Legislature:
Category:
Reset
Active:

Nirtrati fl-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi konkreti u effettivi qed jieħu l-Gvern biex irażżan iż-żieda fin-nitrati fl-ilma kif ukoll biex jindirizza l-problema li dejjem qed tikber - iżjed u iżjed bħalissa minħabba l-prezz ta' l-ilma - tal-mod li bih qed jittella' l-ilma bla kontroll b'mod illegali madwar Malta u Għawdex? Il-Gvern jaf kemm jeżistu boreholes u spieri f'pajjiżna u x'beħsiebu jagħmel biex jindirizza din il-kwestjoni mill-aspett idroloġiku?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-KSI ilha tieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa biex ittaffi l-effetti ta’ nitrati żejda fl-ilma li jittella’ mill-art. Fil-fatt, l-ilma li jittella’ mill-pjan jiġi ppumpjat dirett fil-ġibjuni fejn dan jitħallat ma’ l-ilma prodott mill-Impjanti tar-RO. Dan ta’ l-aħħar ma jkunx fih nitrati u b’hekk, il-KSI tista’ tassigura li n-nitrati fit-taħlita qatt ma jaqbżu l-livelli permessi mill-liġi. Dan il-proċess hu mgħasses kontinwament kemm mill-laboratorju tal-KSI kif ukoll mid-Dipartiment tas-Saħħa u l-MRA. Għall-kumplament tal-mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Buġibba — Ilma tax-xita

Question

Jista' l-Ministru permezz tal-Awtorità dwar it-Trasport jieħu passi neċessarji biex fit-triq li hemm mit-traffic lights ta' Buġibba sa Kennedy Grove, jinfetħu toqob li minnhom jgħaddi l-ilma tax-xita?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li dak li qed jissuġġerixxi l-Onor. Interpellant jeżisti diġa.

Maltapost — Nuqqas ta' tqassim

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'wassal lill-Malta Communications Authority biex tagħti l-awtorizazzjoni tagħha, lill-Maltapost biex din ma tqassamx oġġetti postali fis-6 ta' Settembru 2008?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Awtorita tal-Komunikazjoni tat l-awtorizzazjoni tagħha skond id-disposizjonijiet stabbiliti mid-Direttiva numru 1 tal-2006 intitolata "Procedure relating to the change of certain services provided by the Universal Services Provider (Maltapost) under the Postal Services Act." Skond din id-Direttiva, kull rikjesta għal bdil fil-ġranet jew ħinijiet tal-provvista tas-servizz postali universali mill-Maltapost irid ikun notifikat bil-miktub lill-MCA mill-anqas 20 ġurnata qabel. F'Novembru tal-2007 il-Maltapost għamlet talba fir-riġward ta' 7 t'ijiem fl-2008. L-MCA irrifjutat din it-talba u l-Maltapost naqset il-ġranet għal 4, jiġifieri l-istess ammont ta ġranet li kienu ġew approvati għas-sena 2007. L-erba ġranet għall-2008 huma t-2 ta' Jannar, s-16 t'Awwissu, s-6 ta' Settembru, u s-26 ta' Diċembru. L-approvazjoni tal-Awtorita kienet ġiet marbuta ma erba kundizjonijiet li (1) il-Maltapost tilħaq il- targets tas-servizz għal-kwalita iffissati mill-MCA għat-tqassim tal-posta (jiġifieri "next day delivery" ), (2) li ebda konċessjoni ma tiġi mogħtija għal-kalkolu tas-servizz tal-kwalita minħabba l-waqfien miss-servizz, (3) li ma jkunx hemm backlog fi żmien il-Milied u (4) li l-Awtorita żammet id-dritt li tirrevoka l-approvazjoni tagħha meta jkun meħtieġ.

Servizzi ġodda tal-ilma — Applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm servizzi ġodda tal-ilma li ntalbu u għadhom ma nqdewx? Kemm hu l-perjodu ta' stennija bejn applikazzjoni għal dan is-servizz u l-ġurnata li jingħata s-servizz?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-KSI għandha madwar 450 applikazzjoni għal servizz ġdid pendenti. Normalment il-KSI tieħu mhux aktar min erba’ gimgħat mid-data tal-applikazzjoni biex tipprovdi s-servizz. Dan is-sajf iżda, dan il-perjodu twal xi ftit aktar minħabba l-fatt li kien hemm aktar ħsarat mis-soltu u l-KSI kellha tikkonċentra r-riżorsi tagħħa fuq dawn il-ħsarat. Is-sitwazzjoni mistennija tiġi lura għan-normal f’ qasir żmien.

għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropeja — Immigranti illegali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm irċivejna għajnuna finanzjarji mill-Unjoni Ewropeja sabiex nżommu u nsostnu l-immigranti illegali f'pajjiżna f'dawn l-aħħar erba' snin? Kif intefqu dawn il-fondi full sena f'dawn l-aħħar erba' snin? Irċivejna xi fodni t'għajnuna oħra f'dan ir-rigward?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Servizzi tad-drenaġġ — Applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm servizzi tad-drenaġġ b'lura? Kemm hu l-perjodu ta' stennija bejn l-applikazzjoni għal dan is-servizz u l-ġurnata li jingħata s-servizz?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għandha numru ta’ talbiet għal estensjoni ta’ sistema tad-drenaġġ. Wara li l-Korporazzjoni tlesti dawn l-estensjonijiet, il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu l-arranġamenti biex iqabbdu s-sistema tad-dar mas-sistema pubblika tad-drenaġġ. Il-Korporazzjoni għandha 25 talba għal estensjoni tad-drenaġġ. Il-Korporazzjoni tipprijoritizza dawn ix-xogħlijiet skond kemm taqdi konsumaturi bir-riżorsi finanzjarji allokati għal dawn ix-xogħlijiet. Il-Korporazzjoni toffri servizz b’xejn ta’ tbattil ta’ fosos ta’ residenzi domestici fejn ma hemmx is-sistema pubblika tad-drenaġġ.

Floriana — City Cabs - Ċentru tas-Saħħa

Question

Jista' l-Ministru jara li s-servizz tas-City Cab jasal saċ-Ċentru tas-Saħħa l-Floriana?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-kuntratt eżistenti tal-electric minicabs ma jippermettix li l-minicabs jaslu saċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Floriana. Dan l-operat qiegħed jiġi diskuss fl-ambitu tar-riforma tat-trasport pubbliku.

Għawdex — Twelid, Mewt u Żwieġ

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm kienu rreġistrati lokalità lokalità f’Għawdex sena b’sena mill-2005 ‘l hawn twelidijiet, imwiet u żweġijiet? Jista’ jgħid kemm kien hemm separazzjonijiet fl-istess perijodu?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Manuel Dimech Bridge — Solidbase Laboratory Ltd

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1412 u jgħid x'kienet il-ħtieġa li l-kumpanija Solidbase Laboratory Ltd tqabbdet tagħmel xogħol fuq il-pont Manuel Dimech tul il-proċess li kien qiegħed jinbena mill-ġdid? Biex sar dan ix-xogħol, il-Ministeru ta' dan iż-żmien ħareġ sejħa għall-offerti u jekk fl-affermattiv, min kienu l-kumpanniji li tefgħu l-offerta tagħhom? Jekk fin-negattiv, min kien responsabbli biex ix-xogħol ingħata b'direct order? Kemm kien jammonta x-xogħol li sar mill-kumpannija in kwestjoni? F'dawn l-aħħar erba' snin, kemm-il biċċa xogħol ingħatat din il-kumpannjia mill-ministeru preċedenti u kemm kien jammonta l-ħlas totali?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li l-ADT qabbdet lill-Kumpanija msemmija biex tagħmel xogħol ta' "coring" ta' erba' ċilindri tal-konkos u li tqabbdu għaliex il-kumpanija kienet diġa mobilizzata "on site" minn terzi. L-ispejjes kienu minimi ħafna. F'dawn l-aħħar erba' snin din il-kumpanija ingħatat 7 biċċiet xogħol li kienu jammontaw għal €7,825.58.

Kontroll ta' l-emissjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1864 u jgħid x'miżuri qed tieħu l-Enemalta sabiex tikkontrolla l-varji tipi ta' emissjonijiet mill-power stations tal-Marsa u Delimara? Jista' jikkonferma jekk l-apparat għall-kontroll ta' l-emissjonijiet hux qiegħed jopera kif suppost kemm fl-impjant tal-Marsa u dak ta' Delimara? Meta kien l-aħħar darba li sar il-manteniment ta' dan l-apparat?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Enemalta dejjem tara li tnaqqas l-emissions kemm jista’ jkun permezz ta’ diversi misuri nkluz it-tip ta’ ‘fuel’ li jinxtara u tara li ssir manutenzjoni fuq l-impjant b’mod regolari. L-impjant kollu, kemm dak tal-generation kif ukoll tal-‘emissions control’ qegħdin jaħdmu tajjeb u l-manutenzjoni ssir regolari hekk kif huwa mitlub mil-manifattur tal-impjant.

Malta Drydocks

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1827 u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-accounts tal-Malta Drydocks mill-1967 - 1971 sena b'sena? Jista' l-Gvern jippubblika cabinet minutesand documents ta' aktar minn 30 sena ilu?

Response (GATT, AUSTIN)

Rigward l-ewwel parti tal-Mistoqsija, ninforma lill-Onor. Interpellant, illi mhuwiex possibli li npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Accounts tal-Malta Drydocks (1967-1971). Rigward it-tieni parti, nħoss li din għandha tiġi referuta lill-Ministru konċernat.

Toroq mogħtija t-tarmac

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma t-toroq li sa issa huma mistennija li jiġu mogħtija t-tarmac matul is-sena finanzjarja li qegħdin fiha f'kull wieħed mill-irħula tas-7, 11 u 12-il distrett elettorali ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-Toroq li se jsiru sa l-aħħar ta’ 2008 huma: Is-Seba’ Distrett: · Triq is-Saqwi, l-Imqades u Skorba, Mgarr · Triq l-Imtarfa, Triq il-Palma u Triq G.Galea, Mtarfa · Triq E. Vitale, Rabat · Parti min Triq Wied il-Qlejja, Mtarfa Ħdax-il Distrett: · Parti min Triq il-Htajriet, Mosta It-Tnax-il Distrett: · Jitkompla ix-xogħol f’ Santa Marija Estate, Mellieħa

Abbużi minn Dgħajjes

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1890 u jgħid liema huma dawk il-bajjiet u x-xtut dikjarati għall-għawm biss u f'dan il-każ xi spezzjonijiet isiru minn impjegati ta' l-Awtorita' Marittima biex ikun assigurat li f'tali bajjiet u xtut m'humiex isiru abbużi minn dgħajjes, eċċ.? X'kienu r-riżultati s'issa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ż-żoni riservati esklussivament għall-għawwiema huma skond il-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ir-responsabbilta` għall-infurzar tar-regolamenti taqa` taħt il-kompetenza tal-pulizija u kull informazzjoni mitluba f’dan ir-rigward għandha tiġi ndirizzata lill-Ministru responsabbli.