Legislature:
Category:
Reset
Active:

Santa Luċija — Triq Bice Mizzi Vassallo - Parking Bays Ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif ġew awtorizzati l-parking bays il-ġodda fi Triq Bice Mizzi Vassallo, f’Santa Luċija, għaliex huma ta’ periklu għall-ħajja u s-sigurtà ta’ terzi?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità tat-Trasport approvat it-talba tal-Kunsill sabiex dawn il-parkeġġi jitneħħew fis- 27 ta’ Awwissu 2025.

Laqgħat — Dati

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29762, jista’ l-Ministru jindika bil-preċiż id-dati tal-laqgħat li attenda u li ser jattendi għalihom?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li huwa previst li nattendi għal-Laqgħa tal-Kunsill tat-Trasport tal-4 ta’ Diċembru 2025.

Il-Gudja — Skema ta' Parkeġġ għar-Reisdenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-iskema ta’ parkeġġ għar-residenti fil-ħinijiet ta’ billejl, li ġiet applikata f’numru ta’ toroq fil-Gudja minħabba l-problema partikolari tal-Ajruport, tiġi estiża għal iżjed toroq, peress li l-problema oriġinali tidher li mxiet fit-toroq li ma jaqgħux taħt din l-iskema?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Triq li twassal għall-Girgenti — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn ix-xogħol fit-triq li twassal għall-Girgenti li qiegħed isir minn Infrastructure Malta, ilu jkaxkar ix-xhur biex jitlesta? Jista’ wkoll jagħti data effettiva meta dan ix-xogħol mistenni li jitlesta?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-imsemmija triq hija karreġġjata waħda (one-way). Matul id-diversi fażijiet ta’ xogħlijiet, inkluż dawk ta’ temp mhux favorevoli, kienet meħtieġa koordinazzjoni ma’ numru ta’ bdiewa tal-lokal li l-uniku aċċess għar-raba’ tagħhom hi propju din it-triq. Dan sabiex ma jkunx hemm waqfin mix-xogħol. Ix-xogħol mistenni li jitlesta sal-aħħar t’Ottubru li ġej.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Lulju 2025?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi – Chief Executive Officers

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23776, jista’ l-Ministru jgħid: (a) Kemm damu/ilhom fil-ħatra dawn iċ-Chief Executive Officers ta’ dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi u meta ser jispiċċa t-terminu tagħhom? (b) Kif ġew magħżula kull wieħed/waħda minn dawn iċ-Chief Executive Officers ta’ dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi, sena b’sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (ċ) X’kumpens finanzjarju u perkaċċi oħra ħadu/qed jieħdu kull wieħed/waħda minn dawn iċ-Chief Executive Officers ta’ dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi sena b’sena mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (d) Kemm-il siegħa fil-ġimgħa kienu/huma obbligati li jaħdmu dawn iċ-Chief Executive Officers ta’ dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi, sena b’sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (e) Liema kienu/huma dawk iċ-Chief Executive Officers ta’ dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi li kienu/huma wkoll impjegati full-time fis-servizz pubbliku, aġenziji, awtoritajiet u entitajiet tal-Gvern, ma’ min u f’liema kariga/grad, sena b’sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (f) Liema kienu/huma dawk iċ-Chief Executive Officers, ta’ dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi li kienu/huma wkoll impjegati full-time mal-privat, ma’ min u f’liema kariga/grad qegħdin, sena b’sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra ta’ ħatra u l-kuntratt ta’ dawn iċ-Chief Executive Officers?

Response (BONETT, CHRIS)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23776, il-perjodu li għalih ikun maħtur Kap Eżekuttiv huwa stabbilit fil-kuntratt li jistipula l-kundizzjonijiet tal-impieg.

CVA — Persuni li jibbenefikaw

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29150 u jgħid kemm persuni jibbenefikaw mill-eżenzjoni tal-iskema tas-CVA, għal xi raġuni jew oħra?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn l-1 ta’ Mejju 2024 u t-30 t’April 2025 kien hemm 39,099 vettura, li jinkludu wkoll il-vetturi elettriċi kollha, li bbenefikaw minn eżenzjoni mill-ħlas tas-CVA fil-Belt Valletta.

Ix-Xgħajra — Ftuħ ta’ triq bejn Triq Orlando għal Triq Spnott

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser tinfetaħ it-triq bejn Triq Orlando u Triq Spnott fix-Xgħajra?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Infrastructure Malta tkun tista’ tagħmel xogħlijiet hekk kif ikun sar l-iżvilupp u t-triq tkun iffurmata.

Awtorità tat-Trasport — Safety audits ta’ proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 26587, 27207, 27956 u 29586 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-proġetti f’Għawdex u Malta li għalihom saret talba lill-Awtorità tat-Trasport għal safety audit sal-aħħar ta’ Frar 2025? F’liema minn dawn saru rakkomandazzjonijiet għal titjib neċessarju, liema minnhom twettqu u liema minnhom għadhom ma twettqux?

Response (BONETT, CHRIS)

Ġejt infurmat li l-lista ta’ Road Safety Audits li qed taħdem fuqhom Transport Malta għal dawn l-aħħar sentejn hija kif ġej: · Triq Manuel Dimech c/w Mdina Road, Qormi · Triq l-Infetti, Mdina · Mtarfa Bypass · Marfa Road, Mellieħa · Luqa interchange · Kirkop tunnel airport interchange · Triq il-Power Station, Marsaxlokk · St Andrew’s Road, Pembroke · Pjazza tal-Mosta · Marfa Road, Għadira · Mrieħel Bypass with Triq in-Negozju · Msida Creek · Tal-Barrani · Ħal Far · Swieqi / St Julian’s Junction · Smart City link road · Mdina Road, Żebbuġ · Central Link Project · Nadur Kull proġett elenkat jinsab fi proċess ta’ awditjar.

Uffiċini tal-Gvern — Roof gardens

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29865 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika u jgħid kemm binjiet u uffiċini tal-Gvern għandhom roof garden?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi — Sindki u Kunsilliera

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li huma Sindki u Kunsilliera li jaħdmu mal-Ministeru tiegħu, inkluż fl-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Jista’ jispeċifika f’liema kunsilli lokali jaħdmu u x’inhu l-grad tagħhom mal-Ministeru? Jista’ jgħid ukoll kemm ilhom impjegati mal-Gvern jew mal-entitajiet relatati?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ġejt infurmat li mill-informazzjoni disponibbli hemm 9 impjegati fil-Ministeru, l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu li fl-aħħar elezzjoni tal-Kunsilli Lokali ġew eletti f’xi rwol f’xi Kunsill Lokali.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi – Sponsors, reklami, programmi tat-televiżjoni u prodotti/servizzi minn stazzjonijiet, production houses u producers privati — Nefqa

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23950, jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus mill-baġit tal-Ministeru tiegħu fi sponsors, reklami, programmi tat-televiżjoni u prodotti / servizzi minn stazzjonijiet, production houses u producers privati fis-sena 2024?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27788.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi — Direttivi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew jew huma mistennija jiġu implimentati mill-Ministeru tiegħu matul it-tieni nofs tal-2025? Jista’ jgħid ukoll liema għadhom pendenti sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawk id-Direttivi li d-data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni tagħha taħbat fit-tieni nofs tas-sena 2025 huma s-segwenti: Direttiva Skadenza Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2025/811 tad-19 ta’ Frar 2025 li temenda l-Anness I tad-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tiġi nnotifikata lis-sistemi tar-rapportaġġ tal-vapuri 19/11/2025 Direttiva (UE) 2023/2661 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Novembru 2023 li temenda d-Direttiva 2010/40/UE dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport 21/12/2025 It-traspożizzjoni ta’ dawn id-Direttivi għadha għaddejja.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi — Impjegati full-time u part-time

Question

Jista’ l-Ministru jagħti t-total tal-impjegati full-time u part-time, fi ħdan il-Ministeru tiegħu, inkluż dawk f’awtoritajiet, f’entitajiet u f’dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteri tiegħu?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninsab infurmat li mal-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, hemm 1309-il ħaddiem li jaħdmu full time u 22-il ħaddiem part-time.