B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21534, tal-leġiżlatura preċedenti, li ngħatat fit-22 ta' Ġunju 2021, fejn ġie mwieġeb li "r-restawr tal-Fanal tal-Ġordan tlesta f’April u l-ħaddiema tal-Ministeru għal Għawdex qed jagħlqu xogħlijiet minuri wara li ħarġu l-aħħar kuntratturi", jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra u jgħid jekk ix-xogħol ta’ restawr tal-Fanal tal-Ġordan tlestiex kollu u jekk iva, f’liema xahar u sena tlesta? Jista’ jgħid min hu responsabbli u min se jkun responsabbli mill-immaniġġar tal-Fanal tal-Ġordan?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol fuq ir-restawr tal-Fanal tal-Ġurdan tlesta mill-ħaddiema tal-Ministeru għal Għawdex. Il-Ministeru ghal Ghawdex u Transport Malta qed jikkonkludu abbozz ta’ ftehim bil-kundizzjonijiet/responsabbiltajiet rispettivi għall-immaniġġjar tal-Fanal u li jikkunsidra wkoll il-ħidma starteġika ta’ entitajiet oħra (AFM u l-Universita’) mill-Fanal. Dan biex il-binja storika tkun imħarsa u miżmuma tajjeb, kif jixraq lill-post storiku.
Rabat, Għawdex – Triq San Ġużepp Labrè – barriers u tape tal-pulizija mas-siġar
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22600, tal-leġiżlatura preċedenti, li ngħatat fid-9 ta' Novembru, 2021 dwar ir-raġunijiet għala fix-xhur li għaddew kien hemm il-barriers tal-pulizija u għad hemm it-tape tal-pulizija mdawwar mas-siġar u anke tpoġġew il-blokki tal-konkos f'parti mill-parking biswit Triq San Ġużepp Labrè fir-Rabat Għawdex minħabba raġunijiet ta’ sigurtà pubblika minħabba struttura perikoluża, fejn kien ġie mwieġeb li: “ ninformah li d-dipartimenti konċernati qed jaraw li din l-istruttura tissewwa mill-aktar fis possibbli”, jista’ l-Ministru jgħid x' inhuma r-raġunijiet għala għaddew iktar minn 11-il xahar u għadu ma sar xejn? Jista' jgħid jekk intbagħatx perit biex jispezzjona l-periklu li hemm? Jekk iva, jista' jqiegħed kopja tar-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba ser tingħata f’xi seduta oħra.
Ġonna f’Għawdex u Kemmuna li l-amministrazzjoni tagħhom taqa’ taħt il-Ministeru għal Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-elenku tal-ġonna kollha li jinsabu f’idejn l-amministrazzjoni u kura tal-Ministeru u dawk fuq oħra separata li huma f’idejn il-Kunsilli Lokali f’Għawdex u Kemmuna?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ġonna li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex huma dawk elenkati hawn taħt:
· Ġnien Villa Rundle (Rabat)
· Ġnien Ċensu Sciberras (Kerċem)
· Il-Bosk ta` taħt Chambray (Għajnsielem)
· Ulysses Grove (Xewkija)
· Mixtla tad-Dawwara
· Buskett tax-Xewkija
· Ta` Isopu
· Three Hills Garden u l-madwar (Marsalforn)
Għawdex – Kerċem — għadira ta’ San Raflu - xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru barra mill-għadira ta’ San Raflu fil-limiti ta’ Kerċem Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninsab infurmat li dawn ix-xogħlijiet qegħdin isiru mill-Kunsill Lokali ta’ Kerċem u għalhekk, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għal aktar dettalji għandu jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stat jinsabu llum dawk li huma indikati bħala Kerċem Tombs (Katakombi ta’ Għar Għerduf) u jekk hux qed jiġu protetti u kkurati?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan l-aħħar sar studju preliminari tal-istat ġeoloġiku li jinsab fih l-Katakombi ta’ Għar Gerduf. Irriżulta li l-għar jeħtieġ li jsirulu interventi fih u madwaru minn barra sabiex ma jkomplix jiċċaqlaq. Ladarba dan kollu jseħħ u jkunu ttieħdu l-prekawzjonijiet kollha, ikunu jistgħu jibdew l-istudji arkeoloġiċi neċessarji fih.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inkrew binjiet ġodda mingħand il-privat mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet li jaqgħu taħtu bejn l-1 ta' Jannar 2021 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid f'kull każ għal liema skop inkrew dawn il-binjiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid mill-1 ta' Jannar 2020 sal-lum kemm-il triq saret mill-Ministeru tiegħu lokalità b'lokalità? Jista' jgħid f'kull każ jekk ix-xogħol hux lest jew jekk għadu mhux lest, x'fadal isir? Jista' jgħid f'kull każ kemm kienet l-ispiża totali jew l-ispiża s’issa fuq l-istess triq bi triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Għawdex — Sannat– Triq il-Paranji – area ta’ Rinota - toroq
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb biex it-toroq fl-area ta' Rinota ġewwa l-Munxar u Triq il-Paranji fis-Sannat Għawdex isiru matul is-sena 2023, peress li f'dawn l-aħħar disa' snin sar ħafna bini fihom u dawn it-toroq għadhom qatt ma saru u jaqgħu taħt ir-responsabilità diretta tal-Ministeru għal Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onerevoli Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex qed ikollu numru konsiderevoli ta’ talbiet ta’ esproprjazzjoni ta’ diversi toroq li huma schemed. Infurmat ukoll b’dawn it-toroq imsemmija u ser ikun qed jibda l-proċess ta’ esproprjazzjoni sabiex jinfetħu aktar toroq li huma diġa’ schemed u jagħtu aċċess aħjar lir-residenti.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-irħama kommemorattiva li tindika l-proġett ta' upgrading li kien sar ġo Villa Rundle tħalliet tiddeterjora daqstant? Hemm pjan li titpoġġa fl-istat li kienet qabel?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onerevoli Interpellant li tajt struzzjoni lid-dipartiment ikkonċernat sabiex isir it-tindif/restawr li hemm bżonn.
Għawdex – proġetti ta’ parks, spazji miftuħa u afforestazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jelenka lista ta' proġetti għal parks, spazji miftuħa, afforestazzjoni u oħrajn simili li diġà bdew u mistennija li jkunu lesti sal-aħħar tal-2022 u jinkludi n-natura u deskrizzjoni qasira tal-proġett, meta beda, kemm kien il-baġit oriġinali, u kemm mistennija tkun in-nefqa totali wara li jkun lest il-proġett?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din is-sena tlestiet il-pjazza tal-Munxar u dan l-ispazju miftuħ u rinnovat qiegħed jitgawda ukoll mill-pubbliku. Dan flimkien mal-proġetti l-oħra kollha li tejbu u ħolqu postijiet ta’ rikreazzjoni għall-familji bħal ma huma l-proġetti ta’ Marsalforn u dak ta’ pjazza San Franġisk.
Pero’ ta’ min isemmi li l-gvern għandu wegħda permess tal-manifest li ġie elett bih li ser isir spazju miftuħ biswit il-Villa Rundle u parkeġġ jimxi ghal taħt l-art. Bħalissa għaddejin id-diskussjonijiet interni sabiex dan il-progett isir f’din il-legislatura.
Wara li aktar kmieni din is-sena ġie approvat il-permess għall-iżvilupp tal-ġnien ta’ Ulysses Grove f’park għal familja, bdew ix-xogħlijiet fuq il-ħruġ għas-sejħiet għall-offerti sabiex isiru ix-xogħlijiet pjanati. Dan ser ikun park bi spazji miftuħa sabiex jitgawda mill-familji Għawdxin u Maltin u li qiegħed fil-periferija tal-belt Victoria.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3301, jista' l-Ministru jgħid għaliex il-projected capacity qed tinħadem għall-Ħdud waranofsinhar biss? Huwa minnu li qed jiddaħħlu persuni overtime għax ma jkunx sar projected capacity exercise minn qabel? Sar projected capacity exercise għat-tlett ijiem ta' btala għat-tfal bejn il-31 ta' Ottubru u t-2 ta' Novembru, 2022?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onerevoli Interpellat li l-overtime jingħata meta jkun hemm bżonn skond l-esiġenzi tas-servizz.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra u jindika f'liema stadju wasal il-proċess biex jinbena Qorti ġdid f'Għawdex? Jista’ jgħid x'sar f'din l-aħħar sena rigward il-bini ta’ qorti ġdid f’Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li qed jiġi ffinalizzat l-preliminary market consultation flimkien mal-Ministeru tal-Ġustizzja biex ikun ippublikat fil-jiem li ġejjin.
Għawdex – Casa Amalia u Ġesu Nazzarenu – servizzi lil anzjani
Question
Jista' l-Ministru jgħid x’investiment qed jagħmel għall-anzjani f'Għawdex permezz tan-night shelters u day centres ta’ Casa Amalia u Ġesu Nazzarenu? Jista’ jgħid ukoll kemm jiġi jiswa kull anzjan li juża dawn is-servizzi u li issa ilhom numru ta’ snin jaqdu l-esiġenzi tal-anzjani tagħna?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-servizz ta’ Casa Amalia jiswa €55 għal kull anzjan/a għad-Day Centre u €45 għal kull anzjan għan-Night Shelter. Fil-kaz tan-Night Shelter ‘Ġesu Nazzarenu’ il-Ministeru joffri s-servizz tat-tindif, tal-immanigjar u tal-carers.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2811 kollha u jgħid min hu inkarigat mit-taqsima Animal Welfare Gozo u xi grad għandha din il-persuna u ma’ liema Ministeru hija assenjata l-istess persuna? Jista' jgħid kif sar il-proċess tal-għażla ta' din il-persuna? Jista' jgħid meta saret is-sejħa pubblika għal din il-kariga? Jista' jgħid kemm mill-ħaddiema li jaħdmu f' din it-taqsima huma fil-grad ta' Animal Welfare Officer?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Niforma lill-Onor. Interpellant li t-taqsima taqa’ taħt ir-responsabbilità diretta tad-Direttur EkoGħawdex fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. Ninfurmah ukoll li ħarġet sejħa biex jimtela post vakanti ta’ Manager 1 fi ħdan l-istess sezzjoni, bil-proċess mistenni jiġi konkluż dalwaqt.
F’din it-taqsima hemm jaħdmu 17-il ħaddiem li joffru fost oħrajn servizz t’ambulanza 24 siegħa, sebat ijiem fil-ġimgħa.
Ix-Xagħra – Triq it-Tafla – retaining wall tas-sejjieħ
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta saret l-aħħar spezzjoni fuq ir-retaining walls tal-kantun u tas-sejjieħ li hemm fi Triq it-Tafla, fix-Xagħra, peress li parti kbira mir-retaining wall tas-sejjieħ ċediet madwar sena ilu u baqa’ ma sar xejn, u partijiet kbar oħra tar-retaining wall tas-sejjieħ u tal-kantun jidher li jistgħu jċedu minn ħin għal ieħor? Jista' jgħid ukoll jekk min għamel din l-ispezzjoni, ikkonfermax li m’hemm l-ebda periklu? Jekk iva, jista' jqiegħed kopja tar-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Perit tal-Ministeru għamel spezzjoni tar-retaining walls u fil-ġimgħat li ġejjin se tinħareġ sejħa għall-offerti biex isiru x-xogħlijiet neċessarji.
Għawdex – Il-Qala – Triq Papa Piju XII — xogħlijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta ser jitkompla x-xogħol fuq Triq Papa Piju XII fil-Qala, Għawdex u meta hu mistenni li x-xogħol f'din it-triq ikun lest għalkollox?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq Triq Papa Piju XII fil-Qala tlesta. Fil-ġimgħat li ġejjin mistenni li jingħata l-wearing course.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3301, jista’ l-Ministru jgħid meta qed jiġi ppjanat full-crew apparti fil-ġurnata tal-Ħadd wara nofsinhar biex ilaħħqu mal-Maltin li jkunu qattgħu l-weekend f’Għawdex? Il-projected capacity min jippjanaha u jekk qed tiġi ppjanata, għaliex operaturi turistiċi qed jilmentaw li qed jibqgħu l-art?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjanijiet isiru mill-management tal-Gozo Channel.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-Għar ta' Calypso ġewwa x-Xagħra Għawdex, liema għar issa ilu magħluq għall-pubbliku għal diversi snin peress li kienet ċediet parti minnu? In vista tal-fatt li ż-żewġ Ministri ta' qablu ddikjaraw kemm-il darba li x-xogħol kien wasal biex jibda u li daqt jerġa’ jinfetaħ, jista’ jgħid jekk inkisbux u ġewx approvati l-permessi meħtieġa mingħand l-Awtorità tal-Ippjanar u jekk iva fiex wasal il-proċess biex ikunu jistgħu joħorġu t-tenders u jibdew ix-xogħlijiet ferm bżonjużi?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għaddej bil-konsultazzjonijiet mal-entitajiet meħtieġa biex eventwalment ikunu jistgħu jinkisbu l-permessi.
Ix-Xlendi Għawdex – Proġett ta’ Riġenerazzjoni tal-Parkeġġ
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar il-proġett tar-Riġenerazzjoni tal-parkeġġ tax-Xlendi li kien tħabbar l-ewwel darba f'Jannar 2019 u baqa’ jissemma f'kull baġit iżda sal-lum baqa’ ma sar xejn minnu? Jista’ jgħid jekk ħarġux it-tenders għal dan ix-xogħol ta' riġenerazzjoni u jekk ġewx awarded? Jista’ jgħid kemm hi stmata li se tkun l-ispiża fuq dan il-proġett u meta hu ppjanat li jinbeda u jitlesta x-xogħol?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejja konsultazzjoni mal-korporazzjoni tal-ilma biex niżguraw li din l-infrastruttura tilqa’ għaż-żieda fin-numru ta’ residenti ġewwa x-Xlendi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm impjega Advisors fil-Ministeru tiegħu u kemm hu t-total tan-nefqa?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi ħdan l-iStrategic & Priorities Unit fil-Ministeru għal Għawdex attwalment hemm ħames Advisors (wieħed fuq bażi full-time u l-oħrajn fuq bażi part-time). It-total tan-nefqa kull xahar (maqsum fuq paga ta’ kull erba' ġimgħat) hija dik ta’ €7,975.29.