Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1085 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti li sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, kull entità taħtu għandha, il-ħlas u perkaċċi kollha li għandhom, rispettivament, u x'tip ta' konsulenza jipprovdu, rispettivament?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba. Intant, ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jaghmel referenza ghall-mistoqsijiet parlamentari 4626 u 4627 illi jittrattaw entitajiet ohrajn illi jaqghu taht is-Segretarji Parlamentari rispettivi.

Court experts — sejħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn f’Jannar li għadda, ħarġet sejħa għall-court experts u sal-lum dawk li applikaw, għadhom ma semgħu xejn?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li dawk il-persuni li wieġbu għas-sejħa ġie innutat l-interess tagħhom, intalbu mid-Dipartiment tal-Ġustizzja sabiex jipprovdu l-formola tad-due diligence u l-warrant jew kwalifika relattiva għall-qasam li fih wrew interess li jservu bħala esperti u dokumentazzjoni oħra u ġew inklużi fir-reġistru tal-esperti miżmum mill-istess Dipartiment li hu disponibbli għall-membri tal-Ġudikatura. Dawn il-persuni jiġu notifikati biss jekk u meta Ġudikant jaħtarhom bħala esperti f'xi kawża quddiemu; ovvjament mhux kull persuna li wriet interess li sservi ta' esperti fil-Qrati neċessarjament tinħatar espert għaliex kif jaf tajjeb l-Onor. Interpellant, hi fid-diskrezzjoni tal-Ġudikant li jiddeċiedi skont il-każ quddiemu jekk jaħtarx espert jew le, u f'każ li jkun hemm il-ħtieġa li jinħatar espert, min jinħatar.

Talbiet pendenti għall-estradizzjoni minn Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn talbiet pendenti għall-estradizzjoni minn Malta? Mil-liema pajjiżi ġejjin? F'kull każ kemm ilha li saret it-talba? F'kull każ x'inhi n-natura tal-akkuża jew akkużi kontra l-persuni li għalihom qed tintalab l-estradizzjoni? F'kull każ x'inhi n-nazzjonalità tal-persuna li tagħha qed tintalab l-estradizzjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li sat-12 ta Novembru 2018 fil-Qorti ta’Malta u Għawdex ma kienx hemmx talbiet pendenti għall-estradizzjoni minn Malta.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — Nefqa fuq Promotions fuq Mezzi tal-Media Soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 2158 u 248 u jgħid kemm nefaq flus l-Uffiċċju tiegħu, inkluż kull entità taħtu, għall-promotions fuq Twitter, Faceboook u social media oħra, minn Marzu 2013 sal-lum, xahar b'xahar?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba. *L-ammonti ma jinkludux il-kampanji pubblicitarji fuq social media marbuta mal-promozzjoni tal-kanzunetti Maltin rispettivi li jidhlu fil-Eurovision Song Contest.

Qorti Kriminali — Rikorsi għat-tħassir jew bdil ta' deċiżjoni tal-Qorti tal-Maġistrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena mill- 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il rikors ġie ppreżentat fil-Qorti Kriminali għat-tħassir jew bdil ta' deċiżjoni tal-Qorti tal-Maġistrati biex il-Pulizija tiġi ordnata tmexxi l-proċedura meħtieġa skont l-artikolu 541 tal-Kodiċi Kriminali (Kap. 9 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn ir-rikorsi ġew ippreżentati mill-Avukat Ġenerali u kemm mill-persuna li tkun ippreżentat ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Maġistrati? Jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn ir-rikorsi ġew milqugħa u kemm ġew miċħuda mill-Qorti Kriminali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rikorsi li ġew preżentati mit-2013 sal-llum fil-Qorti Kriminal skont l-artikolu 541 tal-Kodiċi Kriminali (Kap. 9 tal-Liġijiet ta’ Malta) huwa kif muri fit-tabella ta' hawn taħt: Prezentata Offiza Deċizjoni mill-Qorti Kriminali 2013 Self ta' flus bla liċenzja Appella l-AG u l-Qorti ċaħdet l-appell 2013 Spergur Appella l-parti u l-Qorti ċaħdet l-appell 2014 Frodi Appella l-AG u l-Qorti ċaħdet l-appell 2015 Xhieda falza Appella l-parti u l-Qorti ċaħdet l-appell 2017 Dikjarazzjonijiet foloz Appella l-parti u l-Qorti ċaħdet l-appell 2018 Misapproprjazzjoni Appella l-parti u l-appell ġie dikjarat dezert

Rabat – Domus Romana – ħlas minn viżitaturi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kienu l-persuni li ħallsu biex daħlu jaraw id-Domus Romana ġewwa r-Rabat Malta tul is-snin 2016, 2017 u sa issa fis-sena 2018 u jista’ jindika jekk kemm-il darba kienx hemm viżti ta’ tfal tal-iskola u jekk iva kemm marru u jekk ġewx minn skejjel primarji jew sekondarji? Jista’ jindika wkoll jekk ittieħdux inizjattivi ġodda?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li bejn l-2016, l-2017, u Jannar sa Settembru tal-2018 in-numru ta’ persuni li ħallsu biex żaru d-Domus Romana kien ta' 29,039, 31,187, 26,147. rispettivament. Intant infurmat li bejn l-2016 u l-2017 ma kinitx tinżamm statistika preċiża ta’ kemm żaru studenti dan is-sit. Madanakollu din is-sistema ġiet modifikata matul din is-sena u b’ hekk jidher li minn Jannar sa Settembru 2018 żaru dan is-sit 435 student minn skejjel primarji/sekondarji u 11-il student post- sekondarji. Ninforma lill-Onor. Interpellant ukoll li 130 student attendew għat-thematic events ġewwa d-Domus Romana Infurmat ukoll li mill-2016 il-quddiem ġie maħdum programm tematiku li huwa adattat għas-seba’ sena u huwa marbut mal-curriculum tal-istorja ta’ dik is-sena. Dan jinkludi treasure hunt u hands on activity li għandha x’ taqsam mal-mosaic u re-enactment tal-każ Caius Verres.

Administrative Review Tribunal – deċiżjonijiet meħuda mir-regolaturi fis-settur tal-enerġija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet il-medja taż-żmien biex jiġu deċiżi każijiet mill-Administrative Review Tribunal fl-oqsma ta’ appelli mid-deċiżjonijiet meħuda mir-regolaturi fis-settur tal-enerġija u ilma (Regulator for Energy and Water Services) u fis-settur tal-Komunikazzjoni (Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni) għas-snin 2015, 2016 u 2017?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella A li tindika l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant ghas-snin 2015, 2016 u 2017 kif ukoll Tabella B li tindika informazzjoni identika ghas-snin 2010, 2011 u 2012. L-Onor. Interpellant ghalhekk jista’ jinnota li l-efficjenza fir-rigward tal-Administrative Review Tribunal rregistrat titjieb sinifikanti, kemm fejn tidhol l-clearance rate kif ukoll d-disposition time, meta kkumparata ma’ statistika identika migbura fis-snin ta’ qabel l-2013 u cioe zmien amministrazzjoni Nazzjonalista. Intant, ninforma lill-Onor. Interpellant ukoll li l-informazzjoni fir-rigward tal-efficjenza tal-Administrative Review Tribunal, b’mod generali, turi li mill-2014, l-clearance rate tal-istess Tribunal kienet dejjem teccedi l-100% u ghalhekk tindika b'mod car kristall l-impenn ta’ da nil-Gvern illi jtejjeb l-efficjenza billi jigu rizolti aktar kazijiet. Dan l-impenn jidher ukoll fl-2017 bi clearance rate globali ta' 147%.

Qorti tal-Appell — appelli minn deċiżjonijiet tal-Administrative Review Tribunal?

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għas-snin 2015, 2016 u 2017 kemm kienet il-medja taż-żmien biex jiġu deċiżi każijiet mill-Qorti ta’ Appell (inferjuri) għal dawk li huma appelli minn deċiżjonijiet tal-Administrative Review Tribunal?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella A li tindika l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għas-snin 2015, 2016 u 2017 kif ukoll Tabella B li tindika informazzjoni identika ghas-snin 2010, 2011 u 2012. L-Onor. Interpellant ghalhekk jista’ jinnota li l-efficjenza fir-rigward tal-Qorti ta’ Appell (inferjuri) għal dawk li huma appelli minn deċiżjonijiet tal-Administrative Review Tribunal rregistrat titjieb sinifikanti, kemm fejn tidhol l-clearance rate kif ukoll d-disposition time, meta kkumparata ma’ statistika identika migbura fis-snin ta’ qabel l-2013 u cioe zmien amministrazzjoni Nazzjonalista.

Rikorsi fil-Qorti tal-Maġistrati wara li l-pulizija ma aġixxietx wara denunzja, rapport jew kwerela ta’ delitt

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena mill- 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il rikors ġie ppreżentat fil-Qorti tal-Maġistrati wara li l-Pulizija ma aġixxietx wara denunzja, rapport jew kwerela ta’ delitt skont l-artikolu 541 tal-Kodiċi Kriminali (Kap. 9 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' l-Ministru jgħid dwar liema delitti kienu l-imsemmija denunzji, rapporti u kwereli? Jista' l-Ministru jgħid f'liema minn dawn il-każijiet il-Qorti tal-Maġistrati sabet li prima facie hemm lok għad-denunzja, rapport jew kwerela u għalhekk ordnat lill-Pulizija biex tmexxi l-proċedura meħtieġa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li mis-sena 2013 sal-llum quddiem il-Qorti tal-Maġistrati Malta u Għawdex ir-rikorsi a termini tal-Artikolu 541 tal-Kodici Kriminal (Kap. 9 tal-Liġijiet ta’ Malta) huwa kif muri fiz-żewġ tabelli li qed npoggi fuq il-mejda tal-Kamra mmarkati bħal A u B.

Każijiet ta’ meta l-Pulizija ma tkunx trid tmexxi fuq rapport, denunzja jew kwerela

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena mill- 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il darba l-Avukat Ġenerali, fil-proċedura meta l-Pulizija Eżekuttiva ma tkunx trid tmexxi fuq ir-rapport, id-denunzja jew il-kwerela, b'nota iddikjara li kien intlaħaq ftehim mal-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiż ieħor li l-qrati ta’ dak il-pajjiż għandhom jeżerċitaw ġurisdizzjoni dwar id-delitt skont dak li jipprovdi t-tieni proviso tal-artikolu 541 (1) tal-Kodiċi Kriminali (Kap. 9 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' l-Ministru jgħid dwar liema delitti kienu l-imsemmija denunzji, rapporti u kwereli?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab informat li l-fakoltà, li jipprovdi għaliha t-tieni proviso tal-artikolu 541(1) tal-Kodiċi Kriminali, qatt għadha ma nqalgħet l-okkażjoni li jsir rikors għaliha.

Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni — każijiet

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm każijiet pendenti quddiem il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni u kemm daħlu każijiet fis-snin 2016, 2017 u sa issa fl-2018?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 10 każijiet pendenti quddiem il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni. Intant hawn taħt hawn tabella li turi kemm daħlu każijiet għand il-Kummissjoni mill-2016 sal-2018. SenaNumru ta’ każijiet 20166 20176 20181

Belt Valletta, Strada Zekka – Esproprji – passi kriminali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi kriminali ġew ordnati mill-Avukat Ġenerali wara s-sentenza tal-Qorti mill-Imħallef Felice li ftit jiem ilu ddikjarat null u illegali l-esproprji fl-iskandlu ta’ Strada Zekka?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ għadu sub judice.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali – Ħatra ta’ Bordijiet ta’ Inkjesta

Question

Jista' l-Ministru jgħid, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il Bord ta' Inkjesta ġie maħtur minnu bħala Ministru skont dak li jipprovdi l-Att dwar l-Inkjesti (Kap. 273 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-imsemmija Bordijiet ta' Inkjesta li ġew maħtura minnu u għal kull wieħed minnhom jindika s-suġġett u l-għan tal-inkjesta, it-termini tal-ħatra tal-inkjesta, l-isem, il-kunjom u l-kariga u/jew professjoni tal-persuni li ġew maħtura bħala Chairman u/jew Membri tal-Bord, id-data ta' meta ġie/ġew maħtur/a ċ-Chairman u l-Membri tal-Bord u d-data ta' meta ġie ppreżentat ir-rapport finali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fil-perjodu msemmi ġie maħtur bord ta’ Inkjesta wieħed biss. L-għan ta’dan il-bord kien li jinvestiga allegazzjonijiet magħmula min individwu kontra Membru tal-Bord ta’ Heritage Malta. Il-bord kiien magħmul min Direttur bħala Chairperson, u Assistent Direttur u Avukat bħala membri. Ir-Rapport finali kien ġie ppreżentat fid-9 ta’ Frar, 2015.

LESA – gwardjani impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk dawk il-gwardjani li issa ġew impjegati mal-LESA, jgħoddilhomx bħala servizz iż-żmien li damu jaħdmu mal-privat? Jekk fin-negattiv, jista’ jikkunsidra li l-perjodu li dawn il-Gwardjani damu jaħdmu mal-privat jingħaddilhom bħala servizz daqslikieku kienu jaħdmu mal-Gvern?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Uffiċċjali tal-Kommunita ġew impjeġati mal-Aġenzija LESA bħala transfer of business b’effett mill-1 ta’ Mejju 2018. Bit-transfer of business inżamm l-istess salarju kif ukoll l-istess grad kif kien ingaġġat mal-Privat. L-Uffiċjal tal-Kommunità m’għandux servizz peress illi dan ma jaqax taħt korp iddixxiplinat. Tajjeb li wieħed jippreċiża li l-Community Officers l-impjieg tagħhom huwa mal-LESA bħala aġenzija u meqjusa bħala closed department.

Belt Valletta — Mużew Nazzjonali tal-Arti – ħlas minn viżitaturi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm viżitaturi li ħallsu fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti l-Belt fis-sena 2017 u sa issa fl-2018?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li bejn l-2017 u 2018 il-Mużew Nazzjonali tal-Arti kien magħluq peress li kienu qed ssiru il-preparamenti biex jinfetah il-Mużew il-ġdid tal-Arti, il-MUZA, li ġie inawgurat nhar is-Sibt 10 ta’ Novembru 2018.

Belt Valletta – Mużew tal-Arkeoloġija – ħlas minn viżitaturi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm viżitaturi li ħallsu fil-Mużew tal-Arkeoloġija tal-Arti l-Belt fis-sena 2017 u sa issa fl-2018?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li bejn l- 2017 u Jannar sa Settembru 2018 fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija l-ammont ta’ viżitaturi bi ħlas kienu 73,325 u 57,688 rispettivament.

Laqgħat barra minn pajjiżna

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra għal-liema laqgħat barra minn pajjiżna u fl-Unjoni Ewropea huwa previst li ser jattendi fl-ewwel sitt xhur li tibda l-presidenza l-ġdida s-sena li ġejja?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-laqgħat li ser nattendi huma dawk il-laqgħat li normalment jirrekjedu l-presenza tal-Ministru. Skont il-programm tal-presidenza l-ġdida fis-sena li ġejja, hemm previsti laqgħat informali u formali tal-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja u Affarijiet Interni (JHA) filwaqt li hemm ukoll il-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport (EYCS). Dwar l-EYCS l-attendenza tiegħi għal din il-laqgħa tiddependi mill-aġenda li ser tkun diskussa. Mhux eskluz li jista’ jkun hemm laqgħat oħra fejn il-presenza tiegħi tkun mitluba iżda li s’issa għadhom ma jidhrux fil-kalendarju propost mill-presidenza l-ġdida.

Federation of Estate Agents kontra d-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni)

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fid-dawl tal-proposti għall-emendi fl-Att dwar il-Kompetizzjoni u diversi liġijiet oħra, skont kif pubblikati f’Awwissu 2018, jekk ġiex ikkonsidrat ukoll l-impatt tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tat-3 ta’ Mejju 2016 fil-każ tal-Federation of Estate Agents kontra d-Direttur Ġeneral (Kompetizzjoni) et fuq il-poteri ta’ awtoritajiet pubbliċi oħra li dawn jimponu multi jew sanzjonijiet oħra, u jekk iva x’passi qed jiġu kkonsidrati f’dan ir-rigward?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed issir diskussjoni ġenerali f'diversi livelli internament fi ħdan il-Gvern.

Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) — funzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jittieħdu xi passi fid-dawl tas-sentenza tal-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fl-ismijiet Falzon Group Holdings Limited et versus Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) et mogħtija fit-8 ta’ Novembru 2018, b’mod partikolari biex fl-intervall sakemm isir il-bdil meħtieġ fil-liġi, id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) ikun f’qagħda li jista’ effettivament jaqdi l-funzjonijiet tiegħu?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat li s-sentenza li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant hija sentenza parzjali. Peress li l-każ jinsab quddiem il-Qrati u għadu sub judice, tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata meta tinqata’ s-sentenza definittiva mill-Qrati.

PBS – payroll – individwu

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament hux qiegħed fuq il-payroll tal-PBS? Jekk fl-affermattiv, x’inhi l-pożizzjoni li għandu u kemm hu s-salarju tiegħu?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li tajt fil-Mistoqsijiet Parlamentari 6222 u 6454.