Legislature:
Category:
Reset
Active:

Rifuzjoni ta' taxxa provizjonali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9771 u jispjega għaliex persuna li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, ma ngħatax rifuzjoni ta' taxxa provizjonali li huwa ħallas u li huwa intitolat li jeħodhom lura? Jaf li d-dipartiment, nonstante li ġie mfakkar kemm-il darba b'ittri, qatt ma ngħata risposta sodisfaċenti? Ma jidhirlux li din hija traskuraġnui u non kuranza da parte tal-Ministeru?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna konċernata għadu ma ngħatax rifużjoni għall ħlas li għamel fuq boll proviżorju u li huwa ntitolat li jeħodhom lura, minħabba l-fatt li sa’ llum l-irċevuta oriġinali li kienet intbgħatitlu ma ġietx ritornata lura lid-Dipartiment, minkejja l-email datata 26 ta’ Ġunju 2008 mibgħuta fl-Uffiċċju ta’ l-Onorevoli Interpellant, kif ukoll ittra datata 19 ta’ Dicembru, 2008 ndirizzata lill-persuna konċernata u riċentement ittra oħra datata 25 ta’ Awwissu, 2009 li kopja tagħha ġiet ukoll mibgħuta fl-Uffiċċju ta’ l-Onorevoli Interpellant . L-Onorevoli Interpellant għandu japprezza li mhux possibli li l-proċess jitkompla qabel ikun żgurat li l-irċevuta oriġinali ġiet ritornata lid-Dipartiment minħabba raġunijiet ta’ kontroll.

AIP Permit

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi d-diffikultà biex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament jinħarġilha l-AIP Permit?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tieni Skeda, Artiklu 2 ta’ l-Att dwar l-Akkwist ta’ Proprjetà Immobbli Minn Persuni Mhux Residenti, Kap. 246, fejn hemm indikat li “L-Ministru jista’ jirrifjuta li joħroġ permess lil persuna mhux ta’ imġieba tajba”. Għaldaqstant id-Dipartiment jirreferi kull applikazzjoni li jirċevi lis-Sezzjoni tal-Immigrazzjoni tal-Pulizija sabiex jikkonferma jekk l-applikant huwiex/hijiex “ta’ imġieba tajba”. Id-Dipartiment ma joħroġ l-ebda permess jekk ma jirċivix din il-konferma. Il-Pulizija ghadha sal-lum ma ħarġitx il- clearance rigward il-persuna kkonċernata.

Armier u Delimara — kmamar illegali

Question

Jista' l-Ministru jispjega x'inhi l-politika tal-Gvern fuq il-kmamar allegatament illegali li nbnew fl-Armier? Jista' jgħid liema minnhom se jitwaqqgħu, liema le u b'liema kriterju? Jista' l-Ministru jispjega x'inhi l-politika tal-Gvern fuq il-kmamar allegatament illegali li nbnew f'Delimara? Jista' jgħid liema minnhom se jitwaqqgħu, liema le u b'liema kriterju? Jekk hemm differenza fiż-żewġ politiċi, jista' jgħid għaliex?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-policy tal-Gvern dwar l-Armier hija spirata mill-provvedimenti tal-Pjan ta' Struttura. Ninsab infurmat li l-Pjan ta' Struttura m'għandu ebda provvediment għall-kmamar li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant ġewwa Delimara.

San Gwann — Bio Technology Park

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-investiment li sar matul l-aħħar sena b'rabta mat-twaqqif tal-Bio Technology Park f'San Gwann? X'inizjattivi ttieħdu sal-lum dwar dan il-proġett?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-10,000 metru kwadru tal-Life Science Centre (ERDF Proj Num. 084) f’San Ġwann bħalissa għaddej minn fażi ta’ ippjanar strateġiku biex jitlesta l-kunċett u dettalji teknologiċi tal-funzjoni għal dan l-iżvilupp. S’issa inqas minn €100,000 intefqu. Fil-ġimgħat li ġejjin se jinħareġ tender għad-disinn u l- Project Management tal- Life Sciences Centre . Sadanattant qed jitħejjew il-permessi neċessarji.

Mellieħa/Xewkija — Micro Enterprises Parks

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-investiment li sar matul l-aħħar sena b'rabta mal-iżvilupp ta' żewġ micro entreprises parks fil-Mellieħa u x-Xewkija? X'inizjattivi ttieħdu sal-lum dwar dawn iż-żewġ proġetti?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-applikazzjonijiet għal dawn l-iżviluppi qed ikunu pproċessati mill-MEPA.

Ministeru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment — taxxi, tariffi u miżati

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu) minnu, mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu bejn Jannar u Settembru 2009? Jista' jindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?

Response (FENECH, TONIO)

Kif ċertament jaf l-Onor. Interpellant, kull aġġustament, fi kwalunkwe żmien jew perijodu, ’il fuq jew ’l isfel ta’ taxxi, tariffi jew miżati minn kull dipartiment, awtorità, istituzzjoni jew aġenzija, hu informazzjoni fil-‘public domain’ u ssapportjat mill-istrumenti legali neċessarji. Għalhekk, nixtieq ngħarraf lill-Onor. Interpelleant li kull aġġustament f’dan ir-rigward li sar fil-perijodu indikat fil-mistoqsija hu ppublikat skond kif titlob il-ligi li bis-saħħa tagħha sar tali aġġustament.

Selmun Palace Hotel

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Selmun Palance Hotel għadiex proprjetà ta' l-AirMalta? Jekk le, min qed jieħu ħsiebha? Jista' jgħid jekk din il-lukanda hiex se tinbiegħ? Jekk iva, kien hemm jew hemm xi offerti għal konsiderazzjoni f'kaz li se tinbiegħ? X'se jiġri mill-ħaddiema li jaħdmu fiha?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 6374.

Kumpless ta' Ħal Ferħ — bejgħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kumpless ta' Ħal Ferħ inbiegħx? Jekk dan il-kumpless għadux għand l-AirMalta? X'se jiġri mill-ħaddiema li kienu jaħdmu f'dan il-kumpless u li llum inbagħtu f'intraprizi oħra?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

Kumpanniji li joperaw f'Għawdex — Spejjeż ta' trasport bejn Malta u Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-inċentivi kollha li kumpaniji li joperaw f’Għawdex jingħataw għal spejjeż ta’ trasport bejn Malta u Għawdex taħt l-Att dwar l-Iżvilupp Industrijali jew taħt l-Att dwar il-Promozzjoni tan-Negozju humiex se jibqgħu jingħataw minn din is-sena ’il quddiem? Jekk xi inċentivi kellhom jieqfu, hemm ippjanati xi skemi jew miżuri oħra li jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ għajnuna li se jsoffru kumpaniji Għawdxin? Jekk hemm, x’inhuma?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Malta Enterprise għandha skema taħt l-Artiklu 23(2) ta’ l-Att Dwar il-Promozzjoni tan–Negozju. Taħt din l-iskema kumpaniji tal-manifattura li joperaw minn Għawdex jingħataw cash grants għal spejjeż ta’ trasport bejn Malta u Għawdex. Ma hemm l-ebda ħsieb biex din l-għajnuna tispiċċa. Madankollu hemm il-ħsieb li din l-iskema tiġi emendata sabiex jiddaħħlu miżuri ta’ kontabilita u trasparenza fil-mod ta’ kif jiġu rifusi l-ispejjeż għal-trasport bejn Malta u Għawdex, anki sabiex ma jiġux żvantaġġjati operaturi Maltin illi jfornu is-suq Għawdxi.

Malta Enterprise — inċentiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma u liema huma l-inċentivi li qed toffri preżentament il-Malta Enterprise speċifikament lil kumpaniji Għawdxin? X’inhuma l-kriterji ta’ eliġibilità għal kull inċentiv? Meta daħħlu fis-seħħ dawn l-inċentivi? Kemm kumpaniji bbenefikaw minnhom kull sena sal-lum? X’kien ir-riżultat ta’ dawn l-inċentivi kull sena sal-lum? Kemm kien l-ammont mitlub għal kull sena mill-kumpaniji? Kemm minnhom ġew approvati u kemm minnhom tħallsu kull sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Malta Enterprise toffri diversi skemi li huma miftuħa kemm għal entrapriżi Maltin kif ukoll dawk Għawdxin. Fosthom wieħed isib: LN 68 of 2008 – Għajnuna għall-Investiment ( Investment Tax Credits ) LN 69 of 2008 - Assistenza lil Intrapriżi Żgħar jew ta’ Daqs Medju LN 70 of 2008 - Inċentivi għas-Sostenn ta’ Intrapriża LN 168 of 2009 – Għajnuna għar-Riċerka u Żvilupp u Innovazzjoni Att Dwar il-Promozzjoni tan-Negozju Barra minn hekk il-Korporazzjoni għandha diversi skemi li huma speċifikament indirizzati għall-kumpaniji li joperaw minn Għawdex. 1. Gozo Transport ́ Gozo Transport Grant ’ – l-iskema hija amministrata taħt-Artiklu 23(2) ta’ l-Att Dwar il-Promozzjoni tan–Negozju, fejn tipprovdi għajnuna lill-kumpaniji tal-manifattura li joperaw minn Għawdex. Dawn jingħataw cash grants għall-spejjeż ta’ trasport bejn Malta u Għawdex. Dawn il- cash grants qegħdin itaffu mill-ispejjeż addizzjonali li għandhom kumpaniji Għawdxin minħabba l-iżolament tal-gżira mill-kumplament ta’ Malta. B’din l-għajnuna dawn il-kumpaniji jistgħu jikkompetu ma manifatturi li joperaw minn Malta. Taħt din l-inċentiva, dan l-aħħar qed jibbenifikaw medja ta’ għoxrin (20) il-kumpanija fis-sena. Bħalissa il-Korporazzjoni tapprova l-valur ta’ l-għajnuna, imma il-ħlas isir mil-vot tal-Ministeru ta’ Għawdex. Dan il-Ministeru għandu l-informazzjoni fuq kemm tħallsu cash grants kull sena. Il- cash grants ġew approvati kif ġej: Sena Numru ta’ applikazzjonijiet Valur ta’ cash grant approvat € 2006 11 490,511 2007 19 687,560 2008 24 619,830 Total 54 1,797,901 L-applikazzjoni għat-transport grant issir meta il-kumpanija jkollha f’idejha l-audited financial statements għal dik is-sena partikolari, għalhekk Malta Enterprise għadha mhix f’pożizzjoni li tagħti l-figura għas-sena kurrenti 2. Gozo Regeneration – Investment Aid Scheme Il-‘ Gozo Regenration – Investment Aid Scheme ’ kienet immirata għas-settur tal-manifattura li joħolqu mpjiegi ġodda. Matul is-sena 2008 ġiet introdotta skema oħra amministrata bejn l-ETC u l- Malta Enterprise , il-‘ Gozo Employment Aid Scheme ’, illi effettivament ħadet post il-‘ Gozo Regeneration – Investment Aid Scheme ’ għaliex it-tieni skema tingħata anki fuq impjegat wieħed u tista tingħata lis-setturi kollha. Dettalji dwar il-‘ Gozo Employment Aid Scheme ’ ingħataw fir-risposta għal Mistoqsija Parlamentari 5789. Kumpaniji eliġiblli li jinvestu f’Għawdex għandhom il-possibilita’ li jikkonvertu l-krediti tat-taxxa fi ħlas. Dan il-ħlas ikopri porzjon mis-salarju tal-ewwel erba’ u għoxrin xahar ta’ l-impjegat sa’ massimu ta’ €11,650 relatat ma’ proġett ta’ investiment li beda wara l-ewwel ta’ Jannar 2007. Minn din l-iskema ibbenefikaw żewġ kumpaniji li rċevew is-somma ta’ €711,448 mis-sena 2007 sa Settembru tas-sena 2009 għar-rigward ta’ erba’ u sittin impjegat. 3. Gozo Employment Aid - ETC Fis-sena 2007, il- Malta Enterprise u l- ETC kienu ħabbru l-iskema Gozo Employment Aid fejn min iħaddem ħames impjegati li jkunu ikklassifikati taħt il-kategorija ta’ Disabled and Disadvantaged jingħata nofs il-paga ta’ sena tal-impjegat imsemmi bħala inċentiv. Mis-sena 2008, dan l-inċentiv ġie mwessa’ billi tneħħa l-limitu ta’ ħames impjegati. Minn Jannar tas-sena 2009, din l-iskema għaddiet kompletament għand l-ETC. Filwaqt li l-iskema infetħet għall-kumpaniji Maltin u Għawdxin, issa qiegħda tiġi iffinanzjata parzjalment taħt l- European Social Fund . Minn din l-iskema, ibbenefikaw disa u disgħin kumpanija li mis-sena 2008 sa’ Settembru 2009, bejniethom irċevew is-somma ta’ €630,967. L-ammont totali ta’ assistenza approvata fuq din l-iskema kien ta’ €1,310,438 fuq mitejn, erbgħa u sittin persuna. Billi dan l-inċentiv jitħallas lil min iħaddem wara sena minn meta jkun impjega l-persuna kkonċernata, il-bilanċ pendenti mistenni jitħallas fix-xhur li ġejjin.

Għajnuna mill-Malta Enterprise lill-kumpanniji li joperaw f'Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa, xahar xahar fl-2008 u sal-aħħar ta' Settembru ta' din is-sena, tal-Malta Enterprise fuq kumpaniji li joperaw f'Għawdex? Fiex kienet tikkonsisti kull nefqa? X'tip ta' inċentivi tkopri kull nefqa?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-għajnuna fiskali lill-kumpaniji Għawdxin għas-snin bażi finanzjarji 2005 sa 2007 li ġew ikkonfermati mill-Malta Enterprise fis-snin 2007/2009 hija kif muri f’tabella numru wieħed li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-informazzjoni dwar l-għajnuna fiskali li minnha gawda is-settur industrijali matul is-sena bażi 2008 u 2009 mhix disponibbli minħabba l-fatt li din l-informazzjoni tinġabar mill-Korporazzjoni mill-formola tat-taxxa tad-dħul. L-intrapriżi huma obbligati li jissottomettu dan id-dokument għal sena partikolari lill- Inland Revenue sa disa’ xhur mill-għeluq tas-sena finanzjarja tagħhom. Ir-Regolament 20 tar-Regolamenti ta’ l-Att dwar il-Promozzjoni tan-Negozju (Leġislazzjoni Sussidjarja 325.06) jerġa jippermetti tliet xhur oħra (u xahar skont ir-Regolamenti ta’ 2008 Għajnuna ghall-Investiment, taħt l-Att Dwar l-Intrapriża ta’ Malta) sabiex kopja ta’ din il-formola tat-taxxa tad-dħul tingħata lill-Korporazzjoni. B’hekk, preżentament il-figuri miġbura jaslu sas-sena bażi 2007 kif proċessati fis-snin 2008/2009. L-għajnuna fuq l-Investiment permezz ta’ Tax Credits Sas-sena 2007 ftit kienu dawk l-impriżi Għawdxin li kienu jikkwalifikaw għall-għajnuna permezz ta’ tax credit fuq l-investiment, taħt l-Att Dwar il-Promozzjoni tan-Negozju ( Business Promotion Act ). Mis-sena 2008, din l-għajnuna ġiet mwessa u mtejba taħt l-Att Dwar L-Intrapriża ta’ Malta ( Malta Enterprise Act ), u b’hekk issa l-impriżi tal-manifattura kollha huma eliġibli għall-għajuna fiskali akbar sakemm dawn joperaw bħala kumpanija, partnership jew koperativa. Dan ifisser li issa, numru akbar ta’ impriżi Għawdxin se jkunu jistgħu jibdew jibbenifikaw minn għajnuna fiskali aħjar fuq l-investiment tagħhom. Malta Enterprise toffri diversi skemi li huma miftuħa kemm għal entrapriżi Maltin kif ukoll dawk Għawdxin, fosthom insibu: LN 68 of 2008 – Għajnuna għall-Investiment ( Investment Tax Credits ) LN 69 of 2008 - Assistenza lil Intrapriżi Żgħar jew ta’ Daqs Medju LN 70 of 2008 - Inċentivi għas-Sostenn ta’ Intrapriza LN 168 of 2009 - Għajnuna għar-Riċerka u Żvilupp u Innovazzjoni Att Dwar il-Promozzjoni tan-Negozju Barra minn hekk il-Korporazzjoni għandha diversi skemi li huma speċifikament indirizzati għall-kumpaniji li joperaw minn Għawdex li huma l-́ Gozo Transport’ , l-́ Gozo Regeneration – Investment Aid Scheme ’ u l-́ Gozo Employment Aid – ETC ’ u li dettalji dwarhom ingħataw fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari numru 10829. Għajnuna oħra Fis-sena 2009, żewġ applikazzjonijiet ġew approvati u ngħataw spazju industrijali, waqt li fl-2008 ma kienx hemm approvazzjonjiet ta’ propjeta’ industrjali. L-ispazju industrijali f’dan is-settur tradizzjonali fil-qasam industrijali tax-Xewkija huwa prattikament kollu meħud. Il- Malta Industrial Parks qed tistudja siti alternattivi sabiex talloka l-attivitajiet tas-setturi tradizzjonali. Kif diġa’ ġie spjegat f’mistoqsija parlamentari 9528, hemm 25 entità interessati li jkabbru u li jilħqu l-159 impieg sat-tielet sena ta’ l-operat tagħhom. Irid jiġi innotat li dawn huma figuri proġettati u mhux fattwali u li l-biċċa l-kbira ta’ dawn l-entitajiet diġa’ qegħdin joperaw u qed jiġġeneraw impjieg. Ħafna minnhom huma “ relocation ” u mhux “intraprizi ġodda”. La darba jiġu identifikati siti addattati għal dawn l-attivitajiet, il- Malta Enterprise tipproċessa t-talbiet pendenti u potenzjali skont il-kriterji ta’ evalwazzjoni u eliġibilita’ tal- Malta Enterprise . Minbarra li tassisti bi spazju industrijali, il- Malta Enterprise tipprovdi wkoll assistenza lill-kumpanniji biex jiżviluppaw prodotti ġodda, investiment u tiżdied il-produttivita’, kompetittivita’ u esportazzjoni. Din l-assistenza tiddependi fuq ir-rikjesta tal-industrijalisti Għawdxin kif spjegat fit-tabelli numru tnejn u tlieta li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għajnuna biex titwaqqaf impriża f'Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kumpanija kienet megħjuna mill-Malta Development Corporation/Malta Enterprise minn Jannar 2008 sal-lum biex twaqqaf impriża f’Għawdex? Min huma dawn il-kumpaniji u x’tip ta’ prodott/i jagħmlu? X’investiment sar minn dawn il-kumpaniji f’Għawdex fl-istess perijodu? Kemm investiment minn dan huwa barrani? X’għajnuna tathom l-Malta Development Corporation/Malta Enterprise u kemm hu l-ammont ta’ din l-għajnuna skond is-sena li nagħtat? Kemm kienu jħaddmu nies meta bdew joperaw meta sar il-ftehim mal-MDC/Malta Enterprise u kemm qed iħaddmu llum?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fis-sena 2009, żewġ applikazzjonijiet ġew approvati u ngħataw spazju industrijali, waqt li fl-2008 ma kienx hemm approvazzjonjiet ta’ propjetà industrjali. L-ispazju industrijali f’dan is-settur tradizzjonali fil-qasam industrijali tax-Xewkija huwa prattikament kollu meħud. Il-Malta Industrial Parks qed tistudja siti alternattivi sabiex talloka l-attivitajiet tas-setturi tradizzjonali. Kif diġa’ ġie spjegat f’PQ 9528, hemm 25 entità interessati li jkabbru u li jilħqu l-159 impieg sat-tielet sena ta’ l-operat tagħhom. Irid jiġi innotat li dawn huma figuri proġettati u mhux fattwali u li l-biċċa l-kbira ta’ dawn l-entitajiet diġà qegħdin joperaw u qed jiġġeneraw impieg. Ħafna minnhom huma “ relocation ” u mhux “intrapriżi ġodda”. La darba jiġu identifikati siti addattati għal dawn l-attivitajiet, il- Malta Enterprise tipproċessa t-talbiet pendenti u potenzjali skont il-kriterji ta’ evalwazzjoni u eliġibilita’ tal- Malta Enterprise . Minbarra li tassisti bi spazju industrijali, il- Malta Enterprise tipprovdi wkoll assistenza lill-kumpanniji biex jiżviluppaw prodotti ġodda, investiment u tiżdied il-produttività, kompetittività u esportazzjoni. Din l-assistenza tiddependi fuq ir-rikjesta tal-industrijalisti Għawdxin kif muri fit-tabelli li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra:

Bajjiet — umbrelel u deckchairs

Question

Jista’ il-Ministru jgħid liema huma dawk il-bajjiet fejn hemm concession fejn il-privat jista’ ipoġġi umbrelel u deckchairs? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx limitu ta’ kemm jistgħu jitpoġġew umbrellel u deckchairs għal kull każ, u jekk hemmx min jikkontrolla li ma jkunx hemm abbużi ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-bajjiet li hemm concession fejn il-privat jista’ jpoġġi umbrellel u deckchairs huma murija fit-tabella:. Bajjiet Konċessjoni Birżebbugia 2 Buġibba 2 Marfa 1 Ċirkewwa 1 Għadira Bay 4 Armier 3 San Ġorġ l/o San Ġiljan 1 Għajn Tuffieħa 1 Hemm sit wieħed f’B’Bugia fejn l-ammont massimu ta’ kemm jistgħu jitpoġġew umbrellel u deckchairs huwa ta’ ħamsin (50). Fil-każ tas-siti l-oħra m’hemm l-ebda ammont stipulat peress li dawn jingħataw allokazzjoni ta’ art f’metri kwadri u l-umbrellel u d-deckchairs jitpoġġew biss fil-konfini ta’ dan is-sit allokat. Il-kontroll tal-kundizzjonijiet sabiex ħadd ma jaqbeż il-limitu tas-sit allokat isiru kemm mill-impjegati fis-Sezzjoni tal-Infurzar fi ħdan id-Dipartiment tal-Artijiet flimkien ma’ uffiċċjali tal-Pulizija u l-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — Ħaddiema impjegati part-time

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ħaddiema impjegati fuq bażi part-time mal-entitajiet governattivi? Jista' jgħid x'inhi l-pożizzjoni ta' dawk il-ħaddiema li ilhom part-time għal iktar minn tliet snin u jekk hemmx xi ħsieb li dawn jiġu ingaġġati full-time?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3476.

Ministeru tal-Finanzi, l-ekonomija u Investiment — sorsi alternattivi ta' enerġija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10057 u jagħti s-segwenti informazzjoni: 1) X'kienu l-inizjattivi li ħa l-Ministru u dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu biex jutilizzaw alternative sources of energy fl-uffiċini u dipartimenti tagħhom rispettivament? 2) X'tip ta' teknika ġiet utilizzata minn kull dipartiment li implimenta tali inizjattivi? 3) Fejn ġew implimentati tali inizjattivi, jekk dawn ġewx effetwati billi inħarġet call for tendering jew jekk ix-xogħol ingħatax permezz ta' direct order? 4) F'kull każ jekk b'direct order u/jew b'sejħa għall-offerti kemm kien l-ammont ta' kull tender jew direct order? 5) Lil liema kumpannija jew persuna ingħatat kull tender jew direct order? Din l-informazzjoni qed tiġi mitluba għas-snin 2007, 2008 u sal-aħħar ta' Mejju 2009.

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Flus fuq toroq ta' żoni industrijali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 9684, 9490 u 9004 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġew riferuti lilu u jgħid fl-ewwel erba’ xhur ta’din is-sena finanzjarja kemm intnefqu flus f’toroq li jifformaw parti minn żoni industrijali? F’liema żoni saru? Meta saru? X’hemm ipproġettat għall-bqija ta’din is-sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija kif ġej: Xogħlijiet li saru fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena Fondi 1. Kordin Ind. Estate € 40,070 MIPL 2. Marsa Ind Estate € 9,454.92 MIPL Xogħlijiet ippjanati għal in is-sena. 3. San Gwann Ind Est. € 70,000 MIPL 4. Hal Far Phase 1 € 247,800 ERDF 5. Bulebel Ind Est. Ph 1 € 212,400 ERDF 6. Xewkija Ind. Est € 676,769 MIPL

ex ħaddiema tas-Sea Malta — kumpens

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9914 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta se jitħallsu l-flus dovuti bħala kumpens l-ex ħaddiema tas-Sea Malta li sal-lum għadhom ma ħadu xejn? Kemm hemm ħaddiema li għandhom jitħallsu u kemm huwa dan il-ħlas?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-baħħara (seafarers) tal-kumpanija għadhom ma tħallsux kumpens billi tali ħlas jiddependi mill-eżitu ta’ proċeduri fil-Qrati intiżi biex jistabbilixxu jekk l-istess baħħara jistħoqqilhomx jitħallsu qabel il-kredituri ordinarji tal-Kumpanija. Billi kienu l-istess baħħara li bdew dawn il-proċeduri u peress li l-kumpannija qiegħda tgħaddi minn proċess ta’ stralċ, l-istralċarji jridu bilfors jistennew l-eżitu ta’ dawn il-proċeduri. Il-ħaddiema in kwistjoni huma anqas minn ħamsin u bejniethom qegħdin jitolbu kumpens li jlaħħaq aktar minn miljun lira maltin.

Knisja għall-Komunità Ortodossa Russa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9903 u jgħid fiex waslet it-talba mill-Komunità Ortodossa Russa li tgħix ġewwa Malta biex tibni knisja fejn diġà ħarġu l-permessi kollha meħtieġa u jirriżulta li għad jonqos li tgħaddi mill-kabinett tal-Ministri?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija ghall-Mistoqsija Parlamentari numru 9903.

Financial Report 2008

Question

B'referenza għall-financial report 2008 fejn jirriżulta li l-Ministru kellu baġit supplimentari għas-sena 2008 ta' aktar minn €22.7 miljun fuq in-nefqa rikorrenti, jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni dettaljata fiex intnefqu dawn l-ammonti supplimentari?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li, għalkemm l-infiq globali sa l-aħħar tal-2008 kien anqas mill-ammonti stmati li jintefqu fl-Estimi Supplimentari ta’ l-istess sena, id-dettalji dwar l-infiq li seħħ sa l-aħħar tas-sena huma dawk li jidhru spjegati fl-istess Estimi Supplimentari.

Skemi ġodda fil-Malta Enterprise

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hija s-somma minfuqa s'issa fuq ħames skemi ġodda li kellha tniedi l-Malta Enterprise u li kienu ssemmew fid-diskors tal-aħħar budget? X'inizjattivi ttieħdu sal-lum fuq kull waħda minn dawn l-iskemi b'mod separat?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li taħt l-ewwel sejħa għall-proposti, li għalqet f’Marzu, il-Malta Enterprise allokat ‘il fuq minn €6miljun lill-industrija. Taħt it-tieni sejħa, li għalqet fl-aħħar ta’ Lulju, il-Malta Enterprise irċeviet 260 proposti mill-industrija għall-valur totali ta’ €15.5miljun. Il-Malta Enterprise qegħda tevalwa dawn il-proġetti biex talloka dawn il-fondi lill-aħjar proposti mitfugħa, skont il-linja gwida approvata mill-Kummissjoni Ewropeja. Hu mistenni li dan il-proċess jiġi ffinalizzat f’Ottubru. Taħt l-iskema tal- “ International Competitiveness ”, ġew allokati €1.95 miljun lil 30 intrapriza taħt l-ewwel sejħa għal proposti. Taħt it-tieni sejha, il-Malta Enterprise irceviet 69 proġett b’valur ta’ €4.55miljun. Taħt l-iskema tal-“ Innovation Actions Grant Scheme ” ġew allokati €2.31 miljun lil 26 intrapriza taħt l-ewwel sejħa għal proposti. Taħt it-tieni sejħa l-Malta Enterprise irċeviet 91 proġett b’valur ta’ €6.76miljun. Taħt l-iskema ta’ l-“ iSmall Start Up Grant Scheme ” gew allokati €0.7 miljun lil 7 intrapriżi taħt l-ewwel sejħa għal proposti. Taħt it-tieni sejħa l-Malta Enterprise irċeviet 36 proġett b’valur ta’ €1.78miljun. Taħt l-iskema tal-“ E-Business Development Grant Scheme ” ġew allokati €1.08 miljun lil 27 intrapriża taħt l-ewwel sejħa għal proposti. Taħt it-tieni sejħa l Malta Enterprise irċeviet 64 proġett b’valur ta’ €2.41miljun. Lista kompluta ta’ dawn l-intrapriżi msemmija hawn fuq tinsab fuq il-website www.20miljunghallindustrija.com. L-ewwel sejħa għal proposti taħt l-iskema għar- Riċerka u l-iŻvilupp , b’investiment ta’ €3.5 miljun, tagħlaq fit-2 ta’ Ottubru u jidher li hemm interess mill- industrija għal din l-iskema. Aktar detalji fuq din li-skema jistgħu jinkisbu f’Ottubru.