Legislature:
Category:
Reset
Active:

Fish Farms – tibdil fir-regolamentazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk riċentiment kienx hemm xi tibdil fir-regolamentazzjoni tal-fish farms?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li ftit aktar kmieni din is-sena ġew varati regolamenti ġodda dwar l-operat tal-akkwakultura fejn qiegħed ikun regolat l-operat tal-istabbilimenti tal-akkwakultura. Bħalissa għaddej il-perjodu ta’ transizzjoni, fejn l-operaturi preżenti qegħdin jinħarġilhom il-permess operattiv skont kif inhu mitlub minn dawn ir-regolamenti.

Biċċerija – preservazzjoni tal-post

Question

Peress li l-Biċċerija din is-sena tagħlaq 120 sena minn meta tlestiet fi żmien l-Ingliżi, jista’ l-Ministru jgħid xi prekawzjonijiet ittieħdu biex dan il-wirt storiku jiġi ppriservat?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-investimenti li saru fil-Biċċerija fl-aħħar erba’ snin, waqt li kienu ntiżi biex iseddqu l-livell ta’ iġene fil-biċċerija, kien żgurat li jkun salvagwardjat il-wirt storiku industrijali li jeżisti fil-biċċerija. Il-bini l-antik li jmur lura għall-bidu tal-biċċerija ġie restawrat. Tnaddaf minn akkumulu ta’ tniġġiż tul is-snin kif ukoll inbiddlu ġebel li kienu tnawru. Dan bil-għan li waqt li tiġi rimedjata l-ħsara li saret tul is-snin, dawn jiġu kkultivati għall-futur. Ġiet irrestawrata wkoll ġiebja antika biex tilqa’ ġo fiha l-ilma tax-xita. Barra minn hekk, wara ftehim mal-Università ta’ Malta ġie ppubblikat tender biex isir restawr tat-torri tal-ilma fil-biċċerija. Din hi struttura unika tax-xorta tagħha f’Malta, u fost l-eqdem strutturi tal-konkrit fil-gżejjer. Matul is-sena d-dieħla mistennija tiġi rrestawrata d-daħla tal-biċċerija.

Dħul fir-riżerva naturali ta’ Filfla – talbiet għal permess

Question

Jista’ l-Ministru jgħid sena b’sena kemm-il talba għal permess irċieva għal dħul fir-riżerva naturali ta’ Filfla mill-1 ta’ Jannar 2013 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid x’kien l-għan ta’ kull waħda mit-talbiet? Jista’ jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa u nħareġ il-permess mitlub? Jista’ jgħid jekk imponiex xi kundizzjonijiet mal-ħruġ ta’ dawn il-permessi?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni rigward 8 talbiet għal dħul jew aċċess għall-gżira ta’ Filfla li ġew mitluba lill-MEPA mill-2013 sa’ issa. L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ma ġietx mitluba permessi ta’ dan it-tip. Dawn il-permessi huma għal skopijiet xjentifiċi, li wħud minnhom huma wkoll biex jaqdu obbligi legali fuq il-pajjiż. Il-permessi kollha jkollhom għadd ta’ kundizzjonjiet, li jinkludu kundizzjonijiet ġenerali li jiżguraw li jinżamm l-istat ta’ konservazzjoni tal-ambjent naturali u l-ispeċi li għalihom hija mħarsa Filfla – li jinkludu kundizzjoni kontra qbid u qtil ta’ speċi ta’ flora u fawna, kif ukoll kundizzjonijiet speċifiċi għall-każ partikolari.

Livell tal-ibħra Maltin — miżuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma l-miżuri li l-Ministeru qiegħed jieħu biex jagħmel tajjeb għal fatt li fil-ġejjieni l-livell tal-baħar Malti għandu jogħla aktar minn metru? X'inhu l-pjan? Min qed jieħu ħsieb? X'koordinazzjoni qed isir ma' Ministeri oħra dwar dan il-fatt? Art li hi fil-baxx bħal Imsida u postijiet oħra, kif se jiġu mħarrsa?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa mill-ewwel kommunikazzjoni li Malta għamlet mal-UNFCCC, il-fatt li fil-ġejjieni l-livell tal-baħar madwar Malta għandu jogħla ġie identifikat bħala wieħed minn numru ta’ riskji li Malta tista’ taffaċja bħala effett tat-tibdil fil-klima. Kif jidher fl-istess kommunikazzjonijiet, jingħad ukoll li dan il-proċess huwa wieħed li jieħu fit-tul u li l-estimi dwar l-għoli fil-livelli tal-ibħra għandhom jiġu interpretati b’attenzzjoni kbira. Bħala Ministeru, inbeda u qed ikompli għaddej il-proċess tal- Low Carbon Development Strategy li minbarra li se titħejja strateġija nazzjonali biex l-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna jindirizza l-isfida tat-tibdil fil-klima, ser tinkludi wkoll l-addatament għall-impatti li ġġib magħha t-tibdil fil-klima, fosthom l-għoli fil-livell tal-baħar fil-ġejjieni. Din l-istess strateġija ser thares ‘il bogħod u ser ikollha viżjoni fit-tul. F’dan l-istadju, diġa saru numru ta’ konsultazzjonijiet li kienu anke miftuħa għall-pubbliku. Għal dan il-għan twaqqaf ukoll kumitat interministerjali li jinkludi rappreżentanti mill-Ministeru tat-Trasport, l-Infrastruttura u Progetti Kapitali, dak tal-Energija, kif ukoll Immanigjar tal-Ilma. Diversi għaqdiet ambjentali wkoll esprimew l-opinjonijiet tagħhom fil-fażi inizjali tat-tfassil ta’ din l-istrateġija.

Sustainable Development Goals

Question

Is-Sustainable Development Goals (SDG) huma 17-il għan li għandhom jagħmlu tajjeb sas-sena 2030. Jista’ l-Ministru jgħid x'qiegħed jagħmel il-Ministeru biex iwitti t-triq dwar dawn is-SDG? Kif qiegħda timplentahom Malta u fejn wasalna?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Malta għadha fl-istadji bikrija ta 'l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miri u bħalissa qegħda tadotta ‘bottom up approach’ sabiex tagħti aktar viżibilità lill-SDG’s fl-istrutturi tal-Gvern fl-amminstrazzjoni pubblika u wkoll fis-soċjetà in ġenerali. L-SDG’s huma mkejlin b’sett ta’ indikaturi li huma stabbiliti minn Nazzjonijiet Uniti. Ir-Rapport ‘SDG Index & Dashboards – A Global Report ’ li kien ippublikat f’Lulju tal-2016 ipoġġi lil Malta fit-32 post meta ikkumparat mal-pajjiżi l-oħrajn tad-dinja. L-istess rapport li ġie ppublikat f’Lulju tal-2017, jikkonferma lil Malta fit-22 post. Dan juri li Malta qegħda fit-triq it-tajba fil-kisbiet sabiex jintlaħqu il-miri tal-SDG’s sal-2030. Aktar informazzjoni dwar x’qiegħed jsir f’Malta fuq l-Iżvilupp Sostenibbli jinsabu fir-rapporti ta’ ħidma għas-snin 2015 u 2016 li tqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kumitati “The Guardian of Future Generations” u “Sustainable Development Network”

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min qiegħed imexxi l-kumitat “The Guardian of Future Generations” u s-“Sustainable Development Network”? Jista’ jgħid xi twettaq s’issa u x'rapporti tħejjew fl-ewwel tliet snin ta' tmexxija 2012-2015 u f'dak t'issa 2015-2018?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kumitat ‘The Guardian of Future Generations’ għandu bħala Chairman lis- Sur Maurice Mizzi. Il-‘Guardian of Future Generations’ taħt it-tmexxija ta' s-Sur Maurice Mizzi ilu jiltaqa’ minn April 2017 hekk kif kien ġie mniedi uffiċjalment mill-Ministeru tiegħi f’Jannar 2017. Minn dak in-nhar 'l hawn saru diversi laqgħat u anke sar proċess ta' konsultazzjoni ma’ l-ogħla awtoritajiet eżekuttivi kollha fis-settur governattiv bil-għan li l-Guardian ikollu stampa indikattiva tal-mod kif il-Ministeri kollha qegħdin jimplimentaw policies li jinkludu s-sostenibilità fl-operat tagħhom. Fil-frattemp il-membri kollha tal- Guardian flimkien maċ-Chairman issottomettew l-offerta ta' riżenja tagħhom hekk kif tħabbar il-Gvern il-ġdid wara t-tlieta (3) ta' Gunju 2017, sakemm l-istess Guardian ġie rijattivat f'Lulju 2017. Mat-tħabbira tal-Gvern ġdid, il-Ministeru għal-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tidbil fil-Klima ukoll reġa’ ta spinta lin- network tal-Punti Fokali ta’ l-Iżvilupp Sostenibbli fil-Ministeri governativi hekk sabiex ikun hemm iktar support ta informazzjoni u governanza bejn il-Gvern u il- Guardian of Future Generations . Madanakollu bhalissa qed jiġi kkunsidrat kif ser nerġgħu nagħtu spinta lis- Sustainable Development Network li fil-governanza tal-Iżvilupp Sostenibbli għandu rwol li jiġbor il-perspetivva tas-soċjetà ċivili ġewwa Malta ħalli b’hekk inkunu qed nikkonsolidaw il-perspetivvi kemm tal-Governattivi, tal-soċjetà ċivili kif ukoll dik tal-ġenerazzjonijiet futuri. Bejn 2012 u 2015, il-‘ Guardian of Future Generations’ wettaq diversi eżerċizzji ta’ konsultazzjoni ma’ diversi Ministeri kif ukoll mal-Punti Fokali ta' Żvilupp Sostenibbli biex jiġbor informazzjoni relatata ma’ diversi temi li jikkonċernaw żvilupp sostenibbli. Matul dan iż-żmien il-Gwardjan staqsa dwar:- · Miżuri li qed jiġu kkunsidrati, ippjanati jew implimentati fl-oqsma tas-saħħa, pensjonijiet, edukazzjoni u benefiċċji soċjali, kif ukoll fil-qafas fiskali, bil-ħsieb li jiġi evalwat sa fejn dawn jikkostitwixxu soluzzjonijiet finanzjarjament sostenibbli li x'aktarx jissalvagwardjaw l-interessi tal-ġenerazzjonijiet futuri ta’ Malta. · Programmi li qed jiġu kkunsidrati, ippjanati jew implimentati madwar il-Gvern bħala parti minn strateġija ta’ integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi; · Il-mod kif il-Ministeri, Dipartimenti u entitajiet relevanti - kif ukoll l-impjegati individwali nvoluti fil-formulazzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-iżvilupp sostenibbli.

ERA – Miżuri biex tipproteġi u tħares lir-residenti li jogħqodu f’light industry

Question

Residenzi li darhom hi f'żoni industrijali għandhom jiġu mħarsa minn kontaminazzjoni tal-arja minħabba sprays, trab industrijali, exhaust, ħsejjes ta' makkinarji eċċ.? Jista’ l-Ministru jgħid x'miżuri qed tieħu l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex tipproteġi u tħares l-interessi ta' residenti li joqogħdu f'żoni fejn hemm light industry? Jekk l-ERA għada ma bdietx tieħu dawn il-miżuri, meta ser tibda timplementa dan il-pjan li jħares il-wellbeing tal-familji Maltin u Għawdxin?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Temperatura tal-baħar Mediterran – strateġija

Question

Peress huwa fatt li t-temperatura tal-baħar Mediterran qed togħla u l-baħar qed jisħon fejn diġà bdew jinħassu problemi li qed jaffettwaw lill-ħlejjaq tiegħu, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-istrateġija tal-Ministeru, kemm lokali kif ukoll internazzjonali, dwar din l-isfida u x'miżuri qed jittieħdu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-riċerka qegħda turi li t-temperatura tal-baħar fil-Mediterran qed tiżdied, madanakollu riċerka dwar x’impatti ser ikollha din iż-żieda fit-temperatura fuq il-ħlejjaq tal-baħar hija limitata biex isservi ta’ bażi għall-miżuri speċifiċi minn dan il-lat. Huwa għalhekk li fil-fora kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali partikolarment fil-livel tal-IPCC (Intergovermental Panel on Climate Change), Malta tisħaq bis-sħiħ dwar l-importanza tar-riċerka fis-settur marittimu minħabba l-impatti soċjo-ekonomiċi li dan iġib miegħu. Fil-fatt anke waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropeja (Jan – Ġun 2017) fejn ġew diskussi kif it-tibdil fil-klima u l-ambjent jagħmlu mpatt fuq is-settur marittimu, Malta appoġġjat żieda fir-riċerka u emfasizzat l-importanza tar-riżultati bħala gwida għat-tfassil tal-politika ambjentali. Attwalment, l-istrateġija nazzjonali fuq il-Biodiversità ( Biodiversity Strategy ) tagħraf il-limitazzjonijiet fid- data li jwasslu għal nuqqas ta’ analiżi dwar il-vulnerabbilità tal-ispeċi, għalhekk tixpruna riċerka akkademika fuq dan is-suġġett. Minbarra dan, l-istrateġija ttenni li l-pjanijiet ta’ immaniġjar tas-siti protetti għandhom jinkludu l-impatti relatati mat-tibdil fil-klima bħala riskji tanġibbli. Dawn il-pjanijiet għaż-żoni marittimi protetti ġew mfassla u qegħdin f’stadju ta’ konsultazzjoni pubblika. Aktar żoni ser jingħataw l- istatus ta’ protezzjoni propju għal dan il-għan. Nixtieq ukoll inżid li bħalissa għaddej monitoraġġ intensiv fl-ibħra Maltin biex niġbru data robusta għall-implimentazzjoni tal- Marine Strategy Framework Directive , grazzi għall-fondi mill-Unjoni Ewropea. Eżerċizzji bħal dawn ikomplu jipprovdulna bażi li fuqha nieħdu azzjoni neċessarja għall-protezzjoni tal-ibħra tagħna.

Biċċerija – investiment – titjib fil-kwalità

Question

Peress li matul il-leġiżlatura li għaddiet, il-Gvern investa qattigħ fil-Biċċerija, kemm f’makkinarju kif ukoll f’infrastruttura, jista’ l-Ministru jindika dan l-investiment kemm sarraf f’titjib fil-kwalità tal-prodott?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nikkonferma lill-Onor. Interpellant li l-investiment li sar fil-Biċċerija fil-fatt wassal għal titjib sostanzjali fil-kwalità tal-laħam li joħroġ mill-biċċerija. Bi pjaċir ngħid li l-prodott tal-laħam Malti huwa ta’ kwalità tajba daqs, anzi ħafna drabi aħjar, minn laħam impurtat. Il-karkassi kollha llum jiġu dressed skont standards Ewropej. Il-laħam kollu huwa ggradat skont il-kwalità u l-ammont ta’ xaħam li fihom. Il-livell ta’ iġene tjieb ukoll, b’riżultati mit-testijiet juru li b’mod konsistenti jintlaħaq livell tajjeb ħafna ta’ iġene, u għalhekk jitnaqqas b’mod sostanzjali r-riskju ta’ kontaminazzjoni tal-karkassi.

Biċċerija – programm ta’ ristrutturar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien ir-riżultat tal-programm tar-ristrutturar tal-Biċċerija u l-investimenti li saru mill-2013 ’il quddiem?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-investimenti li saru fil-Biċċerija fl-aħħar erba’ snin wasslu sabiex jiġu indirizzati l-issues kollha identifikati mill-awdituri tal-Kummissjoni Ewropea waqt l-ispezzjoni li saret f’Jannar 2013. Matul is-snin li għaddew sar investiment qawwi f’faċilitajiet u tagħmir fil-biċċerija. L-imqawel fejn jintlaqgħu l-annimali ġew mibdula ta’ taħt b’mod li tkun garantita l-iġene u l-benesseri tal-annimali. Tlestew faċilitajiet għall-impjegati b’mod li tkun garantita is-segregazzjoni bejn ħaddiema li jidħlu f’sezzjonijiet differenti tal-linja waqt li tkun grantita l-iġene personali tagħhom. Sar xogħol sostanzjali fuq il-linji tal-qatla nfushom inkluż fuq is-soqfa, ħitan, u t-tagħmir. Fost l-oħrajn inbidlet il-linja tal-majjal kif ukoll bosta tagħmir ieħor. Sar xogħol estensiv fuq is-sistema tad-drenaġġ inkluż bil-bini ta’ blood-room iddedikata biex jinġabar id-demm kollu qabel jintbagħat fl-inċineratur. Inbidlu l-faċilitajiet biex jinħaslu t-trakkijiet tar-raħħala biex b’hekk jitnaqqas ir-riskju ta’ cross-contamination bejn razzett u ieħor. Ġiet installata sistema ta’ arja kkundizjonata fuq il-linji biex b’hekk tkun garantita temperatura adegwata. Ġew rekrutati impjegati ġodda kif ukoll ingħata taħriġ lill-impjegati biex ikunu midħla tal-istandards Ewropej u jimxu magħhom. Bi pjaċir ngħid li frott ta’ dan kollu ġie rreġistrat titjib fil-kwalità tal-laħam ta’ Malta. Ninfurmah ukoll li Awdituri tal-UE li żaru l-impjant fl-2016 kienu impressjonati bl-iżvilupp li sar u faħħru lill-Malta għall-progress li sar.

Biċċerija – miżuri biex jitnaqqas il-konsum tad-dawl u l-ilma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ġew implimentati fil-Biċċerija biex jitnaqqas il-konsum tad-dawl u l-ilma u tiżdied l-effiċjenza fil-bini?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-investimenti li saru fil-Biċċerija fl-aħħar erba’ snin, waqt li kienu ntiżi biex iseddqu l-livell ta’ iġene fil-biċċerija, kien żgurat li jkunu energy efficient u/jew jiffaċilitaw il-ġbir u l-ħażna tal-ilma tax-xita. Fost l-oħrajn id-dawl artifiċjali nbidel kollu għal sistemi LED. L-apparat kollu kien żgurat li jkun mill-iktar effiċjenti. Barra minn hekk mistenni joħroġ tender sabiex is-sistema ta’ tisħin tal-ilma tinbidel minn waħda li tuża t-thin fuel oil għal waħda ibbażata fuq gass u solar-water heaters. Barra minn hekk, wara li saret manutenzjoni estensiva tas-soqfa, dawn inksew bil- membrane . Tnaddfet u ġiet restawrata u nżebgħet b’żebgħa food grade ġiebja apposta biex tilqa’ l-ilma tax-xita. Tqiegħdet network ta’ katusi li mill-bjut inkwestjoni jwasslu għal ġol-ġiebja msemmija. L-aħħar fażi ser tkun l-installazzjoni ta’ sistema ta’ iffiltrar tal-ilma biex ikun żgurat li l-ilma kollu wżat fil-biċċerija jkun ta’ kwalità tajba għax-xorb u b’hekk ikun jista’ jintuża fil-ħasil tal-impjant.

Wied il-Għajn – WasteServ — skart

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 1672, jista’ l-Ministru jwieġeb jekk l-iskart hux tossiku? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultati li saru fuq dan l-iskart u li ġew minn barra?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari W1.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — konsulenzi minn persuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jew id-ditta legali tagħha, wara Marzu 2013? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi sena b’sena?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-persuna kkonċernata ma ngħatat l-ebda xogħol mill-Ministeru tiegħi jew minn xi entità li taqa’ taħti.

WasteServ Malta Ltd – pjan għall-Impjant ta’ Sant’Antnin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandha l-kumpanija WasteServ Malta Limited dwar l-Impjant ta’ Sant’Antnin wara l-ħruq estensiv li seħħ nhar it-Tnejn, 22 ta' Mejju 2017?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Wasteserv qed taċċetta l-materjal riċiklabbli fl-Impjant tal-Malta North. Nelfrattemp il-Wasteserv qedt tiżbarazza u tnaddaf is-sit tal-Material Recovery Facility (MRF) f’Marsaskala. Dan bi ħsieb li jerġa’ jinbena MRF ieħor. Filwaqt li l-Gvern jibqa’ kommess li fi żmien sebgħa (7) snin, l-operat sew tad-dry recycling kif ukoll it-trattament ta’ skart organiku jitneħħa minn Wied il-Għajn u s-sit jingħata lura lill-kommunità.

WasteServ Malta Ltd – pjan għall-Impjant ta’ Sant’Antnin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandha u x’ħidma qiegħda twettaq il-kumpanija WasteServ Malta Limited sabiex fl-immedjat jibda jerġa’ jopera l-Impjant ta’ Sant’Antnin li huwa mmexxi mill-istess kumpanija?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl’impjant ta’ Sant Antnin hemm żewġ faċilitajiet primarji, li jinqasmu fit-trattament tal-borża s-sewda u fit-trattament tal-materjal riċiklabbli. In-nar li seħħ f’Sant’ Antnin effetwa biss il-Material Recovery Facility li jitratta l-materjal riċiklabbli u nfatti t-trattament tal-borża s-sewda baqa għaddej normali. Sakemm titnaddaf l-art fejn kien hemm l-MRF u terġa’ tinbena faċilità oħra, l-materjal riċiklabbli qedt jiġi sseparat temporanjament fl-Impjant tal-Malta North fil-Magħtab.

Impjant ta’ Sant’Antnin – ġibjuni għall-ilma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ġibjun għall-ħażna tal-ilma hemm fl-Impjant ta’ Sant’Antnin li huwa mmexxi mill-kumpanija WasteServ Malta Limited? Jista’ jgħid kemm jesgħu ilma kull wieħed minn dawn il-ġibjuni?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-Impjant ta’ Sant’ Antnin hemm żewġ ġibjuni għall-ħażna tal-ilma li għandhom kapaċità ta’ 550 metru kubu u 3,000 metru kubu rispettivament.

Impjant ta’ Sant’Antnin – ġibjuni għall-ilma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, sena b’sena matul is-snin 2013, 2014, 2015, 2016 u 2017, kemm-il darba ġew mimlija bl-ilma l-ġibjuni li jinsabu fl-Impjant ta’ Sant’Antnin li huwa mmexxi mill-kumpanija WasteServ Malta Limited?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ġibjuni ta’ Sant’ Antnin kienu qed jimtlew b’second class water li kien qed jiġi mill-impjant tar-riċiklaġġ tad-drenaġġ tal-Water Services li qiegħed biswiet l-impjant ta’ Sant’ Antnin. Monitoraġġ ta’ kemm jittieħed second class water m’hemmx peress li l-miżura primarja hija li l-ġibjuni relatati jkunu mimlija sabiex f’każ ta’ nirien, ikun hemm biżżejjed ilma sabiex jibda l-proċess tat-tifi tan-nar.

Impjant ta’ Sant’Antnin – ġibjuni għall-ilma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk nhar it-Tnejn, 22 ta' Mejju 2017 meta seħħ ħruq estensiv fl-Impjant ta’ Sant’Antnin li huwa mmexxi mill-kumpanija WasteServ Malta Limited, kienx hemm ilma fil-ġibjuni li jinsabu fl-istess impjant? Jista’ l-Ministru jgħid jekk dan l-ilma intużax fl-isforz biex jiġi kkontrollat u mitfi l-imsemmi ħruq estensiv li seħħ fl-istess impjant?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-ġibjuni ta’ Sant’ Antnin kien hemm ilma u li dan intuża bħala parti mill-kontroll u tifi tan-nar dakinhar li seħħ l-inċident.

Żoni ta’ Natura 2000 – xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol qiegħed jitwettaq u hu ppjanat li jitwettaq, f’żoni ta’ Natura 2000?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjanijiet ta’ tmexxija tas-siti Natura 2000, li ġew approvati mil-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima fl-2016, komplew jiġu implimentati, b'attivitajiet f’bosta nħawi. Xogħlijiet għaddejjin jinkludu attivitajiet fil-Qala ta’ Santa Marija u r-Ramla tat-Torri għall-ħarsien tal-għaram tar-ramel, it-tneħħija ta’ speċi barranin u aljeni f’xi siti bħal f’Kemmuna; kif ukoll xogħlijiet li huma għaddejjin jew qed jiġu ppjanati fi nħawi bħall-Għadira s-Safra, il-Magħluq ta’ Marsaskala, il-Ballut ta’ Marsaxlokk, l-Għadira, is-Simar, il-Buskett u l-Majjistral Park. Minbarra minn dan, il-Ministeru għall-Ambjent, l-Iżvilupp Sostenibbli u t-Tibdil fil-Klima qiegħed jaħdem biex isaħħaħ il-ħidma tal-ERA fuq dawn il-pjanijiet permezz ta’ Ambjent Malta.

ERA – tneħħija ta’ skart minn Kemmuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il tunnellata ta’ skart u speċi aljeni tneħħew fl-aħħar azzjoni tal-ERA fuq Kemmuna?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Ambjent u Riżorsi, flimkien mal-PARKS u l-Wasteserv ġabret 9 tunnellati ta’ skart ġenerali, 30 tunnellata ta’ skart tal-metall, 2 vetturi fi tmiem żmienhom u 33 tunnellata ta’ Agave u speċi aljena oħra.