Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — karozzi ġodda
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm inxtraw karozzi ġodda mill-1 ta' Jannar ta' din is-sena sal-lum mill-Ministeru tiegħu, mis-Segretarjat Parlamentari għall-Erarji Pubbliċi u l-Artijiet u mid-dipartimenti, korporazzjonijiet, awtoritajiet, entitajiet eċċ., li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Jista' jgħid x'kien il-mudell ta' kull karozza li nxtrat u kemm kienet l-ispiża fuq kull waħda? Jista' jgħid għal min inxtrat kull waħda minn dawn il-karozzi?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
Wara sentenza favur il-Gvern Portugiż mogħtija mill-Qorti Ewropea tal-Gustizzja fuq l-online gaming, jista’ l-Ministru jgħid kif tista’ tiġi milquta din l-industrija li tħaddem numru sostanzjali ta’ nies? X’inhi r-reazzjoni tal-Gvern Malti għal din is-sentenza li ngħatat?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern Malti, permezz ta’ l-Awtorita’ dwar il-Lotteriji u l-Logħob, analizzat id-deċiżjoni li ttiehdet mill-Qorti Ewropeja tal-Ġustizzja fil-Kawża Liga Portuguesa de Futebol Profissional u BWIN International Ltd kontra Departimento de Jogas de Santa Casa da Misericordia de Lisboa (C-42/07).
Mid-deċiżjoni li ħarġet mill-Qorti Ewropeja joħroġ biċ-ċar li ċ-ċirkustanzi partikolari li jeżistu fis-settur tal-logħob fil-Portugall kienu motivazzjoni ewlenija sabiex ittiehdet tali deċiżjoni. Fil-fatt il-Qorti kienet ċara fid-deċiżjoni tagħha meta sostniet illi sabiex pajjiż membru ta’ l-Unjoni Ewropeja jimponi restrizzjonijiet fuq is-settur tal-logħob, tali restrizzjonijiet iridu jkunu ġustifikabbli, proporzjonali, mhux diskriminatorji u maħsuba sabiex jeliminaw kull forma ta’ reat kriminali, inkluż frodi.
Il-Gvern Malti dejjem saħaq illi Malta toffri regolamenti li jissodisfaw u li jassiguraw kontra kull forma ta’ reat kriminali, inkluż frodi. Il-leġislazzjoni Maltija hi waħda ta’ l-ogħla livell, ibbażata fuq numru ta’ liġijiet u anke direttivi ewropej fosthom it-tielet Direttiva Ewropeja kontra l-ħasil tal-flus. Il-proċeduri adottati mill-Awtorita’ dwar il-Lotteriji u l-Logħob jaċċertaw illi l-applikanti għal-liċenzja Maltija jkunu ta’ integrita’ assoluta. Anke l-leġislazzjoni li teżisti fis-settur tas-servizzi finanzjarji tassigura l-ogħla livell ta’ sigurta fis-settur tal-logħob f’pajjiżna. Tali pakkett ta’ miżuri, fl-opinjoni tal-Gvern Malti, tpoġġi lil Malta fuq quddiem nett fl-Ewropa bħala ġurisdizzjoni li tirregola s-settur ta’ l-
Online Gaming
.
Għaldaqstant, miżuri li jittiehdu minn pajjiżi oħra ta’ l-Unjoni Ewropeja sabiex jillimitaw l-operazzjonijiet ta’ operatur liċenzjat mill-Awtorita’ dwar il-Lotteriji u l-Logħob, kienu dejjem ikkritikata u opposti fl-Istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropeja.
Ta’ min wieħed jinnota illi l-Awtorita’ dwar il-Lotteriji u l-Logħob anke qabel ma ttiehdet din id-deċizjoni kienet diga bdiet taħdem fuq studju dettaljat dwar l-impatt ta’ tibdil fil-liġijiet ta’ pajjiżi oħra membri ta’ l-Unjoni Ewropeja. Għaldaqstant, wara li ttiehdet din id-deċiżjoni, l-LGA kompliet bil-ħidma tagħha minn dan il-lat.
Oltre min hekk, wieħed irid jinnota wkoll illi jeżistu deċiżjonijiet mill-istess Qorti Ewropeja (speċifikament fil-kawżi ta’
Placanica
u ta’
Gambelli
)
li jisħqu fuq l-importanza ta’ suq ħieles fis-settur ta’ l-
online gaming
.
Għaldaqstant il-Gvern Malti se jkompli jsemmha leħnu fl-Istituzzjonijet Ewropej sabiex jassigura li f’din l-industrija jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali kif elenkati fit-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropeja.
Għawdex — Taċ-Ċawla Housing Estate - xogħlijiet ta' manutenzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'xogħlijiet ta' manutenzjoni saru f'dawn l-aħħar ħames snin fil-blokok ta' appartamenti tal-housing estate taċ-Ċawla fir-Rabat, Għawdex li huma proprjetà tal-Gvern?
Response (FENECH, TONIO)
It-Taqsima Proprjetà tal-Gvern mhiex l-awtorità kompetenti li tagħmel xogħol ta’ manutenzjoni fi blokok ta’ appartamenti li huma proprjetà tal-Gvern, għaldaqstant, nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex iressaq il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Għawdex — proprjetajiet tal-Gvern allokati għall-akkomodazzjoni soċjali
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm proprjetajiet tal-Gvern f'Għawdex li huma allokati għall-akkomodazzjoni soċjali?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-ammont ta’ kirjiet residenzjali ta’ proprjetajiet tal-Gvern f’Għawdex huwa ta’ 438. Dan l-ammont ma jinkludiex proprjetajiet li huma amministrati mill-Awtorità tad-Djar.
Jista' l-Ministru jgħid meta skadiet il-konċessjoni tal-liċenzja tat-tmexxija tad-Dragonara Casino? Jista' jgħid fiex wasal il-proċess għall-konċessjoni l-ġdida?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ emigranti minn Għawdex u kemm emigranti ġew lura Għawdex kull sena mill-2006 sal-lum, maqsumin f’nisa u rġiel?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika m’għandux għad-dispożizzjoni tiegħu l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet il-popolazzjoni barranija f’Għawdex fl-aħħar ta’ kull sena mill-2006 ‘l hawn?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-popolazzjoni barranija f’Għawdex fl-aħħar ta’ kull sena mill-2006 ‘l hawn huwa kif jidher hawn tħat:
Sena 2006 – 1,395
Sena 2007 – 1,424
Sena 2008 – 1,528
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Malta Enterprise għandhiex xi pjanijiet ta' żvilupp fiż-żona industrijali ta' San Ġwann b'konnessjoni mal-qasam tal-mediċina? Jekk fl-affermativ, jista' jindika jekk hux ser ikun hemm fabbriki li ser ikollhom jiġu riallokati?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi Il-Malta Enterprise se tibni “Life Sciences Centre” ġewwa San Gwann, liema proġett ser isir fuq żona ta’ 30,000 metru kwadru u li huwa parzjalment iffinanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea. Il-proġett huwa mmirat li jitlesta sal-2013. Dan jista jfisser li ċerta fabbriki jiġu rilokati u fil-fatt diġa inbdew diskussjonijiet ma’ xi inkwilini sabiex jiġu rilokati.
Jista' l-Ministru jgħid liema kienu dawk il-kumpaniji ġodda li taw bidu għall-attività tagħhom fil-pajjiż fl-aħħar 18-il xahar? Kemm minn dawn huma b'investiment lokali u kemm minnhom huma b'investiment barrani u kemm ġew impjegati ħaddiema f'kull każ?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet il-medja fis-sena għal kull ħaddiem tal-Valur Miżjud Gross kull sena mill-2001 sal-2007 fl-industrija tat-turiżmu f’Malta u f’Għawdex separatament? Jista’ jagħtini dan it-tagħrif fi prezzijiet tas-suq kif ukoll fi prezzijiet kostanti ta-2000?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, illi l-NSO ma tiġborx it-tali informazzjoni.
Fid-dawl ta’ dak li rrizulta mil-laqgħa riċenti tal-House Social Affairs Committee dwar il-gambling outlets illegali li qed jinbtu madwar Malta kollha, jista' l-Ministru jieħu azzjoni flimkien mal-Ministru għall-Intern sabiex jigi żgurat li tittieħed azzjoni konkreta kontra dan l-operat illegali?
Meta se jiddeċiedi l-Gvern jekk ħwienet simili humiex legali jew le, jew għandhomx jibqgħu illegali jew le?
Għaliex qed iħallihom joperaw meta sal-lum għad m'hemm l-ebda leġislazzjoni jew regolamenti li jikkontrollaw l-operat tagħhom?
Iħoss li l-ispjega tal-Agent Chief Executive Officer tal-Lotteries and Gaming Authority li l-awtorità għandha d-dmir li toħroġ il-liċenzji meħtieġa iżda ma tistax tagħmel dan qabel ma jkun hemm legal notice biex tirregola dan in-negozju, jindika li l-Gvern jidher li jinsab miexi lejn l-aċċettazzjoni ta’dawn il-gambling outlets kollha?
X’tifhem il-LGA meta qed tistqarr li l-intenzjoni tagħha hi li il pożizzjoni tiġi regolarizzata kmieni kemm jista jkun? Li dawn se jibdew jitħallew joperaw f’pajjiżna bil-liċenzji li għad jridu joħorġu?
Billi intqal li l-LGA qed tippjana anki pjanijiet fit-tul dwar passi dwar bans fuq gaming f’internet cafes b’liema kriterju qed jigi indikat li il-Gvern jista' jimxi b’kejl differenti fejn jiffavorixxi dawn il-gambling outlets u ma jieħux l-istess passi li jistgħu jiġu kkontemplati vis-a-vis l-gaming fl-internet cafes?
Jista' jara flimkien mal-Ministru tal-Intern kemm minn dawn l-outlets qegħdin irażżnu żgħażagħ ta’ taħt il-25 sena milli jiffrekwentawhom? Huwa minnu li spiss qed ikun hemm tfal ġo fihom? Filwaqt li wieħed jifhem ir-rakkmandazzjoni tal-Kumitat li għandha tispiċċa d-distinzjoni bejn gambling outlets u amusement machines jaħseb li l-gaming outlets jirrikjedu attenzjoni aktar prijoritarjà?
Il-Gvern għandu jieħu in kunsiderazzjoni wkoll il-location ta’ dawn l-outlets li skond ma ġie żvelat f’ċerti każi jinsabu qrib ħafna ta' ċerti knejjes u skejjel?
Filwaqt li wieħed japprezza il-proposta tal-kumitat li għandu jkun hemm moniteraġġ ta’ dawn l-attivitajiet, jaħseb li flimkien mal-Ministru tal-Intern hija responsabbiltà tal-Gvern Ċentrali biex jieħu passi mmedjati kontra din l-illegalità?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 10077.
każi pendenti ta' persuni li kellhom kontijiet x'jagħtu
Question
Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2008 kemm kien hemm każi pendenti ta' persuni li kellhom kontijiet x'jagħtu a) lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni u b) lid-Dipartiment tal-VAT u dawn il-każi issa ġew solvuti? Jista' jgħid b'kollox kemm kellhom jagħtu bħala totalità u kemm fil-fatt ħallsu meta ntlaħaq ftehim dwar il-każi?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ persuni li kellhom każijiet pendenti mad-dipartiment tat-Taxxi Interni fl-aħħar ta’ Diċembru 2008 u li sal-aħħar ta’ Ġunju 2009 ħallsu l-bilanc dovut huwa 5,144.
Il-bilanċ totali ta' dawn il-kontijiet tat-taxxa, inklużi
estimations
, multi u imgħaxijiet fl-aħħar ta’ Diċembru 2008 kien ta' €19,470,395. Il-pagamenti kontra dawn il-kontijiet f'dawn is-sitt xhur kienu jammontaw għal €2,130,808. Kien hemm €2,256,725 oħra li ġew imnaqqsa permezz ta’
set-offs
minn snin oħrajn. Il-bqija tad-differenza hija prinċipalment magħmula minn
estimations
illi jkun ħareġ id-dipartiment fin-nuqqas ta’ formola tat-taxxa u li jiġu kkanċelati hekk kif tidħol il-formola.
Ministeru tal-Finanzi, l-ekonomija u Investiment — sorsi alternattivi ta' enerġija
Question
Jista' l-Ministru jagħti s-segwenti informazzjoni:
1) X'kienu l-inizjattivi li ħa l-Ministru u dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu biex jutilizzaw alternative sources of energy fl-uffiċini u dipartimenti tagħhom rispettivament?
2) X'tip ta' teknika ġiet utilizzata minn kull dipartiment li implimenta tali inizjattivi?
3) Fejn ġew implimentati tali inizjattivi, jekk dawn ġewx effetwati billi inħarġet call for tendering jew jekk ix-xogħol ingħatax permezz ta' direct order?
4) F'kull każ jekk b'direct order u/jew b'sejħa għall-offerti kemm kien l-ammont ta' kull tender jew direct order?
5) Lil liema kumpannija jew persuna ingħatat kull tender jew direct order?
Din l-informazzjoni qed tiġi mitluba għas-snin 2007, 2008 u sal-aħħar ta' Mejju 2009.
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 10305.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ivvjaġġaw persuni lejn il-gżira Għawdxija fl-ewwel seba' xhur tas-sena 2009? Jista' jagħti statistika ta' kemm kienu vvjaġġaw nies bejn iż-żewġ gżejjer matul is-sena 2008 u 2007 fl-istess perijodu?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-istudju soċjo-ekonomiku dwar l-impatt tat-tneħħija tas-sussidju tal-Gvern fuq il-ħobż Malti? Illum li s-sussidju tneħħa, kif imxiet l-industrija?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Gvern, permezz tal-Ministeru tiegħi, kien ipprepara studju soċjo-ekonomiku dwar l-impatt tat-tneħħija tas-sussidju fuq il-ħobż Malti. Peress li dan ir-rapport huwa bbażat fuq informazzjoni li hi kummerċjalment sensittiva, mhuwiex għaqli li r-rapport ikun ippubblikat.
Is-suq tal-ħobz Malti ġie liberalizzat fil-bidu ta’ din is-sena. L-istatistika turi li fl-ewwel xhur tas-sena kien hemm żieda fil-prezz tal-ħobż Malti. Kien hemm ukoll żieda fil-prezz ta’ ħobz ieħor, però din kienet ħafna inqas minn dik fil-ħobż Malti. Dan kuntrarju ta’ dak li ġara qabel meta l-prezz tal-ħobż Malti żdied u miegħu żdied ukoll il-prezz tal-ħobż ieħor.
Il-Gvern hu konxju tal-importanza soċjali li d-dinamika tal-prezzijiet tal-ħobż għandha, u għaldaqstant jibqa’ jsegwi b’attenzjoni l-andament tal-prezzijiet. L-indikazzjonijiet huma li wara ż-żieda li seħħet fil-prezzijiet tal-ħobż hekk kif tneħħa s-sussidju, ma jidhirx li l-prezzijiet tal-ħobż baqgħu jogħlew.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-investiment li sar fl-aħħar sena f'xogħol ta' upgrading taż-żoni industrijali? Jista' jagħti breakdown ta' dan l-investiment għal kull zona industrijali?
Response (FENECH, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jiċċara għal liema perjodu qed jirreferi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk twaqqafx il-Grupp ta' Riċerika dwar l-Intrapriża? F'każ li twaqqaf, min huma l-membri tiegħu u x'inizjattivi ħa matul l-aħħar sena?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Grupp ta’ Riċerka dwar l-Intrapriża ser jitwaqqaf malli jsiru l-arranġamenti kollha neċessarji.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex id-Dipartiment tal-Artijiet żgombra l-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament meta l-inkwilina tinsab għall-kura barra minn Malta wara li qed tikrupra minn inċident u beħsiebha tirritorna lura Malta?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-każ tal-fond li d-dettaliji dwaru qed jintbagħtu separatament, imur lura għall-2006 fejn l-inkwilina ntalbet tagħmel it-tiswijiet meħtieġa fil-fond li kien mikri lilha peress li daħal ħafna ilma mill-fond tagħha għal fond li jinsab taħt ir-residenza tal-inkwilina.
Peress li minkejja diversi talbiet, t-tiswijiet mitluba baqgħu ma sarux, u peress lis-soqfa tal-fond ta’ taħt kienu fi stat perikuluż, il-Kummissarju tal-Art ma kellux għażla oħra ħlief li jieħu pussess ta’ dan il-fond skont il-liġi.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9054 u jgħid x’inhuma l-programmi, l-inizjattivi, il-proġetti, l-iskemi u x-xogħlijiet li d-Dipartimenti tal-Gvern u l-entitajiet, l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu se jwettqu f’Għawdex, sena sena minn din is-sena sal-2013? Jista’ jidentifika liema minnhom se jkunu ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 9054.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm lid-Dipartiment tal-Artijiet milli joħroġ iċ-cheque dovut lil familja minn Bormla, li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li kienu jgħixu f'post tal-privat bħala sidien u ħarġitilhom ordni ta' expropriation biex isir proġett ta' housing soċjali?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tingħata meta l-persuna li dwarha qed tintalab l-informazzjoni tagħti l-kunsens tagħha bil-miktub.