Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tal-Ippjanar – performance assessment tal-ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema snin sar l-assessment tal-performance tal-ħaddiema fl-Awtorità tal-Ippjanar mill-2013 'il hawn u jekk ġiex innotat tibdil fil-performance meta kien hemm ħaddiema li ħadmu bir-remote working?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess tal-prestazzjoni annwali tal-ħaddiema ilu jitħaddem mis-sena 1996. Permezz tiegħu jitkejjel l-output tal-ħaddiema li jaħdmu bir-remote working. L-Awtorità ma nnotat l-ebda tibdil fil-prestazzjoni ta’ dawn l-istess ħaddiema kkumparat mal-ħidma tagħhom mill-uffiċċju. Fi żmien il-pandemija, l-Awtorità kellha kważi nofs il-workforce tagħha jaħdmu remotely. Peress li sar investiment b’saħħtu fil-qasam tal-IT, l-operat tal-Awtorità seta’ jibqa’ għaddej.

Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema f'kull waħda mill-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li qed jaħdmu b'mod remotely? Jista' jelenka l-policy ġenerali għal kull entità f'dan ir-rigward u x'inhuma l-miri?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 937.

Pjan Lokali ta’ Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra soft copy tal-abbozz tal-Pjan Lokali ta' Għawdex li kien ħareġ għall-konsultazzjoni pubblika fl-2002?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Mellieħa – Triq il-Marfa — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi kollha kif approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar fuq l-applikazzjonijiet: PA/08852/17 ; PA/00319/19 ; PA/00306/19 ; PA/00898/20 u PA/04715/20 relatati ma’ xogħlijiet li jinsabu għaddejjin jew li diġà tlestew viċin l-Għajn tal-Mellieħa fiż-żona ta’ Triq il-Marfa fil-lokalità tal-Mellieħa?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba dwar PA 08852/17 u PA 00898/20 qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra filwaqt li ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-każ ta’ PA 00319/19 u PA 00306/19 ġejt infurmat li dawn ġew irtirati u PA 04715/20 għadha fil-proċess t’evalwazzjoni.

Pjazza tal-Mellieħa — proġett ta' tisbiħ - aċċessibilità għall-persuni b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-proġett ta' tisbiħ tal-Pjazza tal-Mellieħa hux se jkollu aċċessibiltà għall-persuni b'diżabilità, partikolarment dawk f'siġġu tar-roti għall-partijiet kollha tal-Pjazza? Jista' l-Ministru jgħidilna jekk hux ser tiġi istallata pjattaforma tas-siġġu tar-roti?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindirizza l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

San Pawl il-Baħar sal-Mellieħa — Toroq Alternattivi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 660, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid jekk hemmx pjanijiet għal rotta alternattiva minn San Pawl il-Baħar sal-Mellieħa, dan għaliex minbarra Telgħat ix-Xemxija, kemm il-Manikata u l-Imbordin mhumiex mibnija għall-influss tat-traffiku li jeżisti bejn San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita tal-Ippjanar m'għandha ebda applikazzjoni f'dan ir-rigward.

OHSA — working complement

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 427, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid il-working complement għall-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) u ċjoè x'inhu l-ammont ta' ħaddiema li jagħmlu spezzjonijiet bejn l-2013 u sad-data li titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Filwaqt li nitlob lill-Onorevoli interpellant biex jagħmel referenza għal mistoqsijiet parlamentari 2225 u 2226 għal figuri relatati ma’ spezzjonijiet u penali fejn hu l-każ, din hija l-lista tal-uffiċjali inkarigati kif mitlub. Sena Numru ta’ uffiċjali 2013 13 2014 11 2015 13 2016 15 2017 17 2018 15 2019 13 2020 13 2021 13 Sal-31.10.22 12 Minkejja li n-numru ta’ ħaddiema baqa’ prattikament l-istess, dan mhux rifless fl-ammont ta’ spezzjonijiet li żdied b’mod konsiderevoli kif indikat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 2225.

OHSA — Spezzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 428, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid kemm saru spezzjonijiet mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) u kemm spezzjonijiet irriżultaw fi proċeduri li rriżultaw li r-regolamenti ma ġewx osservati bejn l-2017 u l-2021?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Fil-perjodu msemmi, l-OHSA wettqet is-segwenti spezzjonijiet li wasslu għall-ħruġ ta diversi multi u t-teħid ta’ kawżi ġudizzjarji. Sena20172018201920202021 Numru ta’ spezzjonijiet30123738351149474159 Multi maħruġa539591354372780 Valur tal-multi maħruġa (€)175,000197,650159,000140,500297,750 Prosekuzzjonijiet mibdija176206970164 Numru approssimattiv ta’ spezzjonijiet li wasslu għal proċeduri *7157974513721316 * In-numru huwa approssimattiv għax jista jkun hemm spezzjonijiet li wasslu biex jinħarġu iktar minn multa waħda.

Penali fuq ksur ta' regolamenti ta' saħħa u sigurtà

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 429, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza u li issa ġiet riferuta lilu, u jagħti l-lista tal-penali u r-regolamenti miksura għal dawk li ma osservawx ir-regolamenti tas-saħħa u s-sigurtà fil-perjodu bejn l-2017 sal-2021?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

2017 2018 2019 2020 2021 Każijiet mibdija mill-OHSA quddiem il-Qorti tal-Maġistrati 176 206 97 0 164 Penali maħruġa mill-OHSA 539 591 354 372 780 Total ta’ multi maħruġa mill-OHSA (€) 175,000 197,650 159,000 140,500 297,750

Imwiet fuq il-post tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 430, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza u li issa ġiet riferuta lilu, u jagħti l-lista tal-imwiet fuq il-post tax-xogħol u s-settur fejn dawn ġew ikkawżati, kif ukoll il-korrimenti fuq il-post tax-xogħol u s-settur fejn dawn ġew ikkawżati fil-perjodu bejn l-2017 u d-data li fiha titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Fil-perjodu msemmi seħħew is-segwenti mwiet fuq ix-xogħol: Sena Numru ta’ fatalitajiet Settur 2017 1 1 Kostruzzjoni 2018 4 4 Kostruzzjoni 2019 3 3 Kostruzzjoni 2020 8 4 Kostruzzjoni, 2 Trasport u ġarr, 1 Manifattura, 1 Inċident waqt sewqan ta’ vettura fit-triq. 2021 9 8 Kostruzzjoni, 1 Servizzi 2022 13 6 Kostruzzjoni, 1 Immaniġġjar ta’ skart, 2 Servizzi, 1 Trasport u ġarr, 3 Inċident waqt sewqan ta’ vettura fit-triq Informazzjoni dwar korrimenti u s-settur fejn seħħew tinġabar mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, u mhux mill-OHSA.

Benefiċċji għal persuni b’diżabilità/għaqdiet volontarji relatati mal-bini

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk persuni b'diżabilità u għaqdiet volontarji jgawdux minn xi benefiċċju, bħal tnaqqis ta’ ħlasijiet, jekk japplikaw għal xi permessi relatati mal-bini? Jekk iva, x’benefiċċji għandhom, kemm-il persuna u għaqda volontarja gawdiet minn tali skemi matul l-2022, u min gawda minn tali skemi matul l-2022? Jista' l-Ministru jgħid jekk għall-2023, hux ser ikun hemm possibbiltà ta’ benefiċċji għal persuni b'diżabilità u għaqdiet volontarji jekk japplikaw għal xi permessi relatati mal-bini, u fiex jikkonsistu tali benefiċċji?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont il-Leġislazzjoni Sussidjarja 552.12 Regolamenti Dwar Ħlasijiet tal-Ippjanar tal-Iżvilupp, Regolament ( 2) "Bini Specjiali", jinkludi; istituzzjoni, klabb, soċjetà, jew organizzazzjoni oħra ta’ natura reliġjuża, kulturali, filantropika, sportiva jew ta’ natura soċjali, li ma tkunx tinkludi Dipartimenti tal-Gvern jew parastatali, bil-faċilitajiet meħtieġa biex tilħaq l-għanijiet tagħha, inklużi skejjel, ospizji, djar tax-xjuħ, sptarijiet u bini ieħor jew utilitajiet simili, meta l-istituzzjoni, klabb, soċjetà jew organizzazzjoni oħra tkun dikjarata bħala meħlusa mit-taxxa mill-Ministru responsabbli għall-finanzi f’regolamenti li jsiru għal dak il-għan. Dawn kollha jgawdu min tnaqqis tal- ‘’Ħlasijiet tal-Ippjanar tal-izvilupp’’ Skont Skeda 1, Kategorija B fl’istess Regolamenti, b’rata mnqassa u fissa ta’ €145.00 għal kull unita proposta. Fis-sena 2022 kien hemm erba’ każijiet fejn l- Awtorita’ applikat dan ir-regolament. L-applikanti kienu l- Parroċċa tal-Għasri, San Blas Therapeutic Community , The Eden and Razzett Foundation u The Scout Association of Malta.

Awtorità tal-Ippjanar – applikazzjonijiet u permessi approvati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet li daħlu l-Awtorità tal-Ippjanar mis-sena 2008 sal-lum, maqsuma sena b'sena? Jista’ jgħid ukoll kemm-il permess ġie approvat sena b'sena mill-2008 ’l hawn?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif bi twegiba għal din il-mistoqsija.

Xatt tax-Xgħajra – xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsiru t-tiswijiet neċessarji fl-ilqugħ tal-ħadid li hemm fix-Xatt tax-Xgħajra peress li partijiet minnu huma msadda sew?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tax-Xogħljiet Pubbliċi għaddej bil-preparamenti meħtieġa sabiex tibda t-tiswija jew il-bdil tal-puġġaman tal-ħadid li hemm fix-Xatt tax-Xgħajra.

Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar — CEOs

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 407 u jagħti n-numru ta' CEOs li huma impjegati mill-Gvern li jaqgħu taħt id-dekasteru rispettiv tal-Ministeru tiegħu u fejn huma impjegati? Jista' jagħti s-salarju li kull CEO rispettiv jitħallas u l-lista ta' benefiċċji allokati lil kull wieħed?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għandu żewġ CEOs kif indikat fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Raħal Ġdid – Irwejjaħ mill-inċineratur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex f’Raħal Ġdid qiegħed ikun hemm riħa persistenti li mhi xejn pjaċevoli, preżumibbilment ġejja mill-inċineratur u jindika x’passi ttieħdu biex din ir-riħa tieqaf?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindirizza l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Ħaż-Żabbar – Triq il-Farfett tal-Fejgel – skips tar-riċiklaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jara x’passi jistgħu jittieħdu sabiex jonqsu l-iskips ta’ riċiklaġġ, jew almenu jkun hemm iktar kontroll sikwit, fi Triq il-Farfett tal-Fejġel, Żabbar billi dawn qegħdin ikunu ta’ inkonvenjent kbir għall-ġirien u qed jiġbdu wkoll kwantità kbira ta’ ġrieden?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindirizza l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Awtorità tal-Ippjanar – Reviżjoni parzjali tal-Local Plans

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3245 u 2918 u jgħid kemm-il reviżjoni parzjali tal-local plans saret mill-Awtorità tal-Ippjanar (jew mill-MEPA), mill-2013 sal-lum? Min talab għal dawn ir-reviżjonijiet, ċjoè jekk, f'kull każ, kinux individwi jew kumpaniji privati, jew inkella xi entità tal-Gvern eċċ. li talbu għal dawn ir-reviżjonijiet? Fejn jinsabu l-postijiet li saru r-reviżjonijiet fuqhom? X'kienu r-reviżjonijiet li fil-fatt seħħew? Kemm hemm talbiet għal reviżjoni li għadhom pendenti, u għal liema lokalitajiet?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni kif mitluba hi diġà pubblika fuq il-websajt tal-Awtorità tal-Ippjanar. Waqt li nippreċiża li tali talbiet isiru mill-Ministeru jew mill-istess awtorità bil-kunsens tal-Ministeru, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dak mitlub.

Awtorità tal-Ippjanar – Users Committee — laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dati meta ltaqa' l-Users Committee fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar mill-1 ta' Jannar sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jgħid kemm kien hemm membri preżenti għal kull laqgħa?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninsab infurmat li l-Bord iltaqa’ darbtejn u għaż-żewġ laqgħat attendew sitt membri.

Awtorità tal-Ippjanar – applikazzjonijiet pendenti tal-Palazz ta’ Selmun, il-Lukanda Selmun Palace u l-Fortizza Campbell

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’applikazzjonijiet pendenti hemm mal-Awtorità tal-Ippjanar għal dak li jikkonċerna l-Palazz ta’ Selmun, is-Selmun Palace Hotel u l-Fortizza Campbell? Liema xogħol hemm applikazzjoni għalih quddiem l-Awtorità u f’kull każ f’liema stadju waslet din l-applikazzjoni? Għal kull wiehed minn dawn it-tliet siti, jista’ jagħti tagħrif dwar x’permessi hemm maħruġin mill-Awtorità tal-Ippjanar?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ applikazzjonijiet li jikkonċernaw il-Palazz ta’ Selmun, is-Selmun Palace Hotel u l-Fortizza Campbell bit-tagħrif kollu hekk kif mitluba mill-Onor. Interpellant għad-dispożizzjoni tagħha.