Legislature:
Category:
Reset
Active:

Heritage Malta – Karozzi tal-linja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar minnhom dawk il-50 karozza tal-linja jew aktar li kienu nxtraw minn Heritage Malta u li sa ftit tas-snin ilu kienu għadhom jintużaw? Jista’ jgħid ukoll fejn qegħdin dawn il-karozzi tal-linja llum?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li Heritage Malta qatt ma xtrat karozzi tal-linja.

Proġett tal-Mużew ta’ Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-proġett tal-bini tal-Mużew ta’ Għawdex, li ilu ħafna snin li nbeda, baqa’ ma tlestiex? Jista’ wkoll jagħti dettalji dwar kemm kienet l-istima oriġinali u kemm intefqu flus s’issa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-proġett tal-Mużew ta’ Għawdex jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għal Għawdex. Heritage Malta qed tikkontribwixxi bl-esperjenza u l-kompetenza tagħha fir-rigward tal-aspett mużewoloġiku tal-proġett.

Proġett tal-Palazz tal-Belt — Nefqa

Question

Fid-dawl li l-Ministru qal pubblikament diversi drabi li l-proġett tal-Palazz tal-Belt sewa €40 miljun, jista’ l-Ministru jipprovdi lista tal-kuntratti u l-valur tagħhom, u jekk kull wieħed minn dawn sarx b’tender jew direct order? Jista’ jgħid ukoll kemm hi l-figura eżatta tal-flus li ntefqu fuq dan il-proġett?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li n-nefqa totali tammonta għal €40,439,674.30. Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Ix-Xgħajra — Kunsill Lokali - Ftehim dwar l-art tal-madwar tal-grawnd tal-futbol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx xi ftehim mal-Kunsill Lokali tax-Xgħajra dwar l-art fil-madwar tal-grawnd tal-futbol fix-Xgħajra?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali tax-Xgħajra m’għandux ftehim dwar l-art fil-madwar tal-grawnd tal-futbol.

Kerċem — Proġett tal-Għadira ta’ San Raflu

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29301 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28906, jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-proġett tal-Għadira ta’ San Raflu f’Kerċem?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Kerċem li l-ispiża għal dan il-proġett kienet ta’ €108,617.19 (VAT inkl.)

Imtieħen — Rapporti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29302 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28908, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx rapporti dwar l-imtieħen f’pajjiżna?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob l-Onor. Interpellant ikun aktar ċar għal-liem mtieħen qed jirreferi peress li ma ngħatat l-ebda informazzjoni ġdida.

Bormla — Kappella tal-Madonna tas-Sokkors

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28886 u jgħid jgħid jekk il-Kappella tal-Madonna tas-Sokkors f’Bormla hijiex tinfetaħ u jekk hijiex qed tiġi kkurata? Jista’ jgħid ukoll jekk huwiex possibbli li l-faċċata tagħha tinżamm f’kundizzjoni aħjar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Bormla li l-Kappella tal-Madonna tas-Sokkors bħalissa mhux qed tinfetaħ għall-pubbliku u hemm il-ħsieb li jinbeda proċess għad-devoluzzjoni biex eventwalment tkun ikkurata.

Għajn Dwieli — Tempji ta’ Kordin

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28887, jista’ l-Ministru jgħid jekk jikkunsidrax li mis-sena li ġejja t-Tempji ta’ Kordin f’Għajn Dwieli, magħrufa wkoll bħala Kordin III, jibdew jinfetħu kuljum?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li Kordin III jinfetaħ għal open days, attivitajiet speċjali organizzati mill-aġenzija, kif ukoll b’appuntament għal gruppi jew individwi li jixtiequ jżuruh. Peress li huwa sit relattivament żgħir, b’kumplessi neolitici oħra ferm ikbar minnu viċin tiegħu, mhux sostenibbli u l anqas hu meħtieġ li jinfetaħ kuljum.

Forti ta’ Delimara

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28888, jista’ l-Ministru jgħid jekk jikkunsidrax li mis-sena li ġejja, il-Forti ta’ Delimara tibda tinfetaħ kuljum?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Forti ta’ Delimara jinfetaħ għal Open Days, attivitajiet speċjali organizzati mill-aġenzija, kif ukoll b’appuntament għal gruppi jew individwi li jixtiequ jżuruh. Barra minn hekk, fadal iktar xogħlijiet x'isiru. Ukoll wieħed irid jikkunsidra li fortizzi oħrajn jinsabu miftuħin kuljum.

Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali –  Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Ġunju 2025?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali – Karozzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’karozza għandu għall-użu uffiċjali tiegħu, jekk hix mixtrija mill-Gvern jew b’kera mill-privat, u f’każ li nxtrat mill-Gvern kemm inxtrat u jekk qiegħda bil-kera, kemm hi din il-kera kull xahar? Jistax il-Ministru jgħid ukoll jekk għandux il-fakultà tat-tieni karozza jew car allowance apparti l-karozza uffiċjali għal użu tiegħu? Jekk fl-affermattiv, x’tip ta’ karozzi huma (ditta) u jekk hux electric vehicles jew taħdimx bi fuel konvenzjonali u jekk f’każ ta’ fuel konvenzjonali, kemm intuża fuel kull xahar minn kull karozza minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk jintuża fuel konvenzjonali għal dawn il-karozzi, minn fejn jinxtara l-fuel għalihom? Jekk għandu l-fakultà tal-użu tat-tieni karozza jew car allowance, min jagħmel użu minn din il-karozza meta l-Ministru jkun qed juża l-karozza uffiċjali tiegħu u jekk din il-karozza nxtratx mill-Gvern jew hix mikrija mill-privat u jekk f’każ li hi mikrija kemm titħallas kera kull xahar għal kull karozza u jekk mixtrija mill-Gvern kemm kienet l-ispiża biex inxtrat kull karozza? Jista’ l-Ministru jgħid ukoll jekk kull karozza tinżammx f’garaxx meta ma tkunx użata, u jekk tinżamm f’garaxx titħallasx kera għal tali garaxx (f’każ li titħallas kera, kemm hu l-ammont ta’ din il-kera fix-xahar għal tali garaxx u min hu l-benefiċjarju ta’ tali kera?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-karozza għall-użu uffiċjali tiegħi hija tat-tip Mercedes-Benz E220D u hija mikrija mill-privat għall-€1,000 (VAT eskluż) fix-xahar filwaqt li ma nagħmilx użu mit-tieni karozza.

Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali – Ċitazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu qattx qala’ ċitazzjoni (traffic fine) minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk fl-affermattiv, fuq liema karozza ħarġet tali ċitazzjoni, min kien qed isuq il-karozza u x’pożizzjoni għandu fil-Ministeru tiegħu, kemm ammontaw fi flus dawn iċ-ċitazzjonijiet u minn min tħallsu dawn iċ-ċitazzjonijiet; jekk hux mill-persuna li għamlet il-kontravenzjoni jew minn fondi pubbliċi?

Response (BONNICI, OWEN)

L-Onor. Interpellant diġà staqsa dwar dan u tajtu tweġiba f’interpellanza parlamentari 23541 fejn irreferejtu għall-proċedura applikabbli.

San Pawl il-Baħar — Ġnien Anton Buttigieg

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-art li fuqha hemm il-Ġnien Anton Buttigieg fi Triq Parades, f’San Pawl il-Baħar, hijiex proprjetà tal-Gvern? Jista’ wkoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-site plan li turi l-konfini tal-proprjetà li hija tal-Gvern f’dan il-post?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra site plan li tindika li l-propjetà msemmija hija tal-Gvern u l-konfini tal-propjetà li hija tal-gvern bl-aħmar kif mgħoddija lili mil-Lands Authority.

Ħal Qormi — Ġnien Vjal de la Cruz - Proġett

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29164 u jgħid meta se jibda l-proġett li hemm ippjanat fi Ġnien Vjal de la Cruz, Ħal Qormi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi qed jistenna l-ħruġ tal-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar għall-proġett tal-Walking Track ippjanata fil-Ġnien Vjal de la Cruz.

Il-Marsa — Bus shelters

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29157 u jgħid xi pjanijiet hemm għall-installazzjoni ta’ bus shelters fil-Marsa? Jista’ jgħid ukoll fejn u meta hu mistenni li jiġu installati iktar bus shelters fil-Marsa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Marsa li fil-preżent m’għandux applikazzjonijiet għal Bus Shelters ġodda.

Sound Stage

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 28967 u 29147 u jgħid min iddiżinja s-Sound Stage li għamel referenza għalih l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, waqt il-laqgħa tal-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi nhar l-14 ta’ Mejju 2025? Jista’ jgħid ukoll jekk saritx sejħa pubblika għal dan id-disinn u kemm ġie jiswa?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Kummissjoni tal-Films — Cultural Test - Programmi lokali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29125 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28994, jista’ l-Ministru jagħti spjegazzjoni ċara għaliex hemm diskrepanza bejn l-informazzjoni u l-figuri mogħtija fl-istess tweġiba ma’ dawk imħabbra fuq il-portal tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-iState Aid Transparency Public Search?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Palazz ta’ Selmun — Qanpiena tal-kampnar

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentaru 29145 u jgħid meta ser jitlesta r-restawr fuq il-qanpiena li kienet tinsab mal-kampnar tal-Palazz ta’ Selmun u jekk hemmx xi żmien stipulat meta din ser titpoġġa lura fil-post oriġinali tagħha?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li x-xogħol meħtieġ għadu ma tlestiex peress li l-qanpiena kellha partijiet strutturali neqsin li jridu jinħadmu mill-ġdid.

Ix-Xgħajra — L-art madwar il-grawnd tal-futbol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-art li tinsab madwar il-grawnd tal-futbol fix-Xgħajra hix tal-Gvern jew ta’ xi entità oħra?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Art indikata fil-mistoqsija parlamentari hija tal-Gvern fejn biċċa tidher li mhix mikrija dokument immarkat Land 2 u biċċa oħra hija mikrija lill-Kunsill Lokali tax-Xgħajra dokument immarkat Land 1. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti indikati.

Ix-Xgħajra — L-art madwar il-grawnd tal-futbol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet għall-art ta’ madwar il-grawnd tal-futbol fix-Xgħajra?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li Sport Malta applikat għall-allokazzjoni ta’ dan is-sit, liema applikazzjoni ġiet approvata u qegħdin fil-proċess tad-drafting tal-agreement. Sadanittant daħlet applikazzjoni mingħand il-Kunsill lokali tax-Xgħajra sabiex jitolbu Grant Consent biex japplikaw għall-PA Permit biex jagħmlu embellishment f’dan is-sit. Peress li l-Awtorità tal-Artijiet approvat li dan is-sit jigi allokat lil Sport Malta, l-istess Awtorità talbet lil Kunsill Lokali tax-Xgħajra sabiex jiksbu no objection mingħand Sports Malta.