Legislature:
Category:
Reset
Active:

informazzjoni dwar każijiet ta' serq

Question

Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' kemm kien hemm każijiet ta' serq u attentati ta' serq fis-snin 2006/07/08/09? F'liema lokalitajiet kienu u kemm kellhom żmien il-persuni li saru dawn is-serqiet u attentati ta' serq fuqhom u minn liema lokalitajiet kienu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 22547 u 22552 rispettivament.

Talba għal protezzjoni tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ntalbet il-protezzjoni tal-Pulizija matul is-sena 2010, x'kienu dawn il-każijiet u minn liema lokalitajiet kienu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika bill-mod kif qed jindika l-Onorevoli Interpellant. Kull min imur jagħmel rapport għand il-Pulizija ikun qiegħed b’xi mod jitlob l-assistenza tal-Pulizija, kemm jekk ir-rapport ikun ta’ natura kriminali, jiġifieri għax ikun sofra xi att kriminali, kif ukoll jekk ir-rapport ikun ta’ natura civili. Jista jkun ukoll li tintalab l-assistenza tal-Pulizija meta xi ħadd jitlef jew isib xi ħaġa.

talba għall-protezzjoni tal-Pulizija — informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jghid kemm-il darba ntalbet il-protezzjoni tal-Pulizija matul is-sena 2010 u jikkategorizza l-kazijiet li għalihom intalbet din il-protezzjoni? Jista' jgħid kemm kellu età u s-sess ta' min talab din l-protezzjoni?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 22842.

informazzjoni rigward persuni abbużati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ ta' persuni msawtin u abbużati fiżakament, sesswalment u abbuż ieħor ġew rapportati matul is-sena 2010? Jista' jikkategorizza kull tip ta' abbuż, l-età u s-sess tal-vittmi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif jidher fit-tabella t'hawn taħt:- Infurmat ukoll li n-numru ta' vittmi ma jirreflettux fin-numru ta' rapporti peress li każ wieħed jista' jinvolvi aktar minn vittma waħda.
Leg 11 PQ #23687 Sitting 319 2011-02-28 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Kunsill Lokali San Lawrenz — skandlu dwar skema tas-sistemi fotovoltaiċi

Question

Billi għadda żmien konsiderevoli minn meta feġġ l-iskandlu tal-allegati abbużi mill-iskemi ta’ sussidji fuq sistemi fotovoltaiċi ġewwa San Lawrenz, Għawdex li fihom kien hemm allegatament involut l-istess kunsill lokali, jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet tal-pulizija, aktar u aktar billi jidher li għadda żmien aktar minn xieraq biex il-pubbliku jiġi aġġornat dwar dan l-iskandlu li kien jinvolvi fondi pubbliċi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi din l-investigazzjoni għadha mhix konkluża.
Leg 11 PQ #23690 Sitting 319 2011-02-28 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Qorti tal-Familja — każi ta' separazzjoni pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm każi ta’ separazzjonijiet li għadhom pendenti sal-lum kemm quddiem il-Qorti tal-Familja kif ukoll permezz ta' kawżi pendenti fil-qrati Maltin?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ kawżi ta’ separazzjonijiet li għadhom pendenti sal-lum l-14 ta’ Frar 2011 quddiem il-Qrati Ċivili kemm f’Malta kif ukoll fil-Qorti t’Għawdex huwa kif imsemmi hawn taħt: 568 kawża kontenzjuża għal separazzjoni personali quddiem il-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja), Malta u 37 f’Għawdex. 536 każ ta’ separazzjoni personali li qegħdin quddiem il-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja) fi stadju ta’ Medjazzjoni, Malta u 15 fil-Qorti t’Għawdex. 61 każ ta’ separazzjoni bonarja quddiem il-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja) fi stadju ta’ Medjazzjoni, Malta u 4 fil-Qorti t’Għawdex. 10 kawżi kontenzjużi fi stadju ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Appell.
Leg 11 PQ #23717 Sitting 319 2011-02-28 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Moħqrija fuq Annimali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li matul is-sena 2010 tressqu l-Qorti Ġudizzjarja akkużati b'reati ta' moħqrija fuq l-annimali f'Malta u Għawdex separatament?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul l-2010, il-Pulizija bdiet proċeduri kriminali kontra 16-il persuna dwar każijiet ta' moħqrija fuq annimali li seħħew kollha f'Malta.
Leg 11 PQ #23718 Sitting 319 2011-02-28 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Prostituzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li matul is-sena 2010 tressqu l-Qorti Ġudizzjarja akkużati b'reati ta' prostituzzjoni f'Malta u Għawdex separatament?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul l-2010 il-Pulizija ressqet 105 persuna quddiem il-Qorti fuq akkuzi ta’ tlajjar għal skop ta’ prostituzzjoni, kollha f'Malta.
Leg 11 PQ #23719 Sitting 319 2011-02-28 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Traffikar ta' drogi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li matul is-sena 2010 tressqu l-Qorti Ġudizzjarja akkużati b'reati ta' traffikar ta' drogi f'Malta u Għawdex separatament?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Waqt li nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 22768, ninsab infurmat illi dawn il-persuni kienu 158 f'Malta u 2 f'Għawdex.
Leg 11 PQ #23720 Sitting 319 2011-02-28 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

abbuż sesswali fuq minorenni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li matul is-sena 2010 tressqu l-Qorti Ġudizzjarja akkużati b'reati ta' abbuż sesswali fuq minorenni f'Malta u Għawdex separatament?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul l-2010 il-Pulizija bdiet proċeduri kriminali quddiem il-Qorti kontra 39 persuna fuq akkużi relatati ma’ abbużi sesswali fuq persuni minuri, 31 Malta u 8 Għawdex.
Leg 11 PQ #23721 Sitting 319 2011-02-28 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

vjolenza domestika

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li matul is-sena 2010 tressqu l-Qorti Ġudizzjarja akkużati b'reati ta' vjolenza domestika f'Malta u Għawdex separatament?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul l-2010 ġew imressqa 682 każ ta’ vjolenza domestika quddiem il-Qorti tal-Familja, (sezzjoni kriminali) f’Malta u 36 każ quddiem il-Qorti tal-Familja (sezzjoni kriminali) f’Għawdex.
Leg 11 PQ #23722 Sitting 319 2011-02-28 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

vjolenza fuq l-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li matul is-sena 2010 tressqu l-Qorti Ġudizzjarja akkużati b'reati ta' vjolenza fuq l-anzjani f'Malta u Għawdex separatament?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul l-2010, il-Pulizja ressqet 47 persuna quddiem il-Qorti talli kkaġunat offiża gravi fuq persuni anzjani, ċioe 'il fuq minn 60 sena, 42 Malta u 5 Għawdex.

Każijiet ta' kuntrabandu ta' karozzi lussużi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk matul is-sena 2010 inqabdux każijiet ta' kuntrabandu ta' karozzi lussużi minn u lejn Malta?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra l-Pulizija ma kellha ebda każ ta' kuntrabandu ta' karozzi lussużi minn u lejn Malta.

persuni li daħlu illegali — età

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawk il-persuni li daħlu f'Malta u Għawdex matul is-sena 2010 b'mod illegali kienu nisa, tfal u żgħażagħ taħt il-35 sena?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra ma kien hemm ebda każ ta’ persuni li nqabdu jidħlu Malta b’mod irregolari. Però kien hemm żewġ okkazzjonijiet fejn il-Forzi Armati niżżlu Malta 47 persuna wara li d-dgħajjes li kienu fuqhom kienu f'diffikultà. Fost dawn kien hemm 5 nisa, tifel. Minnhom kollha, 29 kienu taħt il-35 sena.

Persuni li ngħataw status ta' refuġjat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawk il-persuni li daħlu f'Malta u Għawdex matul-is-sena 2010 ingħataw l-istatus ta' refuġjat?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi minn numru ta’ persuni li daħlu f’Malta b’mod irregolari bid-dgħajsa matul l-2010, 28 Somali applikaw għall-ażil. L-ebda minn dawn ma ngħata status ta’ refuġjat, però ingħataw forma oħra ta’ protezzjoni internazzjonali - protezzjoni sussidjarja.

Persuni — status ta' refuġjati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru tan-nies li daħlu f'Malta b'mod illegali u li għandhom l-istatus ta' refugjati? Jista' jgħid min japprova dan l-istatus u fuq liema kriterji?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi bejn l-2002 u l-2010, mal-149 persuna li daħlu bid-dgħajjes b’mod irregolari ingħataw status ta’ refuġjat. Il-kriterji biex tingħata stat ta’ refuġjat jinstabu fl-Att dwar ir-Refuġjati. Id-definizzjoni ta’ refuġjat hija persuna li “minħabba f’biża’ msejsa fuq ir-realtà li jista’ jiġi persegwitat għal raġunijiet ta’ razza, reliġjon, nazzjonalità, sħubija f’xi grupp soċjali jew fehma politika partikolari, ikun jinsab barra mill-pajjiż tan-nazzjonalità tiegħu u ma jkunx kapaċi jew, minħabba f’dik il-biża’, ma jkunx irid, jinqeda bil-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż; jew li, mingħajr ma jkollu nazzjonalità u filwaqt li jkun barra mill-pajjiż fejn soltu kien joqgħod, minħabba f’dawn l-avvenimenti, ma jkunx kapaċi jew, minħabba f’dik il-biża’, ma jkunx irid jerġa’ lura fih. L-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati huwa responsabbli għal proċess u d-deċiżjonijiet ta’ l-applikazzjonijiet għal ażil, kif stipulat fl-Att dwar ir-Refuġjati, amendat f’Lulju 2008, u l-Avviż Legali 243 ta’ l-2008 (Standards proċedurali fl-eżami ta’ applikazzjonijiet għal Status ta’ Refuġjat). L-Uffiċċju tal-Kummissarju tar-Refuġjati huwa marbut bl-obbligazzjoni meħuda minn Malta taħt il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra ta’ l-1951 relatata ma’ l-istatus tar-refuġjati u tal-Protokol ta l-1967, kif ukoll taħt l-obbligazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE (dwar standards minimi għall-kwalifika u l-istatus ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija), Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE (dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat) u r-Regolament ta’ Dublin. Jekk il-Kummissarju tar-Refuġjati jiddeċiedi li l-kundizzjonijiet biex jiddikkjara applikant li qiegħed ifittex ażil bħala refuġjat mhumiex milħuqa, jista’ jirrakkomanda lil Ministru biex jagħti lill-applikant protezzjoni sussidjarja. Dan jgħodd għal applikanti li qegħdin ifittxu ażil iżda ma laħqux il-kriterji meħtieġa, u jekk jiġu mibgħuta lura pajjiżhom jistgħu jsibu ruħhom f’periklu serju. Skont l-Att tar-Refuġjati (Artiklu 17 (1)) il-Kummissarju jista’ jkompli bir-rakkomandazzjoni anki f’każijiet fejn il-periklu serju iqum wara lid-deċiżjoni li ma tingħatax il-protezzjoni sussidjarja tkun meħuda.

status ta' refuġjat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kull kemm żmien l-istatus ta' refuġjat jista' jiġi revedut u x'inhuma l-kriterji biex isir dan?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-istatus ta’ Refuġjat jiġi mġedded kull tlett snin, sakemm il-kundizzjonijiet ta’ twaqqif, tneħħija jew irtirar huma applikati. Il-kriterji biex tingħata status ta’ refuġjat jinstabu fl-Att dwar ir-Refuġjati. Id-definizzjoni ta’ refuġjat hija persuna li “minħabba f’biża’ msejsa fuq ir-realtà li jista’ jiġi ppersegwitat għal raġunijiet ta’ razza, reliġjon, nazzjonalità, sħubija f’xi grupp soċjali jew fehma politika partikolari, ikun jinsab barra mill-pajjiż tan-nazzjonalità tiegħu u ma jkunx kapaċi jew, minħabba f’dik il-biża’, ma jkunx irid, jinqeda bil-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż; jew li, mingħajr ma jkollu nazzjonalità u filwaqt li jkun barra mill-pajjiż fejn soltu kien joqgħod, minħabba f’dawn l-avvenimenti, ma jkunx kapaċi jew, minħabba f’dik il-biża’, ma jkunx irid jerġa’ lura fih.

ażijiet ta' serq u attentati ta' serq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta' serq u attentati ta' serq matul is-sena 2010? F'liema lokalitajiet kienu u kemm kellhom żmien in-nies li saru dawn l-attentati fuqhom?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2010 in-numru ta' serq u attentat ta' serq kien ta' 7,769 u 515 rispettivament. Infurmat ukoll li dawn ir-reati saru madwar Malta u Għawdex u l-età tal-vittmi tvarja bejn 4 snin u l-101.
Leg 11 PQ #23488 Sitting 318 2011-02-23 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — fuel

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet l-ispiża fuq fuel għall-karozzi użati mill-Ministeru u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul is-sena 2010 xahar b'xahar?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi għalkemm il-konsum xahar b'xahar jista' jkun differenti, in-nefqa ta' fuel matul kull xahar tiddependi mill-kontijiet li jitħallsu f'dak ix-xahar. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #23618 Sitting 318 2011-02-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Opri tas-Sajd — serqiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet li ġew rapportati lill-Pulizija minn opri tas-sajd matul l-2010?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul l-2010 kellha 113 rapport ta' serq minn dgħajjes, però ma tinżammx statistika dwar it-tip tagħhom.