Legislature:
Category:
Reset
Active:

Infrastructure Malta – tenders, direct orders u konċessjonijiet lil kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4090 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-tenders, direct orders u konċessjonijiet oħra li Infrastructure Malta tat lill-individwu li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament u/jew kumpaniji/joint ventures jew partnership li fiha kien involut (inkluż imma mhux limitat għal dawk mal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ukoll)?

Response (FARRUGIA, AARON)

Kif jaf l-Onor. Interpellant il-kollegi tiegħu talbu żewġ investigazzjonijiet dwar dak li qed jistaqsi hu. Għalhekk, fid-dawl li l-informazzjoni mitluba issa hi suġġett ta’ din l-investigazzjoni, ma jkunx għaqli li tiġi ppubblikata f’dan l-istadju. Dan fl-interess ukoll tal-investigazzjoni nnifisha.

Proposta tal-Metro – studji

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4091 u ċjoè: B’konnessjoni mal-istudji li ġew ippubblikati fuq il-Metro, jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar: a. il-mod u d-data tal-individwi/ditta/soċjetà/għaqda li ġie/ġew ingaġġati jagħmlu l-istess studju; u b. il-kopja tat-termini ta’ riferimenti/ingaġġar tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u/jew xi kumpaniji/ditta/individwi hekk ingaġġati?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari 22399 ta' XIII-il Leġiżlatura.

Mina mis-Swieqi/Pembroke għal Paceville

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4620 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3866, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal l-istudju msemmi minnu f’din it-tweġiba? Jista’ jgħid jekk hux informat li biex l-iżvilupp mill-kumpanija, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, iseħħ, l-Awtorità tal-Ippjanar għamlet din il-mina bħala kundizzjoni?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7031 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5153 u jgħid kemm għandu konsulenti fil-Ministeru tiegħu, f’liema entitajiet li jaqgħu taħtu, kemm dawn jitħallsu u x’inhuma l-kwalifiki tagħhom?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — email b’mistoqsijiet mingħand online news portals jew media houses

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il email b’mistoqsijiet mingħand online news portals jew media houses ta’ aħbarijiet lokali jew internazzjonali ma ġewx imwieġba mill-Ministeru tiegħu, u l-entitajieti/awtoritajiet li jaqgħu taħtu matul is-snin 2020, 2021, 2022 u Jannar u Frar 2023? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dawn l-emails bil-mistoqsijiet kollha li ġew mibgħuta mill-online news portals jew media houses, li ma ġewx imwieġba, għall-perjodu msemmi?

Response (FARRUGIA, AARON)

Bħala membri tal-Kabinett tal-Ministri norganizzaw b’mod regolari diversi konferenzi tal-aħbarijiet li matulhom mhux biss nispjegaw inizjattivi ġodda u nagħtu dettalji dwar il-kisbiet li jkun qed jagħmel il-pajjiż, iżda nagħtu wkoll opportunità lill-ġurnalisti jistaqsu dwar liema tema jridu. Irrid ngħid li l-ġurnalisti jikkonkorru u d-domandi jkunu diversi. Dan fl-istess ħin li jitwieġbu l-bosta domandi li jintbagħtu lill-Ministeru, liema risposti mbagħad jirrapportaw dwarhom il-mezzi tax-xandir. Isir sforz li sa fejn hu possibbli d-domandi kollha li jidħlu jitwieġbu. Inżid li mhux l-ewwel darba li domandi li jkunu daħlu bil-kitba jkunu eventwalment indirizzati fil-konferenzi tal-aħbarijiet li semmejt qabel.

Ħal Farruġ– Triq Ħal Farruġ – għoti ta’ wiċċ ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta Infrastructure Malta beħsiebha tagħti wiċċ ġdid fi Triq Ħal Farruġ, Ħal Farruġ hekk kif partijiet minnha jinsabu fi stat ħażin?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-snin li għaddew Infrastructure Malta lestiet xogħlijiet f’parti sostanzjali minn din it-triq (l-ewwel fażi). Ix-xogħol fit-tieni fażi, li se jikkonsisti f’servizzi ġodda, sistema tal-ġbir ta’ ilma u wiċċ ġdid ta’ asfalt, mistenni jibda hekk kif jitlesta l-proġett li għaddej bħalissa viċin l-Ajruport peress li din it-triq qed tintuża bħala rotta alternattiva in konnessjoni ma’ dan l-istess proġett.

Transport Malta — ċitazzjonijiet mill-enforcement officers

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4249, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid kemm inħarġu ċitazzjonijiet mill-enforcement officers ta' Transport Malta (TM), sena b'sena mill-2020 sal-lum? Kemm ġew kontestati u kemm minnhom revokati?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ kontravvenzjonijiet li nħarġu minn Transport Malta, mill-2020 sal-aħħar tas- sena 2022 jinsab fit-tabella t'hawn taħt: PQ 5980 - Kontravenzjonijiet Sena Kontravvenzjonijiet maħruġa 2020 15,287 2021 11,480 2022 24,500 Il-ħlasijiet kif ukoll il-kontestazzjoni ta’ kull kontravvenzjoni mhumiex amministrati mill-Awtorità ta’ Transport Malta u b’hekk l-informazzjoni rigward kemm il-kontravvenzjoni ma tħallsitx għandha tiġi indirizatta lill-Ministeru kkonċernat.

Transport Malta — Rabat - Immaniġġar tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6458 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5587, jista' l-Ministru jgħid meta saru dawn il-laqgħat u min kien preżenti?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-laqgħat qegħdin isiru frekwenti mas-Sindku u mas-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali tar-Rabat. Qed ikun hemm ukoll korrispondenza bejn il-Kunsill Lokali u l-Awtorità sabiex jitħaffef il-proċess.

Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — karozza uffiċjali u s-second car tiegħu

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6200 jista’ l-Ministru jgħid jekk ħariġx tender u mingħand min qed tinkera l-karozza msemmija? Jista’ jagħti wkoll l-istess informazzjoni fuq it-tieni karozza li juża bħala Ministru?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma nħarġu l-ebda tenders għall-għażla tal-karozza. Il-Ministru m’għandux it-tieni karozza.

Santa Luċija – Vjal l-Oleandri – traffic calming measures

Question

Jista' l-Ministru, b'kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali, jara li jittieħdu miżuri sabiex ikun hemm traffic calming measures fi Vjal l-Oleandri, Santa Luċija, minħabba li qed ikun hemm karozzi li qed jgħaddu b'veloċità għolja ħafna b'periklu għar-residenti?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta se tkun qed tikkomunika mal-Kunsill Lokali biex tevalwa l-bżonnijiet.

Birgu – asfaltar fit-triq ħdejn il-Fortini

Question

Jista’ l-Ministru jara jistax isir intervent fit-triq ħdejn il-Fortini, Birgu int u sejjer lejn il-Kalkara, li niżlet sew?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja b’taħdidiet mal-Kunsilli Lokali kollha biex isir pjan ta’ xogħol infrastrutturali fit-toroq residenzjali li se jkunu qed isiru f’kull lokalità matul is-snin li ġejjin. Dawn id-diskussjonijiet għadhom ma ġewx konklużi.

Transport Malta — parking bays għall-e-scooters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-pjan għall-parking bays tal-escooters u għaliex il-Gvern qed ikaxkar saqajh fuq din il-kwistjoni?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta għaddejja b'diskussjonijiet mal-kunsilli lokali u l-operaturi maġġuri.

Malta Freeport Terminals – irbit tal-vapuri mal-mollijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6716 u jgħid x'inhi l-policy, l-istandard jew il-prattika użata dwar kif (id-direzzjoni) jorbtu l-vapuri mal-mollijiet tal-Malta Freeport Terminals, għaliex ħafna drabi dawn jorbtu bil-poppa u għalhekk il-magni u l-ħsejjes ikunu l-eqreb lejn l-abitant? Hemm possibbiltà li din il-prassi tinbidel b'tali mod li l-ħsejjes ikunu l-aktar 'il bogħod mir-residenti, dejjem jekk l-istandards u r-regoli tal-marittimu u tas-sigurtà jippermettu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Birżebbuġa – Triq il-Port Ħieles – xogħol in-naħa tal-Freeport

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta beda u meta ser jitlesta x-xogħol fi Triq il-Port Ħieles Birżebbuġa n-naħa tal-Freeport?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ tħammil beda fl-aħħar xahar tas-sena l-oħra. Peress li dan ix-xogħol ikun affettwat kemm mill-maltemp kif ukoll mill-immanuvrar tal-vapuri li jidħlu fil-Freeport, Infrastructure Malta mhijiex f’pożizzjoni li tati data ta’ meta x-xogħol ser ikun komplut. F’dan ir-rigward, il-prijorità dejjem tingħata lix-xogħol tal-Freeport u mhux lil dak tat-tħammil sabiex l-operat tal-Freeport ikollu l-inqas impatt possibbli. (Korrezzjoni: Ara Dokument PL 1505 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, f'Seduta 100 tat-14 ta' Marzu 2023)

Birżebbuġa – Triq il-Karmnu u Triq Għar Ħasan – xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5501, jista' l-Ministru jgħid fiex waslet il-konsultazzjoni mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), x'kien l-intopp prinċipali u meta se jitlestew ix-xogħlijiet fi Triq il-Karmnu u Triq Għar Ħasan, Birżebbuġa, liema xogħljiet ilhom li bdew mis-sajf li għadda?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsultazzjoni mal-ERA nqasmet f’żewg fażijiet. Il-permess fuq il-parti tat-triq li ma tinsabx fuq Għar Ħasan ħareġ, ix-xogħol għaddej u mistenni jkun lest fiż-żmien li ġej. Dwar il-parti li tinsab fuq Għar Ħasan, qed isiru studji ġeoloġiċi u ġeotekniċi, b’konsultazzjoni mal-ERA. Dan sabiex waqt ix-xogħlijiet nassiguraw ruħna li l-inġenji u l-interventi ma jagħmlu l-ebda ħsara lil dan l-istess Għar.

Ħal Balzan – Triq il-Kbira

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tinqala' u ssir mill-ġdid Triq il-Kbira f’Ħal Balzan?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja b’taħdidiet mal-Kunsilli Lokali kollha biex isir pjan ta’ xogħol infrastrutturali f’toroq residenzjali li se jkunu qed isiru f’kull lokalità, inkluż f’Ħal Balzan, matul is-snin li ġejjin. Dawn id-diskussjonijiet għadhom għaddejjin.

Trasport pubblika – rifużjoni tal-flus maqbdua f’Tallinja Card

Question

B’referenza għall-inċentiva maħruġa minn dan il-Gvern li permezz tagħha llum il-ġurnata t-trasport pubbliku sar b'xejn, peress li huma bosta dawk li għandhom flus maqbuda f’Tallinja card (flus li mhux jintużaw), jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx indikazzjoni ta’ meta ċ-ċittadini ser ikunu qed jirċievu rifużjoni ta' dawn il-flus?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f seduta oħra.