Legislature:
Category:
Reset
Active:

EcoHive

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 28566 u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport/i dwar l-għażla tas-sit għall-kumpless magħruf bħala l-EcoHive, inkluż ir-raġunijiet tekniċi, ambjentali u oħrajn li wasslu għall-għażla tas-sit fil-Magħtab?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Kumpless ECOHIVE amministrat mill-WasteServ, ilu jaqdi l-funzjoni preżenti tiegħu għal għexieren ta’ snin li kien iddominat mill-miżbliet. Id-deċiżjoni tal-Gvern tal-ġurnata hija li jtejjeb l-amministrazzjoni ġenerali tal-iskart u għalhekk qed jinvesti fl-aqwa teknoloġija biex flok l-iskart jintrema fil-miżbliet dan jinbidel f’riżorsa. L-EIA għal kull impjant rispettiv jinkludi kapitlu fuq is-siti alternattivi li ġew kunsidrati. Id-dokumenti mitluba huma aċċessibbli mill-website tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) permezz ta’ dawn il-links rispettivi, kif jidher fl-iscreenshot li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Proposed Thermal Treatment Facility in the ECOHIVE Complex, including plant building, storage building, administration building, waste water treatment, tank farm and cisterns: https://era.org.mt/era-project/pa-06096-23/ The outline application for the construction of a Waste to Energy Plant at Maghtab: https://era.org.mt/era-project/pa03012-20/ Construction of an Organic Processing Plant in Malta: https://era.org.mt/era-project/ea00019-22/

TD-T-3749-2023 (7167) — TRENCHING AND CABLE LAYING WORKS FOR RINGING OF XAGHRA SEGOND HOTEL SS TO SPRING SS IN AN ENVIRONMENTALLY FRIENDLY MANNER - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22887 li ngħatat fit-12 ta’ Novembru 2024, dwar meta se jibda x-xogħol relatat mas-sejħa ‘TD-T-3749-2023 (7167) - TRENCHING AND CABLE LAYING WORKS FOR RINGING OF XAGHRA SEGOND HOTEL SS TO SPRING SS IN AN ENVIRONMENTALLY FRIENDLY MANNER’, fejn ġie mwieġeb ‘l-permess minn Transport Malta biex ikun jista’ jinbeda dan ix-xogħol wasal fi stadju finali u mistenni jkun konkluż fil-ġranet li ġejjin. Għaldaqstant, qed ikun ippjanat li x-xogħol jibda sa tmiem is-sena’, tista’ l-Ministru tgħid għaliex għaddew iktar minn erba’ xhur u x-xogħol għadu ma nbediex? Tista’ tgħid ukoll meta ser jinbeda (xahar u sena) u jitlesta dan ix-xogħol?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li minħabba xogħlijiet oħrajn urġenti li ġew assenjati lill-kuntrattur dawn ix-xogħlijiet kellhom jiġu posposti għal ftit żmien. Ix-xogħlijiet inbdew f’nofs Mejju u huwa mmirat li jitlestew fi żmien 10 ġimgħat.

WSC/T/110/2023 — Works - Trenching And Pipelaying Works In An Environmentally Friendly Manner By The Water Services Corporation - Consolidation Of Existing Network For Improved Water Supply In Xagħra

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma r-raġunijiet għaliex għaddew iktar minn disa’ xhur u għadu ma nbeda ebda xogħol relatat mas-sejħa WSC/T/110/2023 - Works - Trenching And Pipelaying Works In An Environmentally Friendly Manner By The Water Services Corporation - Consolidation Of Existing Network For Improved Water Supply In Xagħra? Tista’ tgħid ukoll meta ser jinbeda (xahar u sena) u jitlesta dan ix-xogħol?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li x-xogħlijiet li qed issir referenza għalihom inbdew u huwa mmirat li jieħdu madwar tliet xhur.

Il-Bajja tal-Ġnejna — Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux qed isir xi xogħol fil-Bajja tal-Ġnejna? Tista’ wkoll tiżgura li qed jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiġi evitat li jweġġa’ xi ħadd, peress li minkejja li hemm tabella li tindika fejn hemm periklu, xorta waħda jistgħu jidħlu n-nies li jkunu hemm?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

Wied il-Għajn — Triq La Sengle - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux previst li jsiru xi xogħlijiet fil-bidu ta’ Triq La Sengle, Wied il-Għajn, matul is-sena 2025?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u Enemalta s'issa m’għandhomx ippjanat li jsiru xogħlijiet fiż-żona indikata.

Ix-Xemxija — Bankina

Question

Tista’ l-Ministru tara li jittieħdu l-passi neċessarji biex il-bankina viċin tar-roundabout tax-Xemxija (ħdejn il-latrina pubblika, sal-Knisja tal-Kapuċċini fix-Xemxija), tiġi mnaddfa sew u tinżamm fi stat ta’ ndafa kontinwu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Infurmata li minn spezzjoni li saret ma kien hemm ebda rapport ta’ ħmieġ fuq il-bankina, kien hemm ftit ħaxix ħażin u dan tneħħa.

Birkirkara — Triq is-Sisla u fi Triq tal-Qattus - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Water Services Corporation (WSC) jew l-Enemalta humiex se jkunu qed jagħmlu xi xogħlijiet ta’ tħaffir jew xogħol ieħor fi Triq is-Sisla u fi Triq tal-Qattus, f’Birkirkara? Jekk iva, tista’ tgħid f’liema triq minnhom (jekk mhux it-tnejn) ser isir ix-xogħol, x’tip ta’ xogħol ser ikun qiegħed isir, u f’liema perjodu ser isir?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fil-ġimgħat li ġejjin, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se tkun qed tibdel il-mejn tad-drenaġġ fi Triq il-Qattus.

ARMS — Kontijiet

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 28445 u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi kemm inħarġu kontijiet mill-ARMS, separati skont it-tip (residenzjali, domestiċi u kummerċjali), minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Monitoraġġ tal-Kwalità tal-arja — Riżultati

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28402, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, r-riżultati tal-monitoraġġ tal-arja permezz ta’ netwerk istantanju kif ukoll r-riżultati tal-monitoraġġ permezz ta’ netwerk passiv meħuda bejn l-1 ta’ Jannar 2025 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, għal-lokalitajiet imsemmija fl-istess tweġiba?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex tinġabar l-informazzjoni.

Il-Bajja ta’ San Ġiljan — Tniġġis tad-drenaġġ - Prekawzjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi prekawzjonijiet qiegħed jieħu l-Gvern biex ma jerġax ikun hemm tniġġis tad-drenaġġ fl-ibħra tal-Bajja ta’ San Ġiljan?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba fuq l-istess materja li tajt għall-mistoqsija parlamentari 20818, fejn kont spjegajt li l-problema inkwistjoni ma kinitx relatata ma’ nuqqasijiet fl-infrastruttura tad-drenaġġ tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Nirreferiha wkoll għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21893 fejn anke fil-każ tal-Bajja tal-Balluta kien ġie determinat li l-kawża wkoll ma kenitx relatata mal-infrastruttura tal-Korporazzjoni. Apparti l-investiment li sar fl-aħħar snin u li għadu qed isir għat-tisħiħ u modernizzar tan-netwerk tal-ilma u tad-drenaġġ madwar il-pajjiż, li wkoll spjegajtu fid-dettall fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20818, inżid li l-Korporazzjoni twettaq testijiet u manutenzjoni regolari tas-sistemi tagħha biex jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika — Nefqa fuq fjuri

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23482, fejn ġejt riferut għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21835, tista’ l-Ministru tagħti l-informazzjoni limitatament għall-2024, u ċjoè kemm nefqet flus fi fjuri għal funerali matul is-sena 2024 u jekk bagħtitx fjuri lil xi ħadd f’okkażjonijiet oħra, u fil-każ kemm kienet l-ispiża?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa għal fjuri hija koperta mil-Line Item 22 “Materials and Supplies” fl-Estimi Finazjarji tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika li kopja tiegħu tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Wied il-Għajn — Triq Sant’Anna - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk huwiex previst li jsir xi xogħol fi Triq Sant’Anna, Wied il-Għajn, matul din is-sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li x-xogħlijiet fit-triq indikata qed ikunu kkordinati minn Infrastructure Malta. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

Il-Qrendi, Wied iż-Żurrieq — Sistema tad-drenaġġ - Master Plan

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta hu mistenni li jitlesta l-Master Plan għas-sistema tad-drenaġġ f’Wied iż-Żurrieq, il-Qrendi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tħejji proposta li d-dettalji tagħha jitħabbru fil-mument opportun.

Il-Qrendi, Wied iż-Żurrieq — Sistema tad-drenaġġ - Tindif tal-fosos

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiġi offrut servizz f’Wied iż-Żurrieq, il-Qrendi, biex jitnaddfu l-fosos sakemm issir is-sistema tad-drenaġġ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont il-Customer Contract li timxi fuqu l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, is-servizz ta’ tindif ta’ fosos b’xejn jingħata meta jiddaħħlu applikazzjonijiet ta’ natura domestika u mhux kummerċjali. Il-fosos huma responsabbiltà tas-sidien.

Trattament tal-ilma urban mormi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27968, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti li Malta, bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, mill-2015 ’l hawn issottomettiet lill-Kummissjoni skont l-obbligi ta’ monitoraġġ li jirriżultaw mid-Direttiva 91/271/KEE dwar it-trattament tal-ilma urban mormi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba hija disponibbli fuq Eionet Central Data Repository li hija aċċessibbli mill-website tal-European Environment Agency permezz ta’ dawn il-links rispettivi, kif jidher fl-iscreenshot li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra: Art 15 - 2016 (reflecting year 2014) – https://cdr.eionet.europa.eu/mt/eu/uwwt/envv9_37q/ Art 15 - 2018 (reflecting year 2016) - https://cdr.eionet.europa.eu/mt/eu/uwwt/envwwlywq/ Art 15 - 2020 (reflecting year 2018) - https://cdr.eionet.europa.eu/mt/eu/uwwt/envyskyrq/ Art 15 - 2022 (reflecting year 2020) - https://reportnet.europa.eu/public/dataflow/494 Art 15 - 2024 (reflecting year 2022) - https://reportnet.europa.eu/public/dataflow/1043

Il-Mellieħa, l-Imġarr u San Pawl il-Baħar — Bdiewa li qed jużaw in-New Water

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta’ bdiewa full-time u part-time, rispettivament u separatament, li bħalissa qed jużaw in-new water li qed jiġi provdut mill-impjant tal-Mellieħa, fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, l-Imġarr u San Pawl il-Baħar, separatament? Tista’ tgħid ukoll kemm-il discharge station tal-ilma hemm imqabbda mas-sistema f’kull waħda minn dawn il-lokalitajiet, u kemm hemm stazzjonijiet li għalkemm imwaħħla fil-post, għadhom mhux qed jintużaw?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fil-lokalitajiet indikati l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha 100 dispenser li qed jintużaw, filwaqt li madwar 88 dispenser ieħor qegħdin jiġu kummissjonati bħalissa u għandhom ikunu qed jintużaw kollha sal-aħħar ta’ din is-sena. Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex l-ewwel parti tal-mistoqsija tirreferiha lill-Ministeru konċernat.

Raħal Ġdid — Ġnien il-Mediterran - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’tip ta’ xogħlijiet huma ppjanati li jsiru fi Ġnien il-Mediterran, Raħal Ġdid, matul is-sena 2025?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara ftehim milħuq mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-MCAST, li huma s-sidien tal-art inkwistjoni, u bi qbil ukoll mal-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid, Project Green se tkun qed tagħmel proġett fi Ġnien il-Mediterran bil-għan li dan ikun jista’ jitgawda aktar mill-familji permezz ta’ titjib fl-aċċessibiltà, kif ukoll faċilitajiet bħal żoni għall-pikniks u logħob għat-tfal. Se jsiru wkoll żewġ ġibjuni u sistema t’irrigazzjoni għat-tisqija tas-siġar u l-pjanti.