Legislature:
Category:
Reset
Active:

Raħal Ġdid - Ċentru tas-Saħħa Vincent Moran - Persuni li ngħataw servizz

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li ngħataw servizz fiċ-Ċentru tas-Saħħa Vincent Moran f’Raħal Ġdid mill-ftuħ tiegħu sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ wkoll jagħti elenku tas-servizzi varji li ngħataw?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari 30393 u 30394.

MDD - Ħażna u d-distribuzzjoni tal-mediċini

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar il-pjanijiet biex jitjiebu l-loġistika tal-ħażna u d-distribuzzjoni tal-mediċini mill-MDD (Medical Distribution Department) lejn l-ispiżeriji tal-Gvern?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li hemm sistema ċentrali fejn d-data tal-entitajiet għanda tgħaddi għal fuq is-sistema ċentrali u hekk l-ordni u d-distribuzzjoni tkun iktar eżatta. Din hija sistema teknoloġika li qegħda tiġi ttestjata.

Nuqqas ta’ mediċini essenzjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il pazjent kien affettwat b’mod dirett minħabba nuqqas ta’ mediċini essenzjali fl-aħħar sena, u liema passi ta’ mitigazzjoni ttieħdu għal dawn il-pazjenti?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minkejja d-diffikultajjiet fid-distribuzzjoni nternazzjonali ta’ ċerti medċini, is-CPSU (li tforni l-mediċini lill-oqsma kollha tas-saħħa nazzjonali), tagħmel minn kollox biex tara li l-mediċini jkunu fornuti lill-pazjenti.

Mediċini ġeneriċi

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kif il-Gvern qed jindirizza l-problema ta’ mediċini ġeneriċi kontra dawk ta’ marka, u kif qed jiġi assigurat l-aħjar valur għall-pazjent u għall-istat?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kif diġà spjegajt anke f’dan il-Parlament, mediċina ġenerika hi bijoekwivalenti għall-mediċina tal-marka. Dan ifisser li l-mediċina ġenerika trendi l-istess ammont ta’ sustanza attiva fid-demm matul l-istess perjodu ta’ ħin, biex b’hekk tiżgura li l-mediċina ġenerika taħdem fil-ġisem bl-istess mod bħall-mediċina oriġinali. Mediċini ġeneriċi. Inkluż dawk manifatturati f’Malta, jsegwu l-istess Regolamenti tal-UE fir-rigward tal-kwalità, sikurezza u effettività. Nenfasiżża L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tappoġġa l-użu tal-mediċini ġeneriċi. Għaldaqstant ma nistax nifhem, għala qed jitkompla jintefa’ dan id-dubju dwar l-użu ta’ mediċini ġeneriċi.  Milli jidher, l-Oppożizzjoni mhux qed tifhem li meta qed jintefgħu dawn id-dubju, qed jinħoloq alarm, li għandu effett psikoloġiku fuq l-eluf ta’ pazjenti li jagħmlu użu minn dawn il-mediċini ġeneriċi.  M’hemm ebda bażi xjentifika biex jintefa’ dan id-dubju. Is-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubbliku, l-Awtorità Maltija tal-Mediċini kif ukoll Aġenzija Ewropea tal-Mediċini (EMA), diġa ddikjaraw pubblikalment li mediċina ġenerika fiha l-istess sustanza attiva bħall-mediċina ta’ referenza. Ma’ din it-tweġiba, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tal-istqarrija maħruġa mill-Awtorità Maltija tal-Mediċini u mis-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika, liema stqarrija ħarġet fil-5 ta’ Ottubru 2025.

Mediċina - Proċess ta’ tendering

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-proċess ta’ tendering għall-provvista tal-mediċini, inkluż jekk hux qed jiġi kkunsidrat li jiġu involuti aktar minn fornitur wieħed għal mediċina partikolari biex jitnaqqas ir-riskju ta’ nuqqasijiet?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li iċ-CPSU isegwu proċess ta’ tendering kif jitolbu ir-regolament tal-public procurement.  Dawn huma miftuħa għall-fornituri kollha. Infurmat li hemm diskussjonijiet biex wieħed jara jekk għal xi mediċini ġodda jistax xi kultant jintuża proċess differenti.  Dan irid ikun fl-ambitu tal-liġijiet ta’ Malta u Ewropej.

Mediċina - Emergency stock

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx mekkaniżmu nazzjonali ta’ “emergency stock” biex jiġi żgurat li mediċini essenzjali qatt ma jispiċċaw mill-istokk?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li ċ-CPSU għandhom stockpile ta’ sitt xhur għall-mediċina kollha ibbażżata fuq l-użu tal-prodott.  Is-sitwazzjoni tal-konsum hija dinamika u moniteraġġ huwa kontinwu biex jinżamm l-ammont approvat.

Lista Nazzjonali tal-Mediċini - Żieda fil-mediċina

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm-il mediċina ġdida żdiedet mal-Lista Nazzjonali tal-Mediċini fl-aħħar sentejn, u f’liema kategoriji ta’ mard jintużaw dawn il-mediċini?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 29220.

Mental Health First Aid Course - Taħriġ għall-ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħaddiema taħt il-Ministeru tiegħu ġew imħarrġa fuq saħħa mentali permezz tal-Mental Health First Aid Course, u jaqsam din l-informazzjoni f’numri u f’persentaġġi?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nrreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 30047.

Kunsilli Lokali - Terapija għas-Saħħa Mentali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kunsill lokali talab biex ikun parti mill-inizjattiva tat-terapija għal persuni li għandhom bżonn għajnuna għas-saħħa mentali u kemm minn dawn it-talbiet intlaqgħu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirrefri lill-Onor. Interpellant sabiex jirrefri l-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Kunsilli lokali - Terapija għas-Saħħa Mentali - Baġit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-baġit marbut mal-għajnuna f’terapiji fil-qasam tas-saħħa mentali li tingħata fil-kunsilli lokali u kemm minnu ntuża sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jaqsam din l-informazzjoni sena b’sena?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kif tħabbar waqt it-tnedija tal-inizjattiva mal-Kunsilli Lokali għal servizzi fil-komunità fir-rigward tas-saħħa mentali, il-Gvern alloka għal dan il-proġett baġit ta’ €4.5 miljun.

Pazjent bil-kundizzjoni tal-Hidradenitis suppurativa

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30601, jista’ l-Ministru jgħid x’azzjoni ser tittieħed fl-immedjat sabiex il-pazjent li għandu l-kundizzjoni Hidradenitis Suppurativa, li formalment irrapporta li kellu problema bil-prodott ‘Hyrimoz’, jingħata t-trattament u l-kura meħtieġa mingħajr effetti mhux mixtieqa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li għaddej il-proċess biex jinxtara prodott alternattiv tal-istess prinċipju attiv ‘adalimumab’, imma wieħed tat-tip li jkun ħieles minn dak l-ingredjent partikolari (eċċipjent) li jinsab fil-‘Hyrimoz’, liema ingredjent huwa mifhum li kkawża xi diffikultajiet f’dan il-pazjent partikolari.

Djar tal-anzjani - Lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani fuq il-lista ta’ stennija biex jidħlu fid-djar tal-anzjani?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li bħalissa hemm 1,467 anzjan fuq il-lista ta’ stennija għad-dħul f’dar residenzjali. Matul l-aħħar tliet xhur, ġew sottomessi 564 applikazzjoni ġdida. Barra minn hekk, isir kull sforz sabiex tinxtara kull sodda disponibbli fis-suq privat.

Nuqqas ta’ mediċini - Kawżi prinċipali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar liema huma l-kawżi prinċipali tan-nuqqasijiet ta’ mediċini (eż. kwistjonijiet ta’ forniment internazzjonali, nuqqas ta’ pjanar tal-akkwist, jew dewmien fl-approvazzjoni ta’ ordnijiet)?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant, li l-Gvern kontinwament jaħdem biex ma jkunx hemm mediċini out of stock. Sfortunatament minħabba raġunijiet li ma jkollniex kontroll fuqhom, bħal ta’ forniment internazzjonali, ikun hemm istanzi fejn ċertu mediċini ma jkunux disponibbli. Qed ikun hemm każijiet oħra li minħabba problemi internazzjonali, pajjiż iħalli kwota ‘żgħira’ toħroġ minn pajjiżu.  Ikun hemm ukoll fornitur/i li ma jwasslux l-ordni fil-ħin.  Jiġru każijiet fejn kien hemm żieda straordinarja ta’ xi prodott mediċinali li ma jkunx antiċipat. Inserraħ ras lill-Onor. Interpellant li ċ-CPSU jagħmel minn kollox li hu skond ir-regoli tal-akkwist pubbliku, biex ma jkunx hawn medċini out of stock.

Operazzjonijiet elettivi – Listi ta’ stennija - Sistemi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’teknoloġiji jew sistemi ġodda qed jiġu introdotti biex itejbu l-ippjanar u l-ġestjoni tal-listi ta’ stennija għal operazzjonijiet elettivi?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li diġà hemm sistema ċentralizzata għal-lista ta’ stennija u l-Ministeru qed jikkonsulta mal-awtoritajiet tal-IT sabiex jiġu introdotti teknoloġiji u software aktar avvanzat u modern.

Operazzjonijiet elettivi – Target Nazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx target nazzjonali (eż. massimu ta’ ġranet ta’ stennija) għal ċerti tipi ta’ operazzjonijiet elettivi, u jekk Malta hix qed tilħaq dawn il-miri?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li t-target huwa diġà stipulat fiċ-Charter tal-Pazjenti.

Operazzjonijiet posposti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba kien hemm pazjenti li kellhom l-operazzjoni tagħhom posposta minħabba nuqqas ta’ sodod jew nuqqas ta’ riżorsi umani f’dawn l-aħħar sentejn?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li kien hemm 5 drabi. L-operazzjonijiet saru fl-iqsar żmien possibli u ma kienux każijiet urġenti.