Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għajn Tuffieħa — main tal-ilma li jrid jinbidel

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-main tal-ilma li hemm fit-triq ta' Għajn Tuiffieħa, Għajn Nastas, limiti ta' San Pawl il-Baħar jinbidel għax jidher li hemm partijiet sostanzjali minnu li spiċċa b'ħafna sadid u bi problema kbira ta' telf f'ilma?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma għandha pjan biex tbiddel dan il-main. Iżda biex issir irid jinħareġ il-permess mil-MEPA minħabba ż-żona li tinsab fiha din il-main hija barra miż-żona ta’ l-iżvilupp.

Sistema tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jassigura li s-sistema tad-drenaġġ titwassal sal-inħawi ta' Ras il-Wied, San Martin, Ġnien Borġ, Għerien il-Hida, Limbordin, Għajn Nastas, Ta' Rkupru limiti ta' San Pawl il-Baħar u l-Palma, limiti tal-Imġarr?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-postijiet imsemmija bħalissa qed jinqdew bil-fosos. Ma hemmx pjan biex jitwassal id-drenaġġ f’dawn il-postijiet li jinsabu “outside development zone”.

San Pawl il-Baħar — inħawi ta' San Martin - arbli ġodda tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru, permess tal-Korporazzjoni Enemalta, jieħu l-passi neċessarji biex diversi arbli tal-elettriku fl-inħawi ta' San Martin, limit ta' San Pawl il-Baħar jinqalgħu u l-cables jitpoġġew fuq arbli ġodda li twaħħlu u fejn għad jonqos arbli ġodda, dawn jitwaħħlu minlokk il-qodma?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li x-xogħol biex jitpoġġew il-cables fuq l-arbli l-ġodda u jitneħħew l-arbli l-qodma diġà beda u għandu jitlesta fi żmien qasir.

Ħal Qormi — Triq Valletta - pressa baxxa tal-ilma

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-problema ta' pressa baxxa tal-ilma li qed taffettwa r-residenzi fin-naħa ta' Fuq Tal-Blat Housing Estate fi Triq Valletta f'Ħal Qormi u li ilha għal din l-aħħar sena tippersisti? Jista' l-Ministru jgħid minn xiex ġejja din il-problema?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-pressa taż-żona ta’ Ħal Qormi li tintela minn naħa tar-round about ta’ quddiem il-Lowenbrau ġiet ikkontrollata b’apparat apposta biex jonqsu il-ħsarat u nnaqsu il-ħela tal-ilma. Pero, kullimkien f’din il-lokalita’, l-pressa teċċedi dik minima kif stipulata fil-‘customer contract’. Ukoll, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma m’għandha l-ebda rapport ta’ pressa baxxa fil-lokalita’ inkwistjoni. Napprezzaw jekk niġu nfurmati jekk hemm xi residenza partikolari li għandha xi problemi fil-pressa ħalli ninvestigaw.

ilment dwar il-kont tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid il-għaliex l-ilment tal-anzjan li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament mal-ARMS Ltd dwar il-meter tad-dawl li n-numru tiegħu fuq il-kont ma jaqbilx mal-meter li hemm imwaħħal fid-dar tiegħu sal-lum għadu ħadd ma mar jiċċekja dwaru minkejja li dan l-anzjan ilu jmur l-uffiċċju ta' l-ARMS Ltd għal dawn l-aħħar xhur?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni ingħatat lil-ARMS Ltd li minn naħa tagħha ser tikkomunika direttament mal-klijient.

Kalaxlokk — ħaddiema li m'għandhomx nofs ta' nhari

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex dawk l-ex ħaddiema tal-Kalaxlokk u li llum ġew assensjati u għandhom impjieg f'dipartiment tal-gvern ma jgawdux u mhumiex intitolati għall-istess drittijiet u benefiċċji bħall-ħaddiema tal-gvern oħra u fil-fatt ma jgawdux minn nofs ta' nhari fil-ġranet tas-sajf kif inhuma intitolati ħaddiema oħra fl-istess postijiet tax-xogħol?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ħaddiema ta’ Kalaxlokk li ġew ingaġġati mal-Malta Industrial Parks, jaħdmu mis-06:00hrs sas-13:00hrs kif irregolat mil-ftehim kollettiv bejn il-General Workers’ Union u Kalaxlokk.

Mistoqsijiet parlamentari li għadhom pendenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari W78 datata 23 ta' Lulju 2010, 34729 datata 17 ta' Mejju 2012, 29736 datata 1 ta' Novembru 2011, 34228 datata 3 ta' Marzu 2012, 33755 datata 12 t'April 2012, 27660 datata 18 ta' Lulju 2011, 25053 datata 4 ta' April 2011, 34478 datata 10 ta' Mejju 2012, 33943 datata 23 ta' April 2012, 33944 datata 23 ta' April 2012 u 33946 datata 23 ta' April 2012?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-risposti għall-mistoqsijiet nru. 33755 u 33946 diġà tpoġġew fuq il-mejda tal-kamra. Ir-risposti nru. W78 tirreferi għal dik bin-nru. 34298, ir-risposta 34478 tirreferi għal dik bin-nru. 35282, u ir-risposta 29736 tirreferi għal dik bin-nru 33418. Ir-risposti għal mistoqsijiet bin-nru. 33943 u 33944 qed jitpoġġew fuq il-mejda tal-kamra. B’referenza għal Mistoqsijiet Parlamentari 27660 u 25053, nirreferi lill-Onor Interpellant biex jagħmel d-domanda tiegħu lill-Ministru responsabbli għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur. Ir-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 34729 u 34228 jingħataw f’seduta oħra.

Esportazzjoni ta' affarijiet ta' merċa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 34942 u 35206 u jgħid kemm kien il-valur tal-esportazzjoni minn Għawdex u minn Malta separatament ta' affarijiet ta' merċa (goods) xahar b'xahar fl-2011 u sal-aħħar ta' April 2012 maqsumin skont l-areas ġeografiċi ewlenin u skont il-prodotti esportati?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Malta Industrial Park — applikazzjoni għall-Micro-Enterprise Park fix-Xewkija

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari 35205, jista’ l-Ministru jgħid meta mistenni li l-Malta Industrial Parks tissottometti lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar l-applikazzjoni għal Micro-enterprise Park fix-Xewkija?. Jista’ jgħid fejn jinsab is-sit propost għal dan il-Park? Jista’ jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra site plan tal-sit?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi bħalissa l-MEPA qeda tiddiskuti l-proposti tal-Malta Industrial Parks u għalhekk l-iScreening Process relatat mal-SME Park in kwistjoni ġie estiż sal-1 ta’ Settembru 2012. Is-sit huwa magħruf bħala Tal-Barmil u jinsab fi Triq il-Madonna tar-Rummiena, fix-Xewkija. Kopja tal-pjanta tas-sit qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Investiment Barrani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-investiment barrani f’Malta u f’Għawdex separatament fl-aħħar tal-2010 u tal-2011? Jista’ jagħti dan it-tagħrif skont il-pajjiż minn fejn ġie l-investiment?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Enemalta — chief internal audit officer

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-aħħar li dehret fil-gazzetta call for application għall-chief internal audit officer mal-Korporazzjoni Enemalta? Jista' jgħid għalfejn qatt ma ġie impjegat chief officer f'din il-kariga, meta f'perjodu minnhom fil-korporazzjoni kien hemm saħansitra seba' chief officers oħra u ħadd fil-kariga ta' chief officer internal audit? Jista' jgħid jekk hemmx pjan li dan il-post jibqa' battal?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Enemalta — kwestjoni dwar min kien imexxi l-canteen

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista dettaljata ta' kemm dam fil-canteen tal-Korporazzjoni Enemalta jiġi operat mill-kuntrattur li ismu qed jintbagħat separatament? Jista' jgħid kemm-il darba f'dawn is-snin inħareġ tender pubbliku fejn kulħadd seta' jittenderja u f'liema dati? Jista' l-Ministru li huwa wkoll responsabli mid-Dipartiment tal-VAT jgħid jekk dan il-kuntrattur kellux cash registers irreġistrati fuq dawn il-canteens u kemm inħarġu rċevuti u kemm tħallset VAT minn dan il-kuntrattur li kien jopera l-canteens kemm fil-Marsa u kemm f'Delimara? Jista' jikkonferma li l-operat tal-canteens taqa' taħt ir-responsabbiltà taċ-chief human resources tal-korporazzjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — Staff klerikali li għandhom degree mill-Università

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35191 u jgħid kemm hemm staff klerikali li jaħdmu fid-dipartimenti u l-uffiċini kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li għandhom degree mill-Università? Jista' jgħid x'inhi d-degree u f'liema dipartimenti qegħdin? Jista' jgħid jekk humiex nisa jew irġiel?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Kummenti tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali — figuri tal-NSO

Question

B'referenza għall-kummenti tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali dwar il-figuri tal-NSO, jista' l-Ministru jgħid jekk għandux xi jżid ma' dan li ġej: a) li skont hu, hemm statistical fuzziness fil-figuri ppublikati; b) li skont hu, "the situation could be different from what appears at first sight"; u ċ) li fil-fehma tiegħu, għandha tingħata spjegazzjoni dettaljata?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Vat minn Turiżmu f'Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-ammont ta' VAT li tinġabar minn turiżmu f'Għawdex għal kull sena bejn 2008 u 2011? F'każ li ma jeżistix ammont ċertifikat, jista' l-Ministru jagħti stima bbażata fuq statistika oħra li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li d-Dipartiment tal-VAT m’għandux informazzjoni dwar kemm inġabret taxxa tal-VAT minn turiżmu f’Għawdex peress li t-taxxa miġbura tiġi rrapurtata fid-denunzji globalment u ma ssirx distinzjoni jekk il-VAT miġbura tkunx imħallsa minn turist jew minn wieħed tal-lokal. Tajjeb li wieħed isemmi wkoll, li operatur jista’ jkun qed jirrapporta, fid-denunzji, bejgħ ta’ prodotti relatati mat-turiżmu flimkien ma’ prodotti jew servizzi oħra li m’humiex relatati mat-turiżmu.

ARMS Ltd — qtugħ ta' dawl

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34478 u jikkonferma jekk l-Ministeru ħariġx struzzjonijiet biex konsumaturi li jkunu ilhom ma jħallsu l-kont jinqatalhom is-servizz avolja jkunu għadhom ma rċevewx kont? Jista' jikkonferma jekk is-sistema tas-Software ARMS għandhiex kapaċità li tinforma lis-sezzjoni li jaqtgħu s-servizz li l-konsumatur ma jkunx ħallas għax ikun għadu ma rċieva l-ebda kont? Jaf li l-qtugħ tas-servizz ġara f'ażjendi li spiċċaw minghajr dawl meta kienu ilhom ma jirċievu kont għal numru ta' snin? X'qed jagħmel biex dawn l-iżbalji ma jibqgħux isiru?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li sospensjoni tas-servizz ta’ l-elettriku ssir wara li l-konsumatur ikun ġie mgħarraf permezz ta’ notifika ta’ sospensjoni. Fil-każijiet fejn tkun saret sospensjoni u l-konsumaturi rispettivi ma jkunux ircevew kont attwali riċenti, tali sospensjoni tkun saritilhom fuq dejn antik li jkollhom fuq kontijiet preċedenti. Il-konsumatur jingħata perjodu ta’ żmien bejn in-notifika u meta eventwalment issir is-sospensjoni, bil-għan li l-istess konsumatur jirregola ruħu permezz ta’ pagament jew inkella permezz ta’ arranġamenti għall-ħlas. Meta l-konsumatur jagħmel dan, ikun qed jgħin biex jevita l-inkonvenjent ta’ sospensjoni tas-servizz. Id-dipartiment tad-Debt Management, permezz tas-Sistema SAP, japplika kontrolli u metodi ta’ verifika, sabiex jiġi assigurat li meta tintbagħat notifika u eventwalment issir sospensjoni tas-servizz, dawn ikunu ġustifikati. Qabel ma ssir sospensjoni ta’ servizz, il-kontijiet rispettivi jiġu verifikati u riveduti sabiex jiġi aċċertat li mhemmx xi diskussjonijiet ta’ tilwim għaddejjin, xi arranġamenti għall-ħlas bin-nifs, jew xi raġunijiet oħra skedati fuq il-kont, u li allura permezz tagħhom ma jkolliex għalfejn issir is-sospensjoni tas-servizz. L-ordni ta’ sospensjoni tiġi riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tittieħed l-azzjoni neċessarja.

Maltin li jaħdmu l-Libja — Taxxa tad-Dħul

Question

Jista' l-Ministru jgħid peress li l-Maltin li jaħdmu l-Libja ma kenux iħallsu t-Taxxa tad-Dħul Malta, minn meta dawn l-istess ħaddiema bdew ikollhom iħallsu t-Taxxa tad-Dħul f'Malta? B'liema strument ġiet introdotta din it-Taxxa tad-Dħul ġdida għal dawn il-ħaddiema? Kemm hija r-rata tat-Taxxa tad-Dħul li biha qed ikollhom iħallsu dawn il-ħaddiema? Kemm daħħal s'issa u kemm qed jikkalkula li se jibda jdaħħal il-gvern minn din it-taxxa ġdida fuq dawn il-ħaddiema, fis-sena finanzjarja li fiha ġiet introdotta, f'dik kurrenti u fis-sentejn li ġejjin? Kemm huwa n-numru ta' ħaddiema li diġà ntlaqtu minn din il-miżura u kemm qed jikkakkula li se jintlaqtu fis-sena kurrenti u fis-sentejn li ġejjin? Din il-miżura kif affettwat kuntratti li kienu diġà in vigore, kemm dawk ta' xogħol bejn ħaddiema Maltin u l-employers tagħhom u bejn kuntratturi u ażjendi/Gvern Libjan? Din l-istess miżura kif se taffettwa l-kompetittività ta' kuntratturi Maltin li jridu jikkompetu ma' dawk barranin għal xogħol fil-Libja? X'kienet ir-raguni tal-gvern li ddeċieda li jintroduci din il-miżura?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

ħruq tal-mercaptan — kuntrattur

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 34318, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra din it-talba tal-Korporazzjoni Enemalta? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-offerta tal-kuntrattur li ngħata l-kuntratt? Il-kuntrattur ta' dan is-servizz li kien offra, x'servizz fil-fatt ta? Kemm spiċċat ħallset il-Korporazzjoni Enemalta għal dan is-servizz?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — tnaqqis baġitarju

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mit-tnaqqis baġitarju tal-€40 miljun tnaqqsu s'issa mill-Ministeru, dekasteri u entitajiet li jaqgħu taħtu xahar b'xahar sa Mejju 2012?

Response (FENECH, TONIO)

Il-Budget tal-Gvern jinħadem fuq bażi ta’ sena. Għalhekk nirreferi lill-Onor Interpellant għar-risposta tiegħi f’Mistoqsija Parlamentari Nru. 33202.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema f'kull segretarjat tal-Ministeru tiegħu li mhumiex civil servants? Xi grad għandhom? X'inhu xogħolhom?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fis-segretarjat tiegħi hemm żewġ (2) persuni li m’humiex civil servants jew impjegati ma’ xi entità tal-Gvern. Dawn huma impjegati bħala drivers.