Legislature:
Category:
Reset
Active:

iBins

Question

Tista’ l-Ministru tgħid: a. f'liema rħula għadhom jintużaw l-iBins; u b. x' kontroll jeżisti biex wieħed jivverifika li vera jitbattlu malli dawn jimtlew?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-iBins li ġew installati hija inizzjattiva privata ta’ waħda mill-Organizzazzjonijiet ta’ Irkupru tal-iskart tal-ippakkjar Awtorizzati f’pajji¿na. Din l-organizzazzjoni tu¿a l-iBins fil-G¿ejjer Maltin, u dawn jinstabu f’Ħal Balzan, Bir¿ebbuġa, il-Gudja, Ħal Għarghur, il-Ħamrun, il-Kalkara, Ħal Kirkop, Ħal Lija, l-Imdina, il-Mellieħa, il-Marsa, l-Imqabba, l-Imsida, in-Naxxar, Paola, Pembroke, il-Pietà, Ħal Qormi, il-Qrendi, Ħal Safi, San Ġiljan, San Ġwann, Santa Luċija, Santa Venera, is-Sliema, is-Swieqi, Ta’ Xbiex,ix-Xgħajra, Ħa¿-¯ebbuġ, iż-Żejtun, iż-Żurrieq, in-Nadur, il-Qala, is-Sannat, ix-Xagħra. u x-Xewkija. Ġeneralment l-organizzazzjoni awtorizzata ta’ rkupru tal-iskart tal-ippakkjar tbattal l-IBins wara li s-sistema awtomatika tal-IBins tindika lill-istess organizzazzjoni li dawn huma mimlija. Mingħajr preġudizzju għall-kwalunkwe obbligi kontrattwali li jista’ jkun hemm u l-obbligu legali li għandu kull Kunsill Lokali biex jassigura l-indafa fil-lokalità tiegħu, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi tobbliga lill-organizzazzjoni responsabbli għall-IBins, kemm permezz ta’ kundizzjonijiet fil-permessi u permezz ta’ regolamentazzjoni, sabiex iżżomm is-siti tar-‘recycling points’ fi stat tajjeb u nadif.

Natura 2000 – implimentazzjoni ta’ management plans u compliance reports

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk jeżistux rapporti dettaljati u organizzati dwar l-implimentazzjoni ta' 'management plans' u 'compliance reports' għas-siti kollha ta' Natura 2000 f’Malta, Kemmuna u Għawdex? Jekk fl-affermattiv, tista’ tippreżentahom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'seduta oħra.

Life Sciences Park – apparat tas-Cyclotron li jintuża għall-kura tal-kanċer

Question

Tista’ l-Ministru tikkonferma li s-Cyclotron li kien fil-kaxxi fil-Life Sciences Park u li ġie jiswa miljuni ta’ ewro u li fil-fatt jista’ jintuża fid-djanjożi u l-kura tal-kanċer, għadu ma bediex jintuża? Jekk dan huwa minnu, tista’ tispjega għalfejn?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi għat-tweġiba tal- Mistoqsija Parlamentari 1920.

Marine Environment — Data relatata mal-ambjent

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 4984, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet referuta lilha, u tgħid x’data dwar l-ambjent tal-baħar, Marine Environment, għandu l-Gvern? Minn fejn inġabret id-data? Tista' tipprovdi d-data relatata mal-ambjent marittimu lill-Parlament?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’dawn l-aħħar snin saru diversi studji fuq l-ambjent tal-baħar. Ħafna minn dawn l-istudji saru permezz ta’ fondi mill-Unjoni Ewropeja fejn inġabret dejta fuq il-qiegħ tal-baħar (LIFE12 NAT/MT/000845), fuq speċi tal-baħar bħal dniefel, fkieren u għasafar tal-baħar (LIFE11 NAT/MT/1070 & EMFF 8.3.1) kif ukoll fuq il-kwalità tal-baħar permezz tal-implementazzjoni ta’ proċessi ta’ monitoraġġ (EMFF 8.3.1). Kompilazzjoni ta’ din l-informazzjoni li ġiet irrapportata minn Malta reċentement tinsab fir-rapport fuq l-istat tal-baħar li ġie ppubblikat fl-2020 taħt id-Direttiva li tistabbilixxi qafas għal azzjoni komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ambjent marin (MSFD). Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport, li hu anke aċċessibbli għall-pubbliku fuq il-websajt tal-ERA.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża – impjegati ġodda f’awtoritajiet u entitajiet

Question

Tista' l-Ministru tagħti rendikont ta' kemm ġew impjegati persuni ġodda fl-awtoritajiet u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha minn Marzu 2022 sal-lum, f'liema awtorità/entità ġew ingaġġati u mil-liema lokalitajiet huma dawn il-ħaddiema?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.

San Pawl il-Baħar – xogħol marbut man-New Water

Question

Tista' l-Ministru tagħti r-raġuni għaliex ix-xogħol marbut man-New Water fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar ma ġiex konkluż? Meta hu mistenni li x-xogħol kollu jiġi konkluż? Tista’ l-Ministru tieħu l-passi neċessarji biex tassigura li fejn diġà tqiegħdu l-pajpijiet, isir ix-xogħol li baqa' u jsir l-asfalt qabel ma sseħħ xi traġedja fl-istess triq?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li x-xogħlijiet infrastrutturali għal aċċess tan-New Water fl-inħawi tal-Imbordin kif ukoll fi Triq Għajn Tuffieħa jinsabu għaddejjin kif skedati.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – koordinazzjoni ma’ entitajiet oħra rigward xogħol

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’koordinazzjoni twettaq il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma' entitajiet oħra meta l-istess Korporazzjoni tkun ser tagħmel trinek għal servizzi tagħha, bħal fil-każ tan-New Water fl-inħawi tal-Mellieħa u San Pawl il-Bahar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li qabel ix-xogħol jitwettaq min-naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jinħareġ avviż permezz ta’ Road Works Permit f’każ ta’ xogħlijiet f’toroq pubbliċi, u Planning Authority Permit f’każ ta’ xogħlijiet li mhux f’toroq pubbliċi. Dawn l-avviżi jagħtu lok sabiex entitajiet oħra jipprovdu l-kummenti tagħhom jekk ikun hemm il-bżonn. Din hija prassi u ma tagħmilx distinzjoni bejn proġett u ieħor.

San Pawl il-Baħar — Triq Toni Bajada - bozza ma tixgħelx

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5752 dwar bozza ma tixgħelx fi Triq Toni Bajada, San Pawl il-Baħar, tista' l-Ministru tara li din l-aħħar bozza fit-triq imsemmija (in-naħa ta' Triq il-Knisja), li ritratt tagħha qed jingħata separatament, tibda tixgħel mill-aktar fis hekk kif għadha mitfija sal-ġurnata li fiha qiegħda ssir din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-bozza li qed tirreferi għaliha ġiet irranġata. Ikun aħjar li rapporti jsiru direttament lill-Kunsill Lokali jew l-Enemalta biex jitranġaw bozoz.

Reverse Vending Machines – aċċessibilità

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista aġġornata ta’ fejn jinsabu r-Reverse Vending Machines madwar Malta u Għawdex? Tista' tgħid kemm mit-320 Reverse Vending Machines madwar Malta u Għawdex li l-operatur liċenzjat obbligat jinstalla, baqa' biex jiġu installati? Tista' tgħid fiex waslu d-diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-operatur privat li qed iħaddem din l-iskema dwar soluzzjonijiet sabiex ikun hemm iktar aċċessibilità għall-anzjani u persuni oħra li mhux possibbli għalihom li jużaw dawn il-magni?

Response (DALLI, MIRIAM)

Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bil-lista ta’ Reverse Vending Machines. Infurmata li fil-ġranet li ġejjin se jibdew joperaw 8 RVMs oħra u jkun fadal 7 RVMs biss biex jiġu installati minn 320. Wara diskussjonijiet mal-Gvern, l-Operatur qiegħed jagħmel eżerċizzju ta’ analiżi fir-rigward tal-installazzjoni ta’ RVMs li jaċċettaw kwantità ta’ fliexken f’daqqa. It-testing ta’dawn it-tip ta’ RVMs ser jibda fil-ġimgħat li ġejjin. Fil-frattemp infurmata li l-Operatur tal-Iskema, BCRS Malta ltd, qiegħed f’diskussjonijiet ma’ organizzazzjoni governattiva li toffri servizz ta’ trasport bla ħlas għall-anzjani biex dan is-servizz ikun estiż għall-Iskema; jiġifieri, li jiġi offrut servizz tat-trasport sabiex l-anzjani jkunu jistgħu b’mod iktar faċli jaċċessaw il-magni u jiddepożitaw il-fliexken tagħhom meta jagħżlu li jitwasslu biex jagħmlu l-qadjiet tagħhom fil-komunità.

Baġit 2023 – line item 5817 – tnaqqis

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għal liema raġuni fl-aħħar estimi tal-Baġit li ġew approvati l-line item 5817, Noise Abatement Prevention and Control, naqas minn €50,000 (2022) għal €10,000 (2023)?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 5439.

Baġit 2023 – line item 5748 – tnaqqis

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għal liema raġuni fl-aħħar estimi tal-Baġit li ġew approvati l-line item 5748, Energy Efficiency Scheme, naqas minn €1,500,000 (2022) għal €800,000 (2023)?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari 5439.

Baġit 2023 – line item 5716 – tnaqqis

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għal liema raġuni fl-aħħar estimi tal-Baġit li ġew approvati l-line item 5716, Waste Management Plan, naqas minn €180,000 (2022) għal € 100,000 (2023)?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari 5439.

Problema ta’ noise pollution

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5615, peress illi hemm numru ta’ leġiżlazzjonijiet li jirrigwardaw noise pollution, tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx ħsieb li jiġi ppreżentat abbozz li jikkonsolida l-liġi dwar il-ħsejjes b’mod ħolistiku?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-obbligi dwar il-ħsejjes fl-Ambjent huma koperti permezz tar-Regolamenti msemmija fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 2258 hekk kif rekwiżit mid-Direttiva 2002/49/KE (Environmental Noise Directive).

ERA – Strategic Noise Maps Assessment 2021

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għalfejn l-iStrategic Noise Maps Assessment tal-2021 mhuwiex disponibbli fuq il-website tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), liema mapep tal-ħsejjes strateġiċi li juru s-sitwazzjoni fis-sena kalendarja preċedenti kellhom isiru ħames snin wara l-aħħar assessment li hemm disponibbli, dawk li saru fl-2016, skont ir-Regolamenti dwar Valutazzjoni u Maniġġar ta’ Ħsejjes fl-Ambjent (L.S.549.37)?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-iStrategic Noise Maps għas-sena bażi 2021 qed jiġu ppreparati mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA). Dawn se jkunu disponibbli fuq il-website tal-ERA meta jiġu ffinalizzati.

ERA – Noise action plans

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra n-noise action plans kollha li l-awtorità kompetenti fasslet sal-ġurnata tal-lum u li l-ewwel pjan ta’ azzjoni kellu jkun lest sa mhux aktar tard mit-18 ta’ Lulju 2008 u jiġu riveduti mill-inqas kull ħames snin?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ewwel pjan ta’ azzjoni kien inħareġ għall-konsultazzjoni pubblika f’Ġunju tal-2011 u ġie ppubblikat fl-2012. Dan huwa disponibbli fuq il-website tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA). Il-pjan beda jiġi rivedut fis-sena 2019, fejn din id-darba skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2002/49/KE u r-Regolamenti dwar il-Valutazzjoni u Maniġġar ta’ Ħsejjes fl-Ambjent (L.S.549.37), riedu jiġu mfassla żewġ pjanijiet. L-ewwel wieħed ikopri l-ħsejjes li ġejjin mit-toroq maġġuri f’Malta, u dan huwa aġġornament tal-pjan li ħareġ fis-sena 2012. Il-pjan l-ieħor ikopri s-sorsi tal-ħoss li jinsabu fl-agglomerazzjoni (l-inħawi ta’ madwar il-port). Dan l-aħħar pjan ħareġ għall-konsultazzjoni pubblika f’Novembru li għadda għal perjodu ta’ sitt ġimgħat, u l-abbozz huwa disponibbli fuq il-website tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA). Bħalissa qed jiġu analizzati l-kummenti li l-ERA rċeviet wara l-konsultazzjoni pubblika, sabiex il-pjan ikun jista’ jiġi iffinalizzat.

San Pawl il-Baħar – Triq Sir Luigi Preziosi — xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhu x-xogħol li qed isir fi Triq Sir Luigi Preziosi, San Pawl il-Baħar, preżentement? Meta hu mistenni li jitlesta u kemm hi l-istima tax-xogħol li qed isir?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tikkontribwixxi f’dan il-proġett li hu mmexxi primarjament minn Infrastructure Malta. Il-Korporazzjoni qed tinvesti f’titjib fl-infrastruttura kemm tad-drenaġġ kif ukoll tal-ilma tax-xorb. L-istima tal-ispiża tammonta għal kważi €290,000.

Enemalta – serq u tbagħbis ta’ meters

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il dikjarazzjoni ta' serq u tbagħbis ta' meters daħlu għand l-Enemalta minn meta l-Gvern ħabbar maħfra lil min seraq l-elettriku? Tista' tagħti break down skont il-lokalità ta' fejn kienu jinsabu dawn il-meters? Tista' tgħid kemm-il dikjarazzjoni ġiet mingħand negozji u kemm minn djar residenzjali? Min kienu l-membri tal-kumitat li aċċettaw dawn id-dikjarazzjonijiet? Kemm kien l-ammont li l-Gvern irċieva minn dawn id-dikjarazzjonijiet? Min huma l-avukati li qed jirrappreżentaw lill-Enemalta f'dawn il-każijiet u kemm qed jitħallsu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'seduta oħra.

Enemalta – każijiet dwar spejjeż kawżati fi djar kawża ta’ ħsarat fil-provvista tal-elettriku

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' każijiet li tressqu lill-Enemalta dwar spejjeż ikkawżati fi djar f'Malta u Għawdex kawża ta' ħsarat fil-provvista tad-dawl, kawża minn qtugħ tal-provvista jew xort’oħra mill-Enemalta jew mill-power station fis-snin 2019, 2020, 2021 u 2022?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Enemalta rċeviet 613-il talba għal kumpens minħabba allegat ħsarat jew qtugħ fil-provvista tal-elettriku. Fl-istess perjodu rċeviet 241 talba oħra għal kumpens għal ħsarat oħra fosthom f’bini jew vetturi allegatament ikkawżati mill-infrastruttura tal-Enemalta. L-ebda waħda minn dawn it-talbiet ma kienet dovuta kawża ta’ qtugħ tal-provvista mill-Power Station.

Impjanti tal-Magħtab/Għallis – gass maqbud

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-ammonti ta' gassijiet li ġew maqbuda s'issa (xahar b’xahar u sena b’sena) mill-Impjant tal-Magħtab/Għallis? X'sar minn dan il-gass? Tista' tgħid jekk ġiex iġġenerat xi elettriku minn dan is-sors ta' enerġija?

Response (DALLI, MIRIAM)

Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra 2 tabelli bl-informazzjoni mitluba tal-gassijiet li ġew maqbuda s'issa. Dan il-gass ġie ttrattat kif spjegat hawn taħt. It-tabella A - Għallis Landfill - turi ġimgħa b'ġimgħa (kol B): • l-ammont ta' gass tal-miżbla ġġenerat mill-miżbla tal-Għallis ittrattat permezz tas-CHP, mill-2012 (kol C) sal-2023 (kol AF) • l-enerġija ġġenerata permezz tas-CHP mill-2012 (kol D) sal-2023 (kol AH) • l-ammont ta' gass flared, mill-2016 (kol L) sal-2023 (kol AG) · ringiela 58 turi l-valur annwali Tabella B - Magħtab + Żwejra - turi ġimgħa b’ġimgħa (kol B) l-ammont ta’ gass ittrattat permezz ta’ RTO mill-2013 (kol C) sal-2023 (kol M). Filwaqt li ringiela 58 turi l-valur annwali.

Birżebbuġa – Triq tal-Ġebel – irwejjaħ ta’ drenaġġ

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk daħlux rapporti li r-residenti fi Triq tal-Ġebel u fl-inħawi, f'Birżebbuġa, qegħdin ixommu rwejjaħ ta' drenaġġ? X'investigazzjonijiet saru u minn min, u x'azzjonijiet ser jittieħdu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li f’dak li jirrigwardja każijiet ta’ rwejjaħ fl-inħawi ta’ Birżebbuġa, mill-bidu ta’ Jannar lil hawn, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi rċeviet rapport wieħed biss nhar il-Ħadd 29 ta’ Jannar. L-Awtorità wettqet spezzjonijiet fit-triq imsemmija, fit-toroq tal-madwar u kif ukoll fiż-żona residenzjali tal-Papa u fiċ-ċentru ta’ Birżebbuġa. Fil-fratemp il-korporazzjoni għas-servizzi tal-ilma għamlet l-investigazzjonijiet tagħha wkoll, fejn il-problema relatata ma’ rwejjaħ ta’ drenaġġ ġiet solvuta. Il-korporazzjoni se tibqa' ssegwi l-każ.