Korsijiet tal-edukazzjoni tul il-ħajja — Livelli 1,2,3 tal-MQF
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma r-raġunijiet l-għala l-korsijiet tal-edukazzjoni tul il-ħajja offruti f'Malta għas-sena 2011-2012 se jkunu klassifikati fil-livelli 1, 2 u 3 tal-MQF? Tista' tgħid x'inhuma l-vantaġġi li se jiġu akkreditati f'dawn il-livelli?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-proċess biex il-korsijiet offruti mid-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja li ma jwasslux għal-ċertifikazzjoni uffiċċjali (bħal SEC, Matsec, City & Guilds, etc) ikunu mpoġġija fuq il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (EQF) u l-Qafas Malti tal-Kwalifiki (MQF) ilu li beda. Dan il-proċess għadu għaddej u jinvolvi ħafna xogħol u validazzjoni tal-kontenut, assessjar u rikonxximent tal-outcomes anke meta pparagunati ma’ korsijiet oħra simili kemm lokalment kif ukoll barra minn Malta.
Dan il-kunċett qed iġib miegħu bidla enormi ta’ kultura fil-mentalitá tan-nies li qed jitgħallmu u fl-edukaturi għall-adulti li qed jgħallmu. Il-vantaġġ hu li persuna li takkwista’ ċertifikat f’dawn il-ħiliet minn korsijiet bħal dawn jista’ jwassal biex wieħed jużah għal diversi skopijiet, fosthom biex javvanza fil-karriera tiegħu jew biex ikompli jistudja f’livell aktar avvanzat. Hemm ukoll il-fatt li kull forma ta’ tagħlim jinħtieġ li tibda twassal għal rikonoxximent fuq dan il-Qafas, liema rikonoxximent ikun anke fuq livell Ewropew.
Il-proċess beda, miexi b’ritmu tajjeb u qed kontinwament jiġi żviluppat biex jirrispondi aħjar għall-ħtiġjiet ta’ min qed jitgħallem. Wieħed ma jridx jinsa’ li għal ħafna korsijiet offruti mid-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja m’hemmx mudelli diġa stabbiliti li fuqhom jistgħu jiġu mfassalu.
Il-proċess jitlob ukoll it-taħriġ ta’ l-edukaturi għall-adulti.
Minkejja li d-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja ser joffri korsijiet li wasslu għal livell fuq l-EQF/MQF, l-adulti li jixtiequ jattendu dawn il-korsijiet tibqalhom l-għażla li jattendu għal kors mingħajr kwalifika jew li jieħdu ċertifikat ta’ attendenza.
Korsijiet tal-edukazzjoni tul il-ħajja f'Għawdex — Livelli 1,2 u 3 tal-MQF
Question
Tista' tgħid l-għala l-korsijiet tal-edukazzjoni tul il-ħajja offruti f'Għawdex mhux se jkunu offruti fil-livelli 1, 2 u 3 tal-MQF u dawk li se jattendu se jingħataw biss ċertifikati ta' attendenza u ċertifikat f'livell 1 tal-MQF ekwivalenti għaċ-ċertifikat li jingħata meta l-istudenti jtemmu l-iskejjel sekondarji?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Id-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja dejjem joffri korsijiet skont l-edukaturi għall-adulti li kull sena japplikaw biex jagħtu servizz ma’ dan id-Direttorat u skont it-talba li jkun hemm mill-adulti li japplikaw.
F’Għawdex hemm korsijiet li jwasslu għal diversi livelli. Dawn qed jiġu offruti għax hemm talba għalihom u għax hemm edukaturi għall-adulti li lesti jagħtu dan is-servizz. Hemm korsijiet li jwasslu għal SEC (MQF 2 u 3) u livell avvanzat (MQF 4).
Id-Direttorat huwa dejjem flessibbli li jekk ikun hemm talba għal xi korsijiet li ma jidhrux fil-Prospett annwali. Sakemm jinstabu edukaturi għall-adulti li lesti li jgħallmu, qatt ma kien hemm difikultá li korsijiet bħal dawn jinbdew.
Għawdex — Persuni mċaħħdin minn korsijiet offruti f'Malta
Question
Tista' l-Ministru tgħid għaliex l-Għawdxin qed jigu trattati bħala inferjuri u se jiġu mċaħħdin minn korsijiet tal-edukazzjoni tul il-ħajja offruti fil-livelli 2 u 3 tal-MQF?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Onor. Interpellant huwa assigurat li bl-ebda mod l-Għawdxin qed jiġu trattati bħala inferjuri u se jiġu mċaħħdin minn korsijiet tal-edukazzjoni offruti fil-livelli 2 u 3 tal-MQF.
Kif spjegat fil-mistoqsija parlamentari Nru. 28078, il-korsijiet għall-adulti li jiġu offruti dejjem ikunu skont edukaturi għall-adulti li jgħażlu li joffru dan is-servizz lid-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja. Jekk ikun hemm talba adekwata għal xi kors u jinstab edukatur għall-adulti li lest li joffri is-servizz, il-kors jinfetaħ, anke jekk mhux inkluż fil-Prospett.
Wieħed irid jirrimarka li waqt it-tnedija tal-Korsijiet għall-Adulti li Saret fis-17 ta’ Awwisu li għadda fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, għall-ewwel darba, inġabu għalliema biex juru lill-mezzi tax-xandir u lill-pubbliku x’qed isir anke ġewwa Għawdex. Id-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja dejjem ta l-istess importanza lit-tagħlim, kemm dak li jsir f’Malta kif ukoll dak li jsir f’Għawdex.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemmx talbiet għal learning sapport assistants għas-sena skolastika li se tibda?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Sa llum hemm 32 talba pendenti għal-
learning support assistants
għal din is-sena skolastika. Bħalissa qed isir il-proċess ta’ ingaġġ li xi kultant jiddependi minn persuni li jridu jaħdmu n-
notice period
sabiex jibdew l-impjieg il-ġdid tagħhom. In-numru ta’ talbiet ivarja kontinwament minħabba li Statementering Board jiltaqa’ kull ġimgħa.
Awtorità tad-Djar — units li minn għall-bejgħ issa qegħdin għall-kiri
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm units tal-Awtorità tad-Djar mill-2008 s'issa li minn għal bejgħ inbidlet l-iskema tagħhom u ngħataw b'kiri?
Liema kienu l-lokalitajiet? Kemm hemm
units
li huma ppjanati li tinbidlilhom l-iskema minn għal bejgħ u jsiru għal kiri? Kemm hemm
units
tal-Awtorità tad-Djar li se jkunu għall-bejgħ sal-2013? Liema lokalitajiet? Kemm hemm
units
tal-Awtorità tad-Djar ippjanati li jkunu għal kiri sal-2013? Liema lokalitajiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Awtorità tad-Djar mill-2008 sal-lum allokat 12-il appartament bil-kera li oriġinarjament kienu intiżi li jinbiegħu fil-lokalitajiet tal-Qawra, Żurrieq, Mrieħel, Kirkop, Pembroke, B’Kara, Marsaxlokk.
Huwa ppjanat li 25 fond li kienu se jinbiegħu jiġu issa mikrija lill-persuni fuq il-
waiting list
għall-akkomodazzjoni soċjali.
L-Awtorita’ tad-Djar bħalissa għandha 97 fond li eventwalment joħorġu għall-bejgħ fix-xhur li ġejjin. Dawn jinsab fil-lokalità ta’ Buġibba, Kirkop, Mellieħa, Mtarfa, Raħal il-Ġdid, Pembroke, Qawra, Tarxien, Żejtun u Żurrieq.
L-Awtorita’ tad-Djar qegħda tippjana li fil-futur jkollha 73 appartament ġodda li ser jiġu mogħtija bil-kera fil-lokalitajiet ta’ Mġarr, Valletta, Floriana u San Gwann.
Oltre
dan se jkunu hemm numru ieħor ta’ appartamenti li matul iż-żmien jiġu ritornati lill-Awtorità tad-Djar u dawn jerġgħu jinkrew mill-ġdid.
Tista' l-Ministru tgħid meta tpoġġiet l-ewwel ġebla tal-kumpless sportiv ta' Ħal Kirkop? Tista' tgħid ukoll meta se jkun lest/miftuħ sabiex jintuża mill-atleti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-ewwel ġebla tal-Kumpless Sportiv Kirkop tpoġġiet fit-30 t’April 2007. Ix-xogħol tal-kostruzzjoni (ġebel u saqaf) tlesta f’Ġunju 2009. Minn dakinhar kien hemm numru ta’ appelli u protesti ġudizzjarji minn kuntratturi li ma rebħux il-kuntratti biex il-post jitlesta minn kollox li tefgħu x-xogħol lura minn kif programmat. Ix-xogħol tat-tlestija beda f’Ottubru 2010. Il-Kumpless mistenni li jilqa’ l-ewwel sessjonijiet ta’ taħriġ u logħob lejn il-bidu ta’ Novembru li ġej.
Pixxina Nazzjonali — pjanijiet biex jitjieb l-operat
Question
Tista' l-Minsitru tgħid jekk hemmx xi pjanijiet sabiex l-operat tal-Pixxina Nazzjonali jitjieb?
Response (CRISTINA, DOLORES)
It-titjib fl-operat tal-Kumpless Sportiv tal-Qroqq huwa proċess kontinwu u dejjem iħares biex joffri l-aħjar servizz possibbli lill-klijenti tiegħu. F’dawn l-aħħar ġranet kien hemm żieda ta’ u riorganizzazzjoni tal-ħaddiema biex jgħinu fl-operat u tisħiħ tar-rabtiet mal-ASA biex il-proċess ikompli jitjieb.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-pjanijiet sabiex l-isquash courts li hemm fil-bini tal-Pixxina Nazzjonali, isirilhom dak ix-xogħol kollu neċessarju sabiex ikunu fl-aħjar kundizzjonijet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Wara studji li saru fuq is-sitwazzjoni tal-isquash courts se jinġiebu esperti minn kumpanija internazzjonali sabiex isir ix-xogħol neċessarju fl-isquash courts fil-Kumpless Sportiv f’Tal-Qroqq.
Għawdex — Kulleġġ tal-Edukazzjoni - faċilitajiet ġodda
Question
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 26415, tista’ l-Ministru tgħid jekk:
a) l-art sintetika f’nofs it-trakka ġietx magħżula sabiex tkun tajba għall-futbol,
hockey
u
handball
;
b) hux se jkun hemm
run-up
għal-
long jump
? X’tul;
ċ) hux se jkun hemm dritta ta’ 100m għall-isprint; u
d) wara l-lasti hux se jkun hemm żewġ
throwing circles
, waħda għax-
shot
u oħra għad-
discuss
(b’din tal-aħħar ikollha l-gaġġa neċessarja minħabba s-
safety
)?
Sabiex jgħallmu l-
high jump
, l-għalliema tal-edukazjoni fiżika se jkollhom jitilqu studenti oħra li jkunu qegħdin jipprattikaw
events
oħra ta’ atletika?
Response (CRISTINA, DOLORES)
a) Peress li t-tender għal ground sintetiku għadha ma ħarġitx qed isiru konsultazzjonijiet biex jiġi stabbilit x’tip ta’ art hemm bżonn biex tkun tista’ tintuża għall-futbol, hockey u handball.
b) Se jkun hemm run-up għal-long jump u t-tul se jkun dak skont kif jirrikjedu l-istandards.
c) Il-post ma jippermettix għal dritta ta’ 100m għall-isprint.
d) Kull dixxiplina li tiġi ntrodotta ser issir kif jitolbu l-istandards u r-regoli ta’ sigurtà.
Dwar l-aħħar mistoqsija, biex jgħallmu l-high jump, l-għalliema tal-edukazzjoni fiżika m’għandhomx għalfejn jitilqu lill-istudenti li jkunu qed jippratikaw events oħra.
Kors ta’ Food Preperation and Culinary Arts — ħlasijiet
Question
Tista' l-Ministru tikkonferma li dawk li matul l-aħħar xhur għamlu kors ta’ Food Preperation and Culinary Arts (Level 1) part-time fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi, li kien sussidjat mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, ġew informati li għat-tieni sena ta' dan il-kors se jkun hemm ħlas xi jsir ? Jekk fl-affermattiv, għaliex intalab dan il-ħlas u kemm huwa dan l-istess ħlas?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Food Preparation and Production Level 1 part-time mhuwiex kors ta’ sentejn iżda modulu ta’ sena. F’Ottubru li għadda l-istudenti bbenefikaw minn fondi Ewropej għal dan il-modulu kif ukoll għal moduli oħra. Il-modulu spiċċa f’Ġunju 2011.
Għal dawk li jixtiequ japplikaw għal moduli ġodda fl-2011, hemm ħlas ta:-
Food Preparation and Culinary Arts – Level 2
· Kitchen and Larder Intermediate – Theory and Practice - €400
· Pastry and Baking – Theory and Practice - €350
Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ qegħda fil-proċess ta’
tender
biex tingaġġa training provider biex joffri
programme
ta’ taħriġ fil-qasam tal-ospitalità li jinkludi Food Preparation and Culinary Arts li se jkunu provduti b’xejn.
Tista' l-Ministru tikkonferma li min japplika għal scholarship tal-iSTEPS u tal-MGSS irid ikollu degree bl-unuri? Jekk fl-affermattiv, tifhem il-Ministru li dan qed jagħmilha diffiċli għall-istudenti Maltin li jkunu jixtiequ jmorru jistudjaw barra minn pajjiżna u li saħansitra jkunu ġew aċċettati minn Universitajiet barranin?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Fil-każ ta’ STEPS u fil-każ ta’ MGSS, mhux bil-fors applikant irid ikollu
degree
bl-unuri biex tapplika.
Persuna li għandha degree ġenerali flimkien ma’ Diploma Post Graduate tista’ tapplika.
Fil-każ tal-MGSS, persuna li għandha degree ġenerali f’xi qasam fejn id-
degree
bl-unuri mhix offruta u din il-persuna tkun ġabet l-Ewwel Klassi, din il-persuna tista’ tapplika wkoll.
Skejjel li jużaw sistemi alternattivi ta' enerġija
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn skejjel tal-istat li jagħmlu użu minn sistemi li jużaw enerġija alternattiva u tgħid liema huma dawn l-iskejjel u f'kull każ kemm huwa l-persentaġġ tal-enerġija ġġenerata minn sorsi alternattivi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba hija hekk:
Isem tal-iskola Persentaġġ tal-enerġija minn PVs
Kulleġġ San Benedittu Skola Sekondarja Subien Kirkop 8%
Kulleġġ san Injazju Skola Sekondarja Subien Qormi 9.8%
Kulleġġ santa Margerita Skola Sekondarja Subien Cospicua 6%
Kulleġġ Santa Klara Skola Primarja Pembroke 100%
L-iskejjel huma wkoll attrezzati b’sistemi ta’
solar water heaters
. Bħalissa qiegħda ssir l-istallazzjoni tal-PVs fl-iskola l-ġdida sekondarja tas-Subien fil-Mosta (Żokkrija) kif ukoll fl-iskola l-ġdida sekondarja tas-subien fir-Rabat Għawdex.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kienu d-djar ġodda li pprovdiet l-Awtorità tad-Djar fl-2008, 2009 u 2010 rispettivament? Tista' tgħid f'liema lokalitajiet jinsabu dawn id-djar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-gvern għadux jaħdem fuq il-proposta li f'pajjiżna jkun hawn ground li jintuża għar-Rugby? Jekk fl-affermattiv, fejn se jsir dan il-ground u fiex wasal ix-xogħol fuqu? Meta qed ikun ippjanat li dan il-ground jibda jintuża?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Gvern qiegħed jaħdem biex ikun hemm
pitches
li jintużaw għal-logħba tar-
rugby
. Dawn il-
pitches
se jkunu inklużi fit-
technical briefs
tal-Marsa Sports Village u l-White Rocks Sports and Leisure Village. Iż-żewġ proġetti għadhom mhumiex konklużi.
Skola speċjalizzata tal-isport f'livell sekondarju
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk bħalissa teżistix skola speċjalizzata tal-isport f'livell sekondarju? Jekk fl-affermattiv, fejn tinsab din l-iskola u x'tip ta' korsijiet toffri?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Skola speċjalizzata fuq l-isport f’livell sekondarju ma teżistix f’dan il-mument. Però l-iskejjel kollha sekondarji joffru t-tagħlim tal-edukazzjoni fiżika kif ukoll attivitajiet sportivi ta’ dixxiplini diversi.
Xiri ta' xogħlijiet ta' artisti kontemporanji lokali
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet is-somma allokata kull sena matul l-2008, l-2009 u l-2010, b’mod rispettiv, għal xiri ta’ xogħlijiet ta’ artisti kontemporanji lokali? Kemm kienet in-nefqa attwali kull sena matul l-2008, l-2009 u l-2010, b’mod rispettiv ? Tista' tagħti lista tal-bini pubbliku li fih tpoġġew dawn ix-xogħlijiet? Tista' tagħti lista tal-artisti li tagħhom kienu x-xogħlijiet li nxtraw?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid fuq liema bażi l-gvern ħatar lill-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament bħala membru fuq il-bord tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ? Tista' tgħid jekk din hijiex nomina fuq bażi personali jew f'isem it-trade unions? Tista' tgħid jekk qabel din il-ħatra sartix konsultazzjoni mat-trade unions f'pajjiżna?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-ħatra hija fuq bażi personali fuq il-mertu tal-esperjenza u l-kompetenza tiegħu fil-materja. Il-Bord tal-ETC u bordijiet simili kemm-il darba kellhom jew għandhom diretturi u membri li għandhom esperjenza f'korpi kostitwiti, inkluż dawk trejdunjonistiċi.