Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Mistra – tiswijiet fl-islipway

Question

Jista’ l-Ministru jara li jibda l-proċess biex isiru t-tiswijiet li hemm bżonn fis-slipway tal-Mistra?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li wara li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura nħariġlu l-permess mill-Awtorità tal-Ippjanar biex isiru t-tiswijiet neċessarji, issa qed tiġi ppreparata sejħa għall-offerti. Hekk kif ikun hemm allokazzjoni tal-fondi neċessarji din is-sejħa għall-offerti tiġi ppubblikata.

Karozzi bil-permess Y

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mis-sena 2014 sal-lum kemm ħarġu permess Y?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mis-sena 2014 sal-lum ħarġu 223 permess bil-Y plate. It-tabella t’hawn isfel turi kemm ħarġu kull sena rispettivament. Sena Numru ta’ permessi 2014 20 2015 33 2016 21 2017 31 2018 91 2019 27

Bir id-Deheb – Roundabout — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jgħid x'inhu x-xogħol li qed isir mar-roundabout ta' Bir id-Deheb hekk kif toħroġ mill-bypass ta’ Ħal Għaxaq? Meta hemm pjan li jitlesta dan ix-xogħol?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ġimgħa ilu, Infrastructure Malta bdiet xogħol ta’ tiswijiet estensivi tar-roundabout ta’ Bir id-Deheb, bejn iż-Żejtun u Ħal Għaxaq, biex isaħħaħ il-pedamenti b’saffi tal-konkos, qabel ma tinkesha b’wiċċ t’asfalt ġdid. It-toroq li jagħtu għal dan is-salib it-toroq baqgħu aċċessibbli permezz ta’ devjazzjonijiet minn toroq qrib l-istess roundabout. Sabiex jonqsu d-diffikultajiet għal dawk li jivvjaġġaw f’dawn l-inħawi, ħafna mix-xogħol sar billejl. Tħaffer il-wiċċ tar-roundabout, sakemm inkixef il-materjal li bih kienu saru l-pedamenti tat-triq fil-passat. Peress li dan ma kienx b’saħħtu biżżejjed, wiċċ it-triq kien qiegħed iċedi u joħloq diffikultajiet għal dawk li jivvjaġġaw minn dawn l-inħawi. Dan il-materjal tneħħa biex minfloku tpoġġew saffi ta’ konkos b’saħħtu, biex jiflaħ għall-volum kbir ta’ karozzi li jużaw din l-arterja importanti. Waqt li kien għaddej dan ix-xogħol, saru wkoll trinek biex fihom tpoġġew cables tal-elettriku ġodda. Dawn saru biex tinħoloq kapaċità addizzjonali għall-elettriku, li jista’ jkun meħtieġ minn żviluppi ġodda fl-inħawi fiż-żmien li ġej, u b’hekk jiġi evitat li r-roundabout ikollha bżonn terġa’ tinqala’. Minħabba li l-maltemp li għamel fi tmiem il-ġimgħa ma ppermettiex li x-xogħol jissokta b’mod sigur għall-ħaddiema, ix-xogħol ippjanat għal tmiem il-ġimgħa li għaddiet kellu jiġi pospost għal-lejla, it-Tnejn 25 ta’ Frar. Matul il-lejl se jitqiegħdu l-ewwel saffi ta’ asfalt tal-wiċċ ġdid tat-triq. Jekk ma jkunx hemm diffikultajiet oħra ta’ maltemp, ir-roundabout tkun tista’ tinfetaħ mill-ġdid kmieni t-Tlieta filgħodu (26 ta’ Frar). Wara li r-roundabout tinfetaħ mill-ġdid, l-aħħar saff ta’ asfalt fil-karreġġjata tagħha jkun jista’ jsir fil-ġimgħat li ġejjin, f’xogħlijiet oħra li se jsiru mal-lejl meta jkun qed isir ukoll l-aħħar saff ta’ asfalt f’Dawret Ħal Għaxaq, waħda mit-toroq li jagħtu għall-istess junction, u li wkoll qed tinbena mill-ġdid minn Infrastructure Malta. F’Dawret Ħal Għaxaq, ir-rotta ewlenija bejn Ħal Tarxien, iż-Żejtun, Ħal Għaxaq u l-Gudja, Infrastructure Malta qed tibdel is-servizzi tal-ilma taħt il-livell tat-triq, tirranġa l-bankini, kif ukoll tagħmel sisien bil-konkos u saffi t’asfalt ġodda, bħalma sar fil-jiem li għaddew mar-roundabout. Billi t-triq hija twila madwar wieħed punt tmienja kilometri, ix-xogħol inqasam f’sezzjonijiet differenti. L-ewwel parti li qed issir hija n-naħa lejn Bir id-Deheb. Ix-xogħol jibqa’ sejjer sat-tarf l-ieħor fl-inħawi magħrufa bħala Ta’ Bettina, il-Gudja.

Bir id-Deheb – roundabout – traffic management

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jara li jkun hemm traffic management aħjar sakemm jitlesta x-xogħol li qed isir mar-roundabout ta’ Bir id-Deheb hekk kif toħroġ mill-bypass ta’ Ħal Għaxaq għax qed ikun hemm staġnar sħiħ ta’ karozzi f'diversi toroq tal-madwar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant tirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Numru 9132 tal-istess Seduta.

Pont f'Wied Qirda

Question

B’referenza għat-triq ġo Wied Qirda li ngħatat wiċċ tat-tarmak meta kienet irregolari għax timblokka l-wied u li l-Awtorità tal-Ippjanar, iddeċidiet ħesrem li għandha tapprova l-proġett u mhux talli hekk, imma talli titneħħa enforcement notice, u peress li dan ġie rrapportat mill-media, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni? Jista’ jgħid għalfejn l-ambjent naturali tal-wied ma kienx qed jiġi mħares? Jista’ jgħid jekk setax isir pont bejn naħa u oħra tal-wied, minflok li l-wied intradam u saret triq fuqu hekk kif jidher fir-ritratti li qed jingħataw separatament? Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni valida għalfejn sar dan l-isfreġju? Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jitneħħa kulma sar u jsir pont kif suppost?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ Infrastructure Malta fl-inħawi indikati kien biss il-bini mill-ġdid tal-wiċċ tat-triq eżistenti b’saffi ta’ asfalt aktar b’saħħithom u adekwati għall-ħtiġijiet tat-trasport tal-lum, bħal ma qed isir f’għexieren ta’ kilometri ta’ toroq fil-kampanja li jintużaw ta’ kuljum minn bdiewa u residenti tal-lokalitajiet fl-inħawi. Dan ix-xogħol ma kienx jinvolvi xogħol ta’ rdim jew bini ta’ toroq ġodda iżda bini mill-ġdid tal-wiċċ tat-triq eżistenti. Dik li qed tiġi indikata bħala “triq ġo Wied Qirda” hija fil-fatt triq ta’ aċċess li kienet diġà tidher fis-survey sheets tal-1968. Fl-istess waqt, fil-passat inħarġu permessi ta’ żvilupp fuq siti li għandhom l-uniku aċċess tagħhom minn dan l-istess aċċess. Fl-istess waqt, jidher li l-passaġġ tal-ilma tax-xita tal-istess wied m’huwiex imblukkat. Għaldaqstant, l-avviż tal-infurzar li jgħid li “ġiet iffurmata diga [dam] u trejqa li qed taqsam l-istess wied” ġie rtirat peress li kien inħareġ fuq premessi mhux korretti. Sadanittant, Klassi 3(ii) kurrenti tal-Ordni dwar in-Notifikazzjoni dwar Żvilupp (Leġiżlazzjoni Sussidjarja 552.08) teżenta lill-entitajiet Governattivi mill-bżonn li jġibu permess għal “twessigħ, titjib jew manutenzjoni ta’ toroq eżistenti”, bħalma hu l-każ in kwistjoni.

Pembroke – proprjetajiet tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'proprjetajiet għandu l-gvern f'Pembroke mingħajr ma jindika l-isem u d-dettalji personali tal-persuni li għandhom il-pussess tal-imsemmija proprjetajiet? Jista' jgħid f'liema triq jinsabu dawn il-proprjetajiet, x'inhu l-użu ta' kull proprjetà, jekk humiex mogħtija b'enfitewsi, b'kirja, b'encroachment, b'tolleranza jew b'titolu prekarju lil terzi u kemm huwa l-ammont ta' ċens, kirja jew xort'oħra li jitħallas lill-gvern kull sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn ħames domandi mressqa jitlobu ammont qawwi ta’ riżorsi umani u ħin, u għalhekk huma meqjusa bħala umanament impossibbli. Ikun aktar għaqli li l-ħin u r-riżorsi utilizzati għal dan il-għan, minflok jiġu utilizzati fuq xogħol aktar effettiv u produttiv.

Baħar iċ-Ċagħaq limiti tan-Naxxar – proprjetajiet tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'proprjetajiet għandu l-gvern f'Baħar iċ-Ċagħaq fil-limiti tan-Naxxar mingħajr ma jindika l-isem u d-dettalji personali tal-persuni li għandhom il-pussess tal-imsemmija proprjetajiet? Jista' jgħid f'liema triq jinsabu dawn il-proprjetajiet, x'inhu l-użu ta' kull proprjetà, jekk humiex mogħtija b'enfitewsi, b'kirja, b'encroachment, b'tolleranza jew b'titolu prekarju lil terzi u kemm huwa l-ammont ta' ċens, kirja jew xort'oħra li jitħallas lill-gvern kull sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn ħames domandi mressqa jitlobu ammont qawwi ta’ riżorsi umani u ħin, u għalhekk huma meqjusa bħala umanament impossibbli. Ikun aktar għaqli li l-ħin u r-riżorsi utilizzati għal dan il-għan, minflok jiġu utilizzati fuq xogħol aktar effettiv u produttiv.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Propetti Kapitali — Nisa f'pożizzjoni ta' tehid ta' deċiżjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 8769 u 8563 u ċjoè: Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nisa f’pożizzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet u dipartimenti li jaqgħu taħtu li jaħdmu bħalissa, mill-grad ta' Prinċipal 'il fuq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-servizz pubbliku kollu fil-preżent hemm 5,445 mara f’pozizzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-grad ta’ Principal jew ‘il fuq. Fl-2008 kien hemm 4,900. Fit-top management tas-servizz pubbliku, minn skala 1 sa skala 5, waqt li llum hemm 426 mara, fl-2008 kien hemm 195. Għal dawk li huma entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Propetti Kapitali, illum hemm 193 mara f’pożizzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-grad ta’ Prinċipal jew ‘il fuq.

Transport Malta – ħruġ ta’ liċenzji ta’ sewqan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi t-tariffa mitluba minn Transport Malta għal ħruġ ta’ liċenzji ta’ sewqan li jkollhom bżonn ta’ verifika ta’ tim mediku?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ma titlob l-ebda forma ta’ ħlas żejjed minn klijenti li jkollhom bżonn riferimenti mediċi għal kwalunkwe raġuni.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali – użu ta’ private jet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba għamel użu minn private jet fl-2017, 2018 u 2019 sad-data li tkun imwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F’każ affermattiv, kemm kienet l-ispiża u fejn kienet id-destinazzjoni?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-snin 2017, 2018 u 2019 m’għamilt l-ebda użu minn private jet. Matul ix-xhur tal-Presidenza kont mistieden nakkumpanja lil Prim Ministru fuq ‘Tour De Capitals’. Rigward spejjeż nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija fuq PQ 8433 tas-Seduta 197.

Tas-Sliema – proprjetajiet tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'proprjetajiet għandu l-gvern f'Tas-Sliema mingħajr ma jindika l-isem u d-dettalji personali tal-persuni li għandhom il-pussess tal-imsemmija proprjetajiet? Jista' jgħid f'liema triq jinsabu dawn il-proprjetajiet, x'inhu l-użu ta' kull proprjetà, jekk humiex mogħtija b'enfitewsi, b'kirja, b'encroachment, b'tolleranza jew b'titolu prekarju lil terzi u kemm huwa l-ammont ta' ċens, kirja jew xort'oħra li jitħallas lill-gvern kull sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn ħames domandi mressqa jitlobu ammont qawwi ta’ riżorsi umani u ħin, u għalhekk huma meqjusa bħala umanament impossibbli. Ikun aktar għaqli li l-ħin u r-riżorsi utilizzati għal dan il-għan, minflok jiġu utilizzati fuq xogħol aktar effettiv u produttiv.

San Ġiljan – proprjetajiet tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'proprjetajiet għandu l-gvern f'San Ġiljan mingħajr ma jindika l-isem u d-dettalji personali tal-persuni li għandhom il-pussess tal-imsemmija proprjetajiet? Jista' jgħid f'liema triq jinsabu dawn il-proprjetajiet, x'inhu l-użu ta' kull proprjetà, jekk humiex mogħtija b'enfitewsi, b'kirja, b'encroachment, b'tolleranza jew b'titolu prekarju lil terzi u kemm huwa l-ammont ta' ċens, kirja jew xort'oħra li jitħallas lill-gvern kull sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn ħames domandi mressqa jitlobu ammont qawwi ta’ riżorsi umani u ħin, u għalhekk huma meqjusa bħala umanament impossibbli. Ikun aktar għaqli li l-ħin u r-riżorsi utilizzati għal dan il-għan, minflok jiġu utilizzati fuq xogħol aktar effettiv u produttiv.

Gżira – proprjetajiet tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'proprjetajiet għandu l-gvern fil-Gżira mingħajr ma jindika l-isem u d-dettalji personali tal-persuni li għandhom il-pussess tal-imsemmija proprjetajiet? Jista' jgħid f'liema triq jinsabu dawn il-proprjetajiet, x'inhu l-użu ta' kull proprjetà, jekk humiex mogħtija b'enfitewsi, b'kirja, b'encroachment, b'tolleranza jew b'titolu prekarju lil terzi u kemm huwa l-ammont ta' ċens, kirja jew xort'oħra li jitħallas lill-gvern kull sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn ħames domandi mressqa jitlobu ammont qawwi ta’ riżorsi umani u ħin, u għalhekk huma meqjusa bħala umanament impossibbli. Ikun aktar għaqli li l-ħin u r-riżorsi utilizzati għal dan il-għan, minflok jiġu utilizzati fuq xogħol aktar effettiv u produttiv.

Proġett tas-Central Link

Question

B’referenza għall-proġett tas-Central Link, jista’ l-Ministru jgħid: a. kemm huwa n-numru ta' bdiewa, sew full-time kif ukoll part-time , li sejrin jitilfu, jew se jkunu milquta fix-xogħol tagħhom kemm direttament kif ukoll indirettament bħala bdiewa; b. kemm-il tomna raba' maħduma se tinqered minħabba dan il-proġett; c. kemm-il ġibjun li jaħżen l-ilma, riżors li qed isir aktar rari u mfittex minn ġurnata għall-oħra, se jinqered biex jagħmlu wisgħa għal dan il-proġett; u d. kemm-il siġra se tinqered biex ukoll tagħmel wisgħa għal dan il-proġett?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li Central Link Project huwa investiment importanti għal ambjent u kwalità ta’ ħajja aħjar fiċ-ċentru tal-pajjiż, permezz tal-bini mill-ġdid u t-titjib tar-rotta sħiħa bejn l-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan, Ħ’Attard u Ta’ Qali, lejn Ħaż-Żebbuġ, il-Mosta, r-Rabat u l-Imġarr. Permezz tiegħu ser jitneħħew erba’ sistemi ta’ traffic lights u diversi bottlenecks, fosthom id-diffikultà ta’ Triq in-Nutar Zarb, fejn dawk kollha ġejjin min naħa tal-Mosta, Ta’ Qali u r-Rabat jkollhom jgħaddu minn lembut ta’ korsija waħda dejqa bil-bini maż-żewġ naħat. Ser jitneħħew ukoll ostakli li saru minn amminstrazzjonijiet preċedenti meta fl-inħawi ta’ Wied Inċita ċċekknu l-karreġġjati billi twessgħu is-central strips. Bħalissa, dawn l-ostakli fir-rotta arterjali użata minn madwar 30,000 vettura kuljum qed joħolqu diffikultajiet kbar fl-ivjaġġar. Qed jolqtu ħażin ukoll lir-residenti ta’ Ħ’Attard, Ħal Balzan u Birkirkara, speċjalment minħabba l-ammont kbir ta’ karozzi li jgħaddu mit-toroq residenzjali dojoq fejn jgħixu, b’aktar riskji ta’ aċċidenti, kif ukoll storbju u tniġġis tal-arja. Il-proġett jinkludi wkoll il-bini ta’ aktar minn 10 kilometri ta’ bankini u passaġġi għall-mixi, l-itwal korsija għar-roti maqtugħa mit-triq li qatt kien hawn f’Malta, bejn l-Imrieħel u Ta’ Qali, faċilitajiet aktar sikuri għal dawk li jivvjaġġaw bit-trasport pubbliku u aktar minn 19,000 metru kwadru ta’ żoni bis-siġar u pjanti oħra (landscaped areas). Wara konsultazzjonijiet estensivi li saru mar-residenti tal-inħawi, għaqdiet mhux governattivi u entitajiet oħrajn, il-pjanti tal-proġett komplew jiġu rfinuti sabiex ikomplu jiżdiedu l-benefiċċji għal dawk li jużaw dawn it-toroq, u partikolarment għar-residenti tal-lokalitajiet tal-madwar fosthom Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard. Dawn il-pjanti finali ġew sottomessi lill-Awtorità tal-Ippjanar bħala parti mill-proċess biex jiġu deċiżi l-permessi tal-iżvilupp meħtieġa. Tagħrif dwar l-impatti pożittivi jew negattivi li dan il-proġett se jkollu fuq l-inħawi, fosthom dettalji dwar l-agrikoltura is-siġar u l-ambjent naturali, jinsabu fl-istudji tekniċi li saru minn esperti indipendenti bħala parti mill-proċess tal-environmental impact assessment (EIA), li sar bi tħejjija għat-twettiq ta’ dan l-investiment. Dawn l-istudji kollha ġew ippubblikati mill-Awtorità Maltija tal-Ambjent u Riżorsi fil-ġimgħat li għaddew u jistgħu jinkisbu minn dan is-sit: www.era.org.mt L-istudju dwar l-impatt ambjentali (EIA) jikkonferma li s-Central Link Project kif qed ikun propost huwa l-aktar soluzzjoni effettiva u sostenibbli biex jonqos il-ħin tal-ivvjaġġar f’din ir-rotta ewlenija bejn l-Imrieħel u Ta’ Qali u titjieb il-kwalità tal-ajra fil-lokalitajiet tal-madwar. Jindika wkoll illi jekk ma jsirx it-titjib meħtieġ fit-toroq eżistenti biex ilaħħqu mad-domanda tat-trasport ta’ bħalissa u dik futura, fi żmien għaxar snin din ir-rotta ewlenija tiġġamja kompletament (completely gridlocked), b’konsegwenzi serji fuq il-kwalità tal-arja fl-inħawi. Wara li ġew ikkunsidrati proposti alternattivi dwar kif jista’ jiġi mtejjeb in-netwerk ta’ toroq fiċ-ċentru tal-pajjiż, l-istudju identifika l-pjan kif propost minn Infrastructure Malta bħala l-aħjar għażla kemm biex ikun hemm titjib fil-kwalità tal-ajra kif ukoll biex jitnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar. Ikkonferma wkoll li bis-Central Link Project se tonqos b’57% l-art agrikola li kienet se tittieħed oriġinarjament kieku sar il-proġett li kien ġie ppjanat 13-il sena ilu għall-istess żona, bħala parti mill-Pjan Lokali għaċ-Ċentru ta’ Malta. Il-pjan tal-2006, li qatt ma twettaq, diġà kien indika li l-konġestjoni tat-traffiku fi Triq l-Imdina, Triq in-Nutar Zarb u toroq oħrajn fil-viċinanzi bħala problema kbira għal-lokalità ta’ Ħ’Attard u oħrajn fil-qrib. L-istudju jikkonferma li dawn il-problemi għadhom qed jolqtu eluf ta’ persuni u li jekk ma tinbidilx l-infrastruttura preżenti, se jkomplu sejrin għall-agħar. Fil-fatt, l-EIA juri li kemm-il darba ma jsirx it-titjib propost fis-Central Link Project, sas-sena 2030 il-ħin tal-ivvjaġġar fl-inħawi jiżdied bi 2.8 darbiet aktar fil-ħinijiet ta’ filgħodu u 4.4 darbiet aktar waranofsinhar, waqt li sal-2045 dan ikompli jiżdied għal 8.1 u 7.8 darbiet aktar rispettivament. L-istudju dwar il-kwalità tal-arja, li huwa bbażat fuq monitoraġġ tal-arja li sar is-sena li għaddiet f’diversi nħawi matul ir-rotta, juri l-effetti ħżiena li din il-konġestjoni severa tħalli fl-arja tal-madwar. Kieku l-proġett ma jsirx, it-trab iswed u l-emissjonijiet tad-dijossidu tan-nitroġenu fl-arja, inkluż f’Ħ’Attard u Ħal Balzan, jiżdiedu b’ 104% u 35% rispettivament sal-2030 u b’ 229% u 86% sa ħmistax-il sena wara. It-trab iswed u d-dijossidu tan-nitroġenu huma l-akbar żewġ sorsi ta’ tniġġis ikkaġunat mill-emissjonijiet tal-karozzi. Bis-Central Link Project tkun eliminata l-konġestjoni ta’ bħalissa fit-toroq u l-junctions fl-inħawi u dan iwassal għal tnaqqis medju fit-trab iswed ta’ 42% sal-2030 u 60% sal-2045, anke meta tikkunsidra ż-żieda li se jkun hawn fit-trasport. Bl-istess mod huwa proġettat li l-emissjonijiet tad-dijossidu tan-nitroġenu jonqsu bi 15% fl-2030 u bi 30% fl-2045.

Ħal Tarxien / Santa Luċija – underpass

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-proġett tal-underpass ġewwa Ħal Tarxien/Santa Luċija? Jista’ jgħid jekk ħarġux it-tenders? Jista’ jgħid jekk ġewx awarded? Meta hu ppjanat li jibda x-xogħol infrastrutturali?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett tal-bini mill-ġdid tar-roundabout ta’ Santa Luċija biex taħtha jitħaffru żewġ mini li jgħaqqdu Vjal Santa Luċija ma’ Triq tal-Barrani jinsab fl-aħħar fażijiet ta’ ppjanar sabiex fiż-żmien li ġej ikun jista’ jibda x-xogħol infrastrutturali meħtieġ b’kordinazzjoni ma’ għadd ta’ proġetti ewlenin oħra li Infrastructure Malta qed twettaq fl-inħawi. Ir-roundabout ta’ Santa Luċija hija junction importanti li minnha jgħaddu eluf ta’ persuni fis-siegħa sabiex jaslu minn u lejn in-naħa t’isfel ta’ Malta. Hija wkoll wieħed mill-aċċessi ewlenin għal Santa Luċija, Ħal Tarxien u Raħal Ġdid. Permezz ta’ dan il-proġett, ser jitħaffru żewġ mini sabiex dawk li jivvjaġġaw minn u lejn Triq tal-Barrani u Vjal Santa Luċija ma jkollhomx għalfejn jieqfu u jduru mar-roundabout, kif inhi s-sitwazzjoni bħalissa. Fuq dawn il-mini ser tinbena mill-ġdid ir-roundabout b’disinn aħjar, sabiex persuni li jgħixu jew jaħdmu Santa Luċija, Ħal Tarxien u Raħal Ġdid ikollhom aċċess aktar sikur, u b’inqas dewmien, għal dawn il-lokalitajiet. Fl-istess waqt, il-proġett se jkompli jżid l-infrastruttura ġdida għal mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi, permezz ta’ korsija maqtugħa għaliha mit-triq għall-mixi u r-roti. Din il-korsija se tingħaqad ma’ faċilitaijiet simili li qed jinbnew fil-Marsa Junction Project u l-proġett tal-bini mill-ġdid ta’ Triq Ħal Luqa, biex tinħoloq rotta ta’ korsiji għar-roti u l-mixi sikura bejn il-Gudja, Santa Luċija, Ħal Tarxien, Raħal Ġdid u l-Marsa. Il-permessi tal-iżvilupp biex jitwettaq dan il-proġett ħarġu s-sena li għaddiet, wara li tlestew il-konsultazzjonijiet u l-istudji tekniċi meħtieġa. Fl-istess waqt, kien għaddej ukoll il-proċess tal-għażla tal-kuntratturi li se jwettqu l-proġett. Wara li ntemmet l-aġġudikazzjoni tal-offerti mitfugħa, kien hemm proċeduri ta’ appelli. Għalhekk, il-proċess tal-għażla għadu ma ġiex iffinalizzat. It-twettiq ta’ dan il-proġett qed jiġi ppjanat u kkordinat mal-Marsa Junction Project u mal-bini mill-ġdid ta’ Triq Ħal Luqa, sabiex jiġi żgurat li x-xogħol infrastrutturali jkun jista’ jsir bl-inqas diffikultà lill-eluf ta’ persuni li jivvjaġġaw minn dawn ir-rotot ewlenin fin-nofsinhar ta’ Malta. Fil-fatt, ħafna mix-xogħol tal-proġett tar-roundabout ta’ Santa Luċija jkun jista’ jibda wara li jitlestew xogħlijiet relatati li għaddejjin bħalissa fi Triq Ħal Luqa u fis-sit fejn qed jinbnew is-seba’ flyovers tal-Marsa Junction Project.

Xogħlijiet f’binja

Question

Jista’ l-Ministru jinvestiga l-kwalità ta’ xogħol, l-inkonvenjenza, il-ħsara u l-periklu li jeżisti fil-binja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Buildng Regulations Office (BRO), l-ebda Organizazzjoni Governattiva fi ħdan il-Ministeru ghat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali m’għandha responsabbiltà għall-kwalità ta’ xogħol f’imkejjen privati. L-Uffiċċju għar-Regolament tal-Bini ħa nota tal-allegat inkonvenjent, ħsara u periklu.

Mellieħa u San Pawl il-Baħar – fish farms

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jew le jekk fl-ibħra fiż-żoni tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar, il-Gvern hux qed jikkunsidra b’mod favorevoli li jżid aktar fish farms u jekk iva, jista’ jindika preċiżament fejn?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Mellieħa u San Pawl il-Baħar – fish farms

Question

Jista’ l-Minisitru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra studji li setgħu saru mill-awtoritajiet konċernati dwar l-impatt ambjentali dwar żieda ta’ aktar żoni għal fish farms fl-ibħra fl-akkwati tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru kkonċernat.

Fgura – Trasport Pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li r-residenti tal-Fgura jiġu pprovduti b’Trasport Pubbliku, fejn ix-xarabank tibda r-rotta vojta mill-Fgura, u dan peress li r-residenti tal-Fgura qed isibu xarabanks mimlijin jew kważi mimlijin fir-rush hours?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li ttieħdet nota ta’ dan is-suġġeriment għal aktar kunsiderazzjoni.

Awtorità għat-Trasport f’Malta — Tbattil ta’ effluent f’bowsers

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk l-Awtorità għat-Trasport f’Malta torbotx lil dawk li għandhom liċenzja biex iġorru turisti/passiġġieri bil-baħar sabiex l-effluent jitbattal f’bowsers mal-wasla tagħhom lura max-xatt? Jista’ jgħid x’verifiki jsiru biex dan ma jintremix max-xatt bil-lejl?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Trasport, l-bastimenti kummerċjali li jġorru l-passiġġieri fosthom turisti għandhom obbligi skont il-liġi li ma jiddisponux mill-effluent fil-portijiet u viċin il-kosta. Barra minn hekk l-Awtorità ħejjiet dokument li jissejjaħ Code of Practice for the Safety of Commercial Vessels, li għandu s-saħħa ta’ liġi, li fih diversi miżuri li għandhom jittieħdu mis-sid jew mill-operatur u l-kaptan tal-bastiment u li fosthom hemm ukoll prekawzjonijiet biex jitnaqqas kull tip ta’ tniġġiż. L-Ispetturi tal-Port jagħmlu diversi spezzjonijiet relatati mas-sigurtà tal-bastiment u fost oħrajn jivverifikaw kif jiġi dispost l-effluent minn dawk il-bastimenti li għandhom holding tank. Il-bastimenti li jġorru massa kbira ta’ passiġġieri bħal tal-Gozo Channel ikollhom id-discharge valve issiġġillat biex jiġi aċċertat li l-effluent ma jintremiex il-baħar. Dawn il-bastimenti/operaturi għandhom arranġamenti skont il-liġi biex jbattlu l-effluent ġo bowsers sabiex jittieħed ġo faċilità approvata li tirċievi dan il-materjal jew jiġi dispost fis-sistema tad-drenaġġ prinċipali wara li jinħareġ permess mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.