Legislature:
Category:
Reset
Active:

Raħal Ġdid — Valletta Road - partijiet tat-triq li ċedew

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta ħaditx passi dwar il-fatt li Valletta Road f’Raħal Ġdid, spiċċat ċediet f’partijiet tagħha (quddiem il-ħabs) bir-riżultat li ftit xhur biss wara li tlestiet, diġà tinsab fi stat perikoluż għas-sewwieqa? Jekk ittieħdu passi, jista' jindika x’passi ttieħdu u jekk ma ttieħdu l-ebda passi, jista' jindika għalfejn dan in-nuqqas? Min se jagħmel tajjeb għall-ispejjeż li hemm biex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħol fi Triq il-Belt Valletta, f'Raħal Ġdid, kien jikkonsisti minn resurfacing u mhux kostruzzjoni mill-ġdid tal-imsemmija triq. Minkejja dan, Transport Malta xorta waħda qiegħda f'komunikazzjoni mal-kuntrattur li għamel dan ix-xogħol sabiex tistabilixxi kif seħħet il-ħsara u kif tista' tiġi rrimedjata. Minħabba dan, l-ispejjeż għadhom iridu jiġu deċiżi.

Bormla — Triq it-8 ta' Diċembru - traffic impact assesment

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx traffic impact assesment fuq Triq it-8 ta' Diċembru Bormla? Jekk fl-affermattiv jista' jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jsir xi ħaġa sabiex jitneħħa l-periklu li jeżisti bħalissa f'din it-triq ?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li x-xogħol in kwistjoni qed isir bħala parti mill-proġett tas-swar u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Baċir Nru.1 — kuntratti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kuntratti marbuta max-xogħol marbut mal-Baċir Nru.1 u l-madwar ingħatawx? Jekk fl-affermattiv jista' jgħid fiex kienu jikkonsistu u lil min ingħataw? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn it-tenders?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Baċir Nru. 1 — kexxun

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar minnu l-kexxun oriġinali tal-Baċir Nru. 1? Ma jaħsibx il-Ministru li dan il-kexxun għandu jkun f'post fejn jintrefa' u jkun parti mill-istorja marittima ta' pajjiżna?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 16604.

Bormla — Triq San Franġisk - ħsara fit-triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-ħsara li teżisti fi Triq San Franġisk Bormla, eżatt malli tispiċċa n-niżla int u dieħel lejn l-Isla, li minnha jgħaddi t-traffiku kollu għall-Cottonera u l-madwar, tiġi rranġata għax saret perikoluża?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Hawker ticket seller

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35508 u jgħid jekk taħt id-dekasteru tiegħu jiġux regolati dawk li huma magħrufa bħala hawker ticket seller? Jekk fl-affermativ liema awtorità jew dipartimenti huwa responsabbli?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Ex MMA Berths — informazzjoni

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 35408, peress li l-Ministru qed jassigura li mhemmx records separati, jista' jagħti l-informazzjoni mitluba fl-istess mistoqsija parlamentari iżda għall-perjodu bejn 1991 sa 2005 separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat minn Transport Malta li dħul u spejjeż ta' l-ex MMA berths f'Tigne' kienu jiġu nklużi ma' dawk tal-Imsida u Ta' Xbiex Marinas mill-bidu u għalhekk lanqas hemm records separati għall-perjodu bejn l-1991 u l-2005.

sewwiqa tal-karozzini — tagħrif

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-persuni li għandhom liċenzja biex isuqu l-karozzini hux qed jingħataw xi forma ta' taħriġ għal dawk li jikkonċernaw il-monumenti storiċi li hawn fil-bliet tagħna, b'mod partikulari fil-Belt Valletta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-kuċċiera tal-karozzini ma' jingħatawx taħriġ speċifiku dwar il-monumenti storiċi li hawn fl-ibliet tagħna.

Xewkija — runway tal-heliport

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kenitx ittieħdet deċiżjoni mill-gvern dwar l-estensjoni tar-runway tal-heliport tax-Xewkija sabiex din tkun tista' takkomoda fixed-wing aircraft? X'irriżulta mill-istudji kkommissjonati mill-gvern dwar dan is-suġġett?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Għawdex — Imġarr - faċilitajiet ta’ rmiġġ/i

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar s’issa fuq il-proġett għal faċilitajiet ta’ rmiġġ/i fuq in-naħa ta’ barra tal-port tal-Imġarr? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokumneti li ġew sottomessi mal-applikazzjoni lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li ġġorr in-numru PA/03051/03?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Transport Malta — Tqegħid ta' bus stop fit-triq li mix-Xemxija tieħu lejn Għajn Tuffieħa

Question

Jista' l-Ministru jara, permezz ta' Trasport Malta li jitqiegħed bus stop fit-Triq li mix-Xemxija tieħu lejn Għajn Tuffieħa, biex ir-residenti li joqogħdu f'din it-Triq, fl-inħawi magħrufa bħala ta' Irkuplu, u Għajn Stas, ikollhom fejn jistennew għall-karozza tal-linja (fiż-żewġ direzzjonijiet)?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta ħadet nota ta' din it-talba u se tkun qed tistħarreġ il-possibiltà li tistalla bus stops fil-postijiet indikati.

Marsa — Triq Patri F.Bilocca - rikumpens lis-sidien

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu f’rikumpens is-sidien ta’ stabbilimenti li jinsabu fi Triq Patri F.Bilocca ġewwa l-Marsa fejn qed isiru xogħlijiet infrasstrutturali u saħansitra twaħħlu tabelli minn Transport Malta li jindikaw aċċess għal stabbiliment partikolari?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ma tħallas ebda kumpens lil xi sidien ta' negozji fil-proġett imsemmi.

Ħaż-Żabbar — Triq il-Kunsill tal-Ewropa - resurfacing

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa r-resurfacing ta’ Triq il-Kunsill tal-Ewropa ġewwa Ħaż-Żabbar u kemm dam għaddej ix-xogħol fuq din it-triq u f’liema jum tlestiet din it-triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Msida — xogħol infrastrutturali

Question

Jista' l-Ministru jispjega x’inhi r-raġuni li numru ta’ tabelli li jikkonċernaw xogħlijiet relattati ma' infrastruttura, ta’ qisien varji twaħħlu u nqalgħu għal aktar minn sitt darbiet f’temp tal-anqas minn 3 xhur ġewwa l-lokalità tal-Imsida? Jista' jgħid kemm sewa lill-awtorita dan iċ-ċaqliq u jipprovdi kopja tal-invoices kkonċernati, u d-dati li twaħħlu u nqalgħu dawn it-tabelli?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-tabelli msemmija mill-Onorevoli Interpellant tpoġġew minħabba xogħlijiet li kienu ppjanati f'din iż-żona. Però dawn ix-xogħlijiet kellhom jitħassru diversi drabi minħabba l-maltemp. Għaldaqstant it-tabelli reġgħu nqalgħu kull darba li tħassar ix-xogħol biex ma jkunux ta’ nkonvenjent għas-sewwieqa. Ix-xogħlijiet ta’ twaħħil u qlugħ ta’ tabelli jkunu nklużi fil-kuntratt tax-xogħlijiet.

Roads & Infrastructure Directorate — proprjetà mikrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm qed tiswa f’kera kull xahar il-proprjetà li minnha qed topera d-divizjoni ta’ Roads & Infrastructure Directorate fi ħdan Transport Malta li tinsab ġewwa Valley Road u kemm ilha tinkera din il-proprjetà?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li żewġ sulari li jservu ta’ uffiċini għad-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura bdew jinkrew fis-16 ta’ Mejju 2005 għall-ammont ta’ € 3498.12 fix-xahar, filwaqt li sular ieħor beda jinkera mill-21 ta’ Ġunju 2006 għall-ammont ta’ € 1327.81 fix-xahar.

Żebgħa użata għas-sinjali tat-traffiku

Question

Billi s-sitwazzjoni fit-toroq ta' pajjiżna hija tali li żebgħa li tintuża għas-sinjali tat-toroq mhux daqstant ta' road safety standards għas-sewwieqa tal-muturi tant li tires tal-muturi jiżolqu minn fuqha u kif ukoll li din iż-żebgħa tisfuma minn wiċċ it-toroq ftit tal-ġimgħat wara li tkun ġiet miżbugħa, jista' l-Ministru jara li kwalità tkun aħjar għaż-żmien li ġej ħalli żebgħa li tintuża għas-sinjali tat-traffiku tkun aktar ta' road safety standard u li servi aktar fuq it-triq ħalli sinjali tat-traffiku ikun hemm għall-perjodu akbar? Jekk fl-affermatic, meta?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 31648. Ninsab infurmat ukoll li Transport Malta wettqet provi b’diversi tipi ta’ materjali ( thermoplastic , coldplastic u high solids ) sabiex ittejjeb il-kwalita’ u r-reżistenza tar- road markings . Instab li l-prestazzjoni kienet tajba biss fil-każ ta’ toroq miksija b’wearing course ta’ żrar impurtat (li huwa l-każ fit-toroq kollha arterjali / distributorji mibnija mill-ġdid mill-2006 sal-lum. Dan minħabba valuri aħjar ta’ abrasion resistance , texture depth u inqas bitumen bleeding ). Fil-każ ta’ toroq miksija bi żrar lokali t-titjib osservat kien minimu u ta’ valur baxx għal flus. Instab ukoll li l-materjal rettrorifflettenti li jintefa’ fil-wiċċ tar- roadmarkings ( drop-on glass-beads li jinkorpora granuli abbrasivi) jittiekel relattivament kmieni. Sabiex ittejjeb dan l-aspett u tassigura sigurta’ akbar fit-toroq ewlenin, Transport Malta żiedet ir-rekwiżiti prestazzjonali tar- road marking s (inkluż skid resistance ) minn 1.5 miljun passaġġ ta’ vettura għal 2 miljuni. Fil- junctions dan il-valur jitla’ sa 4 miljun passaġġ. Dan japplika għat-toroq li ġejjin fin- network tat-TEN-T: Kunsill tal-Ewropa, Garibaldi, Xatt l-Għassara tal-Għeneb, Mellieħa By-Pass, Marfa u toroq arterjali u distributorji oħra li jistgħu jiġu upgraded minn issa ‘l quddiem.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — ħaddiema b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni b'diżabilità li jaħdmu fil-Ministeru, dipartimenti, u dekasteri li jaqgħu taħt l-Ministeru tiegħu? Kemm huwa dan bħala persentaġġ tal-ħaddiema in ġenerali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Smart City — informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu s-sehem tal-gvern fi Smart City? X'inhi r-raġuni li l-one stop shop li l-gvern kellu iwaqqaf fi Smart City ma sarx? X'inhi r-raġuni li l-gvern ma ħax parti minn Smart City bħala uffiċini? Jista' l-gvern jirranġa biex il-karozzi tal-linja jgħaddu minn ħdejn Smart City?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-Gvern għandu 9% share holding fi SmartCity Malta. Peress li l-One Stop shop jaqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Malta Enterprise u nitolbu lill-Onor. Interpellant jistaqsi lill-Ministru konċernat. SmartCity hija kumpanija privata u għalhekk il-gvern ma' kellu l-ebda obbligu li jikri uffiċini minn SmartCity. Fir-rigward ta’ l-aħħar parti tal-mistoqsija, ninsab infurmat li preżentament hemm ir-rotta 3 bi frekwenza ta’ kull 30 minuta bejn is-7.00 ta’ filgħodu u s-7.00 ta’ filgħaxija u bi frekwenza ta’ kull 60 minuta fil-ħinijiet l-oħra tal-ġurnata. Din ir-rotta tipprovdi servizz fiż-żona ta’ Smart City.