi, Mellieħa, Żabbar, Dingli, Birkirkara, Ħaż-Żebbuġ, Naxxar u l-Gżira.
Fl-istess ħin qed nipprovdih ukoll b’rendikont tal-ħaddiema li, f’dan l-istess perjodu, spiċċaw mill-istess entitajiet/awtoritajiet minħabba raġunijiet varji.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6573 u jgħid kemm hemm persuni li bħalissa qegħdin jistennew post tal-Housing? Kemm minn dawn il-persuni huma barranin li jgħixu Malta?
Response (GALDES, RODERICK)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4233. Minn dawn, 72 huma persuni barranin li jgħixu Malta. Sabiex persuna barranija tkun tista’ tapplika għall-akkomodazzjoni soċjali, irid ikollha status ta’ refuġjat, ġejja minn pajjiż mill-Unjoni Ewropea jew miżżewġa ċittadin/a Malti.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6574 u jgħid kemm kien hemm barranin jgħixu f'post tal-Gvern fis-snin 2020, 2021 u 2022?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar ma jkollhiex informazzjoni fuq in-nazzjonalità tal-persuna li tkun qed tgħix, jekk ikun il-każ, mal-persuna li tkun allokata l-post wara li jkunu ġew sodisfatti l-kriterji tal-eleġibilità.
Raħal Ġdid – Triq Kordin – manutenzjoni ta’ appartamenti
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6351, jista’ l-Ministru jikkonsidra li ssir il-manutenzjoni fuq il-parti esterna tal-appartamenti fi Triq Kordin, Paola?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'għandi xejn xi nżid mat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6351.
Vittmi ta’ vjolenza domestika li qed jistennew akkomodazzjoni soċjali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni vittmi ta’ vjolenza domestika li għadhom qed jistennew akkomodazzjoni soċjali? Kemm ilhom li applikaw għal dan is-servizz?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri green qed jieħu bħala manutenzjoni tal-proprjetajiet tiegħu?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar qed taħdem fuq proġett pilota ta’ retrofitting fi blokka t’appartamenti f’Ħaż-Żabbar fejn ser jiġu installati diversi miżuri li jiffrankaw l-enerġija.
Segretarjat Privat tal-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli — karozzi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il karozza hemm fis-Segretarjat Privat tiegħu u x’inhi l-għamla tagħhom? Jista' jgħid jekk inħarġitx tender għall-karozzi tas-Segretarjat Privat tiegħu? Jekk ma nħarġet l-ebda tender, jista' jgħid:
a) mingħand min inxtraw u kemm ġew jiswew il-karozzi tas-Segretarjat Privat tiegħu; jew
b) kemm qed jinkrew kuljum il-karozzi tas-Segretarjat Privat tiegħu u mingħand min?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ż-żewġ karozzi li, skont il-Manwal, jintużaw mis-segretarjat privat huma kif jidhru fit-tabella t’hawn taħt.
Għamla
Mixtrija/Mikrija
Data
Tender/Direct Order
Ditta
Prezz
(VAT eskluża)
Fiat Panda hatchback 1.2 Petrol
Mikrija
17/03/2020
Direct Order
United Garage Ltd (Hertz)
€8.55
Fiat Panda hatchback 1.2 Petrol
Mikrija
17/03/2020
Direct Order
United Garage Ltd (Hertz)
€8.55
Marsaskala – persuni li qed jistennew akkomodazzjoni soċjali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni minn Marsaskala li għadhom qed jistennew akkomodazzjoni soċjali? Kemm ilhom li applikaw għal dan is-servizz?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar għandha 46 applikazzjoni minn persuni li jgħixu Marsaskala fuq il-lista ta’ stennija, li applikaw bejn l-2007 u l-2022.
Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli — paġni, profili u gruppi fuq Facebook
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-paġni, profili u gruppi fuq Facebook amministrati mill-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu jew minn persuni oħrajn jew kumpaniji f'isem il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u f'isem l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? Jista' jagħti l-isem tal-imsemmija paġni, profili u gruppi u jindika għal kull wieħed minnhom il-Uniform Resource Locator (URL) tagħhom?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interperllant li l-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli għandu l-paġna Akkomodazzjoni filwaqt li l-Awtorità tad-Djar għandha l-paġna Rent Registration Leases Unit. L-informazzjoni dwar il-paġni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fid-dawl tal-korrispondenza datata 22 ta’ Ġunju 2022 (li qed tingħata b’mod separat) annessa ma’ din il-mistoqsija li tindika li l-parapet walls fil-blokki tal-binjiet tal-Gvern f’Ta Giorni jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Awtorità tad-Djar, jista’ l-Ministru, b’referenza għall-mistoqisja parlamentari 5426 u b’referenza għal dak li qal fit-tweġiba għal mistoqsija supplimentari tiegħi fis-seduta 78 tat-18 ta’ Jannar 2023 għall-mistoqsija parlamentari 4213, jikkonferma li l-parapet walls u l-blokki tal-bini inkwistjoni fil-fatt ġew trasferiti lill-Awtorità tad-Djar?
Response (GALDES, RODERICK)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema blokok f’Ta’ Ġiorni qiegħed jirreferi sabiex l-informazzjoni tkun tista’ tingħata.