Tista’ l-Ministru jgħid jekk kemm-il darba tingħatax kura u attenzjoni neċessarja lis-siġar taż-żebbuġ senjatament iż-żbir tal-istess, li jinsabu f’żoni pubbliċi f’Ħal Tarxien u jekk jistax jiġi indikat kemm hemm effettivament siġar taż-żebbuġ?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li, fil-lokalità msemmija, l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir m’humiex responsabbli għall-immaniġġjar ta’ siti fejn hemm imħawla siġar taż-żebbuġ.
San Pawl il-Baħar — Applikazzjonijiet ma’ Project Green
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar issottomettiex applikazzjoni/applikazzjonijiet ma’ Project Green? Jekk iva:
(a) Kemm-il proġett ġie sottomess minn dan il-Kunsill Lokali?
(b) Fiex kienet tikkonsisti kull proposta?
(ċ) Kemm kienet l-istima għal kull proġett sottomess?
(d) Kemm minn dawn il-proġetti ġew approvati minn Project Green biex ikunu attwati u kemm hu l-ammont li ġie approvat għall kull proġett?
(e) Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti, photo montages, 3D Visuals, eċċ. ta' kull proġett sottomess?
(f) Jekk proġetti sottomessi ma jkunux ġew ikkunsidrati minn Project Green, dawn jistgħu jiġu rikonsidrati fil-futur biex ikunu jistgħu jsiru?
(g) Tista’ tgħid jekk sarux laqgħat mal-Kunsill Lokali rispettiv biex jiġi diskuss kif dawn il-proposti jiġu ameljorati biex ikunu jistgħu jikkwalifikaw għall-finanzjament meħtieġ?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li Project Green irċeviet żewġ applikazzjonijiet mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar għall-Community Greening Grant li kienu marbuta ma’ Ġnien l-Erbgħa Mwieżeb u Ġnien Olimpiku. Għalkemm iż-żewġ proposti ma kienux jissodisfaw il-kriterji kollha ta’ din l-iskema, l-Aġenzja iddiskutiet mal-Kunsill Lokali u ser tkun qed taħdem favur interventi fi Ġnien l-Erbgħa Mwieżeb biex dan ikun jista’ jitgawda b’mod aħjar mir-residenti.
Barra minn hekk, Project Green approvat proġett li se jsir f’din il-lokalità u li kien propost taħt l-istess iskema minn Bird Life Malta. Art ta’ madwar 4,000 metru kwadru li hemm maġenb il-masġar tas-Simar fix-Xemxija, li bħalissa hija mitluqa u anke jsir abbuż b’rimi ta’ skart illegali fiha, tiġi riabilitata fi spazju li jkun aċċessibbli għall-pubbliku biex titgawda bħala picnic area sostenibbli.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Kunsill Lokali tan-Naxxar issottomettiex applikazzjoni/applikazzjonijiet ma’ Project Green? Jekk iva:
(a) Kemm-il proġett ġie sottomess minn dan il-Kunsill Lokali?
(b) Fiex kienet tikkonsisti kull proposta?
(ċ) Kemm kienet l-istima għal kull proġett sottomess?
(d) Kemm minn dawn il-proġetti ġew approvati minn Project Green biex ikunu attwati u kemm hu l-ammont li ġie approvat għall kull proġett?
(e) Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti, photo montages, 3D Visuals eċċ. ta' kull proġett sottomess?
(f) Jekk proġetti sottomessi li ma jkunux ġew ikkunsidrati minn Project Green, dawn jistgħu jiġu rikonsidrati fil-futur biex ikunu jistgħu jsiru?
(g) Tista’ l-Ministru tgħid jekk sarux laqgħat mal-Kunsill Lokali rispettiv biex jiġi diskuss kif dawn il-proposti jiġu ameljorati biex ikunu jistgħu jikkwalifikaw għall-finanzjament meħtieġ?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li Project Green irċeviet applikazzjoni waħda għall-Community Greening Grant mill-Kunsill Lokali tan-Naxxar. Għalkemm din l-applikazzjoni ma’ kenitx fost is-sittax-il proġett li ġew approvati taħt din l-iskema, l-Aġenzija rat potenzjal fil-proġett propost u għalhekk saru laqgħat mal-Kunsill Lokali u l-imsieħba konċernati biex il-proposta kompliet tiġi żviluppata u ġiet sottomessa applikazzjoni għal finanzjament minn fondi Ewropej. L-applikazzjoni ġiet aċċettata mill-Awtorità tal-Ġestjoni u dan il-park f’Baħar iċ-Ċagħaq se jkun wieħed minn diversi proġetti li ser jiġu ffinanzjati minn fondi Ewropej. Il-proġett se jkun jinkludi picnic area, walking trails, playground u teatru miftuħ. Project Green ser tikkonserva s-siġar indiġeni li jinsabu fil-post filwaqt li ser jitħawlu aktar siġar u arbuxelli għall-benefiċċju tal-komunità u l-bijodiversità taż-żona.
Il-Mellieħa — Xogħlijiet għal upgrade tas-sistema tad-distribuzzjoni tad-dawl
Question
Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan li juri liema xogħlijiet għal upgrade tas-sistema tad-distribuzzjoni tad-dawl saru jew ser isiru fil-lokalità tal-Mellieħa? Tista’ l-Ministru tinforma jekk kienx hemm jew hux ser ikun hemm għeluq ta' toroq minħabba dawn ix-xogħlijiet? Jekk iva, liema toroq ingħalqu jew ser ikunu magħluqa u minn meta sa meta?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-Mellieħa diġà sar ħafna xogħol u anke din is-sena se jsiru aktar xogħlijiet biex inkomplu nsaħħu s-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’din il-lokalità u ż-żona tal-madwar. Fl-aħħar sentejn, fil-Mellieħa ġew ikkumisjonati 3 substations ġodda, 2 feeders ġodda u sar tisħiħ fi 3 meded ta’ 11-il kilovolt cables oħra. Komplejna nsaħħu wkoll is-sistema li mis-substations twassal l-elettriku f’inħawi differenti tal-lokalità fejn fl-istess perjodu sar xogħol fuq 20 cables ġodda. Fis-sena 2024 se jsiru 7 cables ġodda. Ix-xogħol isir skont il-permessi maħruġa minn Transport Malta.
San Pawl il-Baħar — Xogħlijiet għal upgrade tas-sistema tad-distribuzzjoni tad-dawl
Question
Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan li juri liema xogħlijiet għal upgrade tas-sistema tad-distribuzzjoni tad-dawl saru jew ser isiru fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar? Tista’ tgħid ukoll jekk kienx hemm jew hux ser ikun hemm għeluq ta' toroq minħabba dawn ix-xogħlijiet? Jekk iva, liema toroq ingħalqu jew ser ikunu magħluqa u minn meta sa meta?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li f’San Pawl il-Baħar diġà sar ħafna xogħol u anke din is-sena se jsiru aktar xogħlijiet biex inkomplu nsaħħu s-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’din il-lokalita u ż-żona tal-madwar. Fl-aħħar sentejn, ġew ikkumissjonati 3 substations ġodda, kif ukoll 6 cables ġodda fis-sistema li mis-substations twassal l-elettriku f’inħawi differenti tal-lokalità.
Fis-sena 2024, ix-xogħlijiet ser jissuktaw b’ritmu mgħaġġel fejn ser jiżdiedu 5 substations ġodda u qed jiġi studjat numru ieħor ta’ reinforcements miċ-ċentru tad-distribuzzjoni ta’ Buġibba. Ix-xogħol isir skont il-permessi maħruġa minn Transport Malta.
In-Naxxar — Xogħlijiet għal upgrade tas-sistema tad-distribuzzjoni tad-dawl
Question
Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan li juri liema xogħlijiet għalupgrade tas-sistema tad-distribuzzjoni tad-dawl saru jew ser isiru fil-lokalità tan-Naxxar? Tista’ tgħid ukoll jekk kienx hemm jew hux ser ikun hemm għeluq ta' toroq minħabba dawn ix-xogħlijiet? Jekk iva, liema toroq ingħalqu jew ser ikunu magħluqa u minn meta sa meta?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tisħiħ fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku fin-Naxxar għaddej b’ritmu tajjeb ħafna. Fl-aħħar sentejn, sar ħafna xogħol fejn fost oħrajn ġiet ikkumisjonata substation ġdida u sar xogħol ta’ rinfurzar b’cable ġdid. Fis-sistema li mis-substations twassal l-elettriku f’inħawi differenti tal-lokalità saru 4 cables ġodda u bħalissa għaddejjin bil-proċess li jiżdiedu 20 cable ieħor.
F’Diċembru li għadda nħarġet sejħa għall-offerti biex jiġi kummissjonat ċentru tad-distribuzzjoni ġdid li minnu qed jinħarġu 9 feeders ġodda biex inkomplu nsaħħu d-distribuzzjoni tal-elettriku mhux biss fin-Naxxar imma anke fil-lokalitajiet tal-madwar. Ix-xogħol isir skont il-permessi maħruġa minn Transport Malta.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir – Ħaddiema barranin
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm ħaddiema barranin li jaħdmu ma’ dipartimenti tal-Gvern li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha? Tista’ tgħid ukoll x’inhu l-irwol tagħhom u f’liema entità qed jaħdmu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi n-numru ta’ ħaddiema li m’humiex ta’ nazzjonalità Maltija li bħalissa qed jaħdmu fil-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, inklużi d-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu. Il-ħaddiema msemmija, li huma ġejjin minn pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea jew anke minn pajjiżi terzi, huma assenjati rwoli differenti f’livelli varji ta’ responsabbiltà skont is-settur u l-entità fejn huma mpjegati.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa ssottomettiex applikazzjoni/applikazzjonijiet ma’ Project Green? Jekk iva:
(a) Kemm-il proġett ġie sottomess minn dan il-Kunsill Lokali?
(b) Fiex kienet tikkonsisti kull proposta?
(ċ) Kemm kienet l-istima għal kull proġett sottomess?
(d) Kemm minn dawn il-proġetti ġew approvati minn Project Green biex ikunu attwati u kemm hu l-ammont li ġie approvat għall kull proġett?
(e) Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti, photo montages, 3D Visuals eċċ. ta' kull proġett sottomess?
(f) Jekk proġetti sottomessi ma jkunux ġew ikkunsidrati minn Project Green, dawn jistgħu jiġu rikonsidrati fil-futur biex ikunu jistgħu jsiru?
(g) Tista’ tgħid jekk sarux laqgħat mal-Kunsill Lokali rispettiv biex jiġi diskuss kif dawn il-proposti jiġu ameljorati biex ikunu jistgħu jikkwalifikaw għall-finanzjament meħtieġ?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li Project Green irċeviet applikazzjoni waħda mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa għall-Community Greening Grant. Dan il-proġett ġie magħżul u se jsir fuq medda ta’ 2,000 metru kwadru ta’ spazju miftuħ li bħalissa jinsab mitluq f’żona residenzjali f’din il-lokalità. Dan is-sit se jiġi riġenerat fi ġnien u fih se jsiru wkoll tliet ġwiebi biex l-ilma maħżun fihom jintuża għat-tisqija tas-siġar u l-pjanti li se jitħawlu fl-istess ġnien. Aktar dettalji dwar dan il-proġett ser jitħabbru aktar ‘il quddiem.
Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument maħruġ għall-konsultazzjoni pubblika fil-31 ta’ Jannar 2024 dwar interess għal proġetti ta’ offshore floating photovoltaics?
Response (DALLI, MIRIAM)
Fil-31 ta’ Jannar 2024 nidejna proċess ta’ konsultazzjoni preliminari, magħruf bħala preliminary market consultation (PMC), biex jiġi evalwat is-suq għall-pannelli fotovoltajċi f'wiċċ il-baħar (nearshore floating solar farms) fl-ibħra territorjali ta' Malta. Il-PMC, li l-konsultazzjoni dwaru se tkun miftuħa sa nhar l-Erbgħa 24 ta' April 2024, jidentifika żona ta’ erba’ mili nawtiċi ‘l bogħod mill-kosta ta’ Delimara bħala l-ewwel post fejn possibilment jista’ jkun hemm żvilupp ta’ proġetti ta’ teknoloġiji solari konnessi mal-grid b’kapaċità ta’ 50 megawatt t’enerġija rinnovabbli.
Dan il-Gvern huwa mpenjat li jkompli jixpruna aktar investimenti fl-enerġija nadifa biex jintlaħqu l-miri ambizzjużi ta’ Malta għad-dekarbonizzazzjoni u s-sostenibbiltà. Qed nipprovdu diversi għajnuniet biex ninkoraġġixxu lill-familji u l-imprendituri jiżviluppaw aktar sistemi t’enerġija nadifa fuq l-art. Ta’ kull sena qed naraw żieda t’enerġija mir-rinnovabbli fit-taħlita tas-sorsi t’enerġija tal-pajjiż. Madankollu, fi stat ta’ gżejjer bħal tagħna, hemm limitazzjonijiet biex insibu spazji kbar għal sorsi t’enerġija fuq l-art. Nemmnu bi sħiħ li l-opportunitajiet li joffru l-ibħra madwarna jistgħu jkunu soluzzjoni importanti. L-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajċi f'wiċċ il-baħar hija teknoloġija li għadha fil-bidu tal-iżvilupp tagħha, li se tkompli tikber fis-snin li ġejjin, b’aktar riċerka u żvilupp. Permezz ta’ din il-konsultazzjoni, qed niskattaw proċess li jista’ jinkoraġġixxi lill-investituri u l-innovaturi biex ipoġġu lil Malta fuq quddiem fl-iżvilupp ta’ din it-teknoloġija ambjentali innovattiva.
Il-PMC għandu l-għan li jiġbor proposti minn operaturi għall-użu ta’ proġetti ta’ teknoloġiji solari f’wiċċ il-baħar, inkluż photovoltaic farms, li jestendu sa 12-il mil nawtiku mill-kosta ta’ Malta u Għawdex. Operaturi ekonomiċi se jkunu jistgħu jipproponu proposti bbażati fuq iż-żona identifikata, jew f’postijiet oħrajn li jitqiesu fattibbli għal dawn it-tip ta’ proġetti. Dan il-proċess se jiffaċilita l-evalwazzjoni ta’ kemm l-investituri huma interessati f’din it-teknoloġija, biex il-Gvern ikun jista’ jevalwa kemm is-suq huwa mħejji għalih. Fl-istess waqt, il-proċess se jgħin fl-istudji tekniċi li għaddejjin biex tkun tista’ tinħareġ sejħa għall-offerti għal dawn il-proġetti.
Investituri li eventwalment jistgħu jintgħażlu għal dawn il-proġetti jkunu meħtieġa li jiksbu l-permessi tal-iżvilupp u ambjentali meħtieġa, u jagħmlu diversi studji, inkluż dawk biex jiddeterminaw il-karatteristiċi ta’ qiegħ il-baħar u aspetti oħrajn ambjentali u tekniċi għal kull sit.
Infakkar li qed naħdmu wkoll fuq proċess separat għal investimenti f'sistemi t’enerġija rinnovabbli offshore, bħal floating wind farms, fiż-żona esklussiva ekonomika ta’ Malta. Fl-2023 ġiet varata għal konsultazzjoni pubblika abbozz tal-politika bl-isem National Policy for the Deployment of Offshore Renewable Energy. Din il-politika se tkun qed tiġi ppubblikata fix-xhur li ġejjin. Fl-istess waqt, qed nippjanaw ukoll li nniedu pre-qualification questionnaire (PQQ) biex nistiednu lill-investituri jipproponu proġetti t’enerġija rinnovabbli offshore.
Filwaqt li qed inpoġġi kopja tad-dokument tal-PMC fuq il-Mejda tal-Kamra, inżid li dan id-dokument qiegħed aċċessibbli għall-pubbliku nġenerali fuq is-sit elettroniku tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) rews.org.mt/pmc u ilu aċċessibbli minn meta nedejnih għall-konsultazzjoni.
Tista' l-Ministru tgħid jekk l-għotja ta' kumpens li ngħatat għal qtugħ fil-provvista tad-dawl fix-xhur li għaddew, kinitx waħda awtomatika? Tista’ wkoll tgħid jekk kienx hemm individwi li applikaw għall-kumpens huma u t-talba ġiet milqugħa?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-parti l-kbira tal-għotja ta’ kumpens li ngħatat għal qtugħ fil-provvista tad-dawl kienet waħda awtomatika.
Barra minn hekk, konsumaturi li għandhom il-kont tagħhom reġistrat għall-użu residenzjali jew domestiku u ma ngħatawx il-kumpens b’mod awtomatiku, kellhom ukoll il-fakultà li jirreġistraw minn fuq is-sit tal-ARMS Ltd. Wara li saru l-verifiki neċessarji, dawn ingħataw il-kumpens kif suppost. Dawk li għandhom il-kont reġistrat għall-użu kummerċjali, kellhom japplikaw direttament mal-Malta Enterprise.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir — Deputati tal-Oppożizzjoni
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14115, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament tħallsitx l-allowances li kienet intitolata għalihom bħala parti mill-pakkett tagħha? Tista’ tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumentazzjoni relatata mad-deċiżjoni li tkun ittieħdet dwar il-ħlas ta’ dawn l-allowances u l-bażi tad-deċiżjoni li ttieħdet u jagħti din l-informazzjoni maqsuma sena b’sena minn meta nbeda l-impjieg tal-persuna sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir — Deputati tal-Oppożizzjoni
Question
Tista’ l-Ministru tgħid min kienu d-Deputati tal-Oppożizzjoni, li minn Marzu 2008 sa Jannar 2013 kienu impjegati fiċ-ċivil, jew fis-servizz pubbliku, jew f'kumpaniji fejn il-Gvern kellu b'xi mod interess minoritarju jew maġġoritarju, jew f'aġenziji, entitajiet, jew awtoritajiet regolatorji fid-dekasteru li għalih hi responsabbli u jekk hemm persuni identifikati, jiġi indikat fejn kienu jservu, il-kariga li kienu jokkupaw, id-data tal-ingaġġ ta' dawn il-persuni, b'liema mod kienu impjegati (jekk hux b’sejħa pubblika, eċċ.) u kemm kien il-pakkett finanzjarju tagħhom?
Tista’ tqiegħed ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra l-attendenza tax-xogħol u/jew timesheets, il-work from home u/jew telework u/jew remote working u l-ispecial leave requests u approvals relatati mal-persuni hawn fuq imsemmija għall-perjodu bejn Marzu 2008 sa Jannar 2013 jew sal-ġurnata li baqgħu fl-impjieg tagħhom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kienx hemm Deputati tal-Oppożizzjoni li minn Marzu 2008 sa Jannar 2013 kienu impjegati fiċ-ċivil, jew fis-servizz pubbliku, jew f'kumpaniji fejn il-Gvern kellu b'xi mod interess minoritarju jew maġġoritarju, jew f'aġenziji, entitajiet, jew awtoritajiet regolatorji fid-dekasteru.li għalih responsabbli.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir — Deputati tal-Oppożizzjoni
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 14699 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14115, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-vacation leave requests u approvals relatati mal-persuni kollha li ssemmew f’dik l-istess tweġiba għall-perjodu mill-ewwel ġurnata tal-impjieg ta’ dawn il-persuni sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-‘vacation leave’ huwa regolat b’regoli ċari u kulħadd huwa mistenni li jagħmel użu minnu skont dawn ir-regoli.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-diskussjonijiet mad-diversi stakeholders fiż-żona tan-naħa ta’ ġewwa tal-Port il-Kbir għadhom għaddejjin. Meta dawn il-konsultazzjonijiet ikunu konklużi u jsir aktar studju fuq l-informazzjoni kollha miġbura, jingħataw aktar dettalji dwar ix-xogħol ippjanat. Sadanittant, kif diġà spjegajt fit-tweġibiet li tajt għal mistoqsijiet oħra dwar il-materja, bħalissa hemm diversi xogħlijiet li diġà għaddejjin.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 15115 u tagħti break down finanzjarju għax-xogħlijiet li saru u li se jsiru għar-riġenerazzjoni tal-port?
Response (DALLI, MIRIAM)
Il-Port il-Kbir huwa żona tant vasta li fiha hemm strutturi u żoni li r-responsabbiltà tagħhom tinqasam fuq diversi entitajiet li mhux kollha huma parti minn dan il-Ministeru. Għaldaqstat, il-koperazzjoni, kordinazzjoni u konsultazzjoni bejn dawn l-entitajiet, ewlenin fosthom Infrastructure Malta, Transport Malta, l-Enemalta u l-GHRC, huma kontinwi. Qiegħda inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant li tinkludi proġetti li diġà saru, oħrajn li jinsabu għaddejin kif ukoll proġetti li qed ikunu ppjanati li jsiru bħala parti mir-riġenerazzjoni tal-port, b’kollaborazzjoni bejn Ministeri differenti.
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta u tindika t-toroq minn fejn se jgħaddu s-70km ta’ cables li se jitpoġġew taħt l-art?
Response (DALLI, MIRIAM)
Is-sajf li għadda l-Gvern wiegħed li se jaċċellera l-investiment għall-2024 fuq l-infrastruttura elettrika ta’ Malta biex inkomplu ntejbu l-kwalità tas-servizzi elettriċi għall-familji u għan-negozji, u biex nilqgħu għad-domanda futura u l-ħtiġijiet tat-tibdil fil-klima.
Bħala parti minn dan l-investiment estensiv, Enemalta qed tikkollabora ma’ Infrastructure Malta u Transport Malta li għaqqdu r-riżorsi tagħhom flimkien biex fi ftit xhur inżidu aktar minn 70 kilometru ta’ cables ta’ 11-il kilovolt taħt l-art mal-grid nazzjonali. Dan ix-xogħol ta’ rinfurzar huwa importanti għaliex qed joħloq aktar konnessjonijiet alternattivi bejn partijiet differenti tal-pajjiż, filwaqt li jgħinu lill-Enemalta tagħti lura l-provvista f’inqas ħin meta jinqalgħu emerġenzi u interruzzjonijiet oħrajn.
Flimkien ma’ xogħlijiet li għaddejjin u dawk li se jiġu implimentati fiż-żmien li ġej, inklużi ċentri ta’ distribuzzjoni u substations ġodda, dan l-investiment se jikkontribwixxi għal servizzi tal-elettriku aktar reżiljenti. Barra l-proġett ta’ cables ta’ 11-il kilovolt, Enemalta qed tkompli timplimenta l-pjan tagħha ta’ sitt snin li kien imniedi fl-2022, biex tissaħħaħ l-infrastruttura fid-distribuzzjoni tal-elettriku tal-pajjiż. Bħala parti minn dan il-pjan, din is-sena Enemalta se tagħmel 45 substation ġdida, filwaqt li twettaq xogħljiet ta’ tisħiħ f’ħafna oħrajn eżistenti.
Għaddejjin ġmielhom ukoll it-tħejjijiet għal żewġ ċentri tad-distribuzzjoni ġodda li se jsiru fin-Naxxar u fis-Siġġiewi. F’Diċembru li għadda nħarġu sejħiet għaċ-ċentru tad-distribuzzjoni ġdid fin-Naxxar kif ukoll għall-immodernizzar u t-tkabbir taċ-ċentru tad-distribuzzjoni fl-Imsida. Enemalta qed tara wkoll li żżid il-kapaċità fiċ-ċentru tad-distribuzzjoni f’St Andrew’s, u li tiżviluppa ċentri tad-distribuzzjoni oħrajn fl-inħawi ta’ Ħad-Dingli u fiż-żona tal-Kottonera.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-infrastrutturali qed jirreferi għaliha hija meqjusa bħalainfrastruttura kritika. It-toroq li f’partijiet minnhom se jsiru x-xogħlijiet b’rabta mat-tqegħid t’aktar minn 70 kilometru ta’ cables biex insaħħu s-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku jinsabu fil-lokalitajietta’ Birżebbuġa, Bormla, Fgura, il-Gudja, Ħ’Attard, Ħad-Dingli, Ħal Għaxaq, Ħal Lija, Ħal Luqa, Ħal Safi, Ħaż-Żabbar, l-Imdina, l-Imtarfa, il-Kalkara, il-Mosta, in-Nadur, in-Naxxar, ir-Rabat, Santa Luċija, ix-Xagħra, ix-Xgħajra, ix-Xlendi (Munxar) u ż-Żurrieq. Wara li jsiru x-xogħlijiet imsemmija, it-toroq ser jerġgħu jingħataw l-asfalt skont ir-rekwiżiti tal-permessi li jkunu nħarġu minn Transport Malta, kif ukoll f’konsultazzjoni li qiegħda ssir mal-Kunsilli Lokali.
In-Naxxar u s-Siġġiewi — Siteplans taċ-ċentri ta’ distribuzzjoni
Question
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra s-siteplans taċ-ċentri ta’ distribuzzjoni li qed isiru fin-Naxxar u fis-Siġġiewi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8597, ninfurmah li l-proċess biex jinbena ċ-ċenrtu tad-distribuzzjoni ġdid fin-Naxxar għaddej b’ritmu tajjeb u fl-aħħar ta’ Diċembru 2023 saret sejħa għall-offerti. Fir-rigward taċ-ċentru tad-distribuzzjoni li se jsir fis-Siġġiewi għadu għaddej il-proċess biex tinkiseb l-art inkwistjoni. Il-pjanti jiġu ppublikati malli dawn jgħaddu għand l-Awtorità tal-Ippjanar għall-konsultazzjoni pubblika.
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tas-substations kollha f’Malta, bil-lokalità u bis-sena ta’ meta dawn tlestew, fil-perjodu bejn l-1987 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra. Inżid li l-Enemalta għaddejja bi pjan aċċellerat fis-sistema ta’ distribuzzjoni tagħha, fejn kull sena qed jiġu kkummissjonati medja ta’ bejn 40 u 50 substation ġdida fis-sena, u jsiru għadd ta’ upgrades f’substations differenti. Qegħdin jitpoġġew ukoll għadd ta’ feeders li jwasslu l-provvista tal-elettriku mis-substations għal għand il-konsumaturi, u kilometri ta’ cables oħrajn fuq livell ta’ 11kV u 33kV. L-Enemalta għaddejja wkoll bi proġett t’automation, li huwa mmirat biex is-substations tagħha jkunu jistgħu jiġu kkontrollati mill-kamra ta’ kontroll fil-Marsa, u f’każ ta’ ħsara, fejn ikun possibbli jonqos il-ħin ta’ interruzzjoni.
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tad-distribution centres kollha f’Malta, bil-lokalità u bis-sena ta’ meta dawn tlestew, fil-perjodu bejn l-1987 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra. Inżid li filwaqt li fl-aħħar ta’ Diċembru nħarġet sejħa għall-offerti biex jinbena ċentru tad-distribuzzjoni ġdid fin-Naxxar waqt li jinsab fi stadju avvanzat l-ippjanar ta’ ċentru tad-distribuzzjoni ieħor ġdid li se jsir fis-Siġġiewi. Barra minn hekk, l-Enemalta qed tippjana wkoll il-bini ta’ żewġ ċentri tad-disttribuzzjoni oħrajn, wieħed qed ikun maħsub li jsir fl-inħawi tar-Rabat u Ħad-Dingli u l-ieħor fiż-żona tal-Kottonera, kif ukoll sabiex tirdoppja l-kapaċità fiċ-ċentri tad-distribuzzjoni tal-Imsida u St Andrews.