Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Direct orders ta' inqas minn €5,000
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Lulju 2023?
Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – Direct orders ta' inqas minn €5,000
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Mejju 2024?
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18603 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17252, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li nagħaġ u mogħoż importati mill-Unjoni Ewropea jistgħu ma jmorrux kwarantina?
Response (REFALO, ANTON)
Ngharraf lill-Onor. Interpellant li n-ngħaġ u l-mogħoż li jiċċaqilqu fl-Unjoni Ewropea ġeneralment ma jeħtiġux kwarantina minħabba miżuri stabbiliti ta' kontroll ta’ mard. L-istati membri tal-UE jsegwu sett unifikat ta' regolamenti dwar is-saħħa tal-annimali. Dan inaqqas b'mod sinifikanti l-probabbiltà li jiġi introdott mard trasmissibbli (p.e., bħal-marda tal-ilsien u d-dwiefer, FMD) permezz tal-moviment tal-bhejjem fil-blokk.
Ladarba n-ngħaġ u l-mogħoż jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-saħħa stabbiliti, jistgħu jiġu ttrasportati liberament bejn l-istati membri mingħajr ma jiffaċċjaw restrizzjonijiet ta' kwarantina. Dan il-proċess issimplifikat jiffaċilita l-kummerċ u l-moviment tal-istokk tat-tnissil fl-UE.
Id-deċiżjoni li bhejjem jinżammu ġewwa l-kwarantina tittieħed każ b’każ, fuq bażi tas-sitwazzjoni u c-ċirkostanzi u b’rispett lejn il-prinċipju tal-prekawzjoni. Annimali li joriġinaw minn reġjuni bi tifqigħat ta' mard dokumentati huma soġġetti għall-protokolli ta' kwarantina. Barra minn hekk, in-nuqqas li wieħed jaderixxi ma' protokolli stabbiliti, bħall-ittestjar ta' qabel il-moviment, dokumentazzjoni xierqa, tilqim, u diżinfezzjoni, jista' jwassal għal rekwiżiti obbligatorji ta' kwarantina.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18604 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17162, fejn intqal li “biex tiġi kkompilata l-informazzjoni kollha, kif mitlub, se jispiċċa jinqabeż l-advisory cost limit”, peress illi l-informazzjoni mitluba suppost tkun għand il-Ministeru qabel jagħti l-kwoti tat-tonn, jista’ l-Ministru jgħid, kemm minn dawk id-dgħajjes li kellhom il-kwoti tat-tonn mill-2013 sal-2023, sena b'sena;
i. kellhom friża u magna tas-silġ fuq id-dgħajsa u kemm kellhom kwota;
ii. kellhom friża biss fuq id-dgħajsa u kemm kellhom kwota; u
iii. ma kellhomx friża fuq id-dgħajsa u kemm kellhom kwota?
Response (REFALO, ANTON)
Ngharraf lill-Onor. Interpellant li l-Artiklu 17 tal-Politika Komuni tas-Sajd (Common Fisheries Policy) tal-Unjoni Ewropea jispeċifika l-kriterji soċjali, ambjentali, u ekonomiċi li permezz tagħhom titqassam il-kwota tat-tonn, iżda fl-ebda mod ma tirrikjedi ġbir ta’ informazzjoni ulterjuri dwar il-friża jew il-magna tas-silġ tad-dgħajsa. Għaldaqstant tali informazzjoni ma tiġix mitluba lis-sajjieda lokali u mhijiex disponibbli sabiex tingħata skont kif mitlub f’din il-mistoqsija parlamentari.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijia parlamentari 15683 u 18604 fejn saret referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija 13979, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm konsulenti impjegati mal-Ministeru u/jew id-Dipartiment tas-Sajd u fiex inhu l-expertise tagħhom u mhux sempliċiment jagħmel referenza għall-manwal?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-konsulenti ġew impjegati skont l-manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18611 u jgħid x'ser jagħmel bil-binja li qabel kienet okkupata mill-Għaqda Koperattiva tas-Sajd f’Marsaxlokk? Jista’ jgħid ukoll jekk jikkunsidrax li jgħaddiha lill-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd, li bħalissa hi l-unika koperattiva li tirrappreżenta lis-sajjieda Maltin?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-binja msemmija għadha okkupata iżda la darba din il-binja tkun disponibbli, għandha terġa’ tintuża għall-ġid tas-settur tas-sajd.
Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – Kuntratti ma’ kumpanija
Question
Jista' l-Ministru jgħid x’kuntratti għandu l-Ministeru, u/jew kull entità li taqa' taħtu, mal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, kemm jiswa kull kuntratt u b'liema mod ingħata (direct order, tender, quotations, eċċ.)?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru li tiegħu jiena responabbli ma għandu l-ebda kuntratti mal-kumpanija li qed issir referenza għaliha.
Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Servizzi minn persuna
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament qattx tqabbdet biex tagħti s-servizzi tagħha direttament jew tramite kumpanija f'xi entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu? Jekk iva, jista’ jgħid x’kienu dawn is-servizzi u kemm tħallset tagħhom?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li l-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli ma użax is-servizzi tal-persuna li għaliha qed issir referenza, direttament jew tramite kumpanija f'xi entità.
Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Reklami fuq gazzetti - Nefqa
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-ammonti ta' flus li ntefqu f’reklami fuq gazzetti mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru, x'kienu d-dati li fihom ixxandru dawn ir-reklami, kif ukoll jipprovdi l-isem tal-gazzetti li l-Ministeru xtara r-reklami?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Nefqa fuq fjuri għal funerali
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12037 u jgħid kemm nefaq flus fi fjuri għal funerali matul is-snin 2022 u 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista jgħid jekk bagħatx fjuri lil xi ħadd f’okkażjonijiet oħra u kemm kienet l-ispiża? Jista’ jgħid ukoll minn liema parti tal-baġit ittieħdu dawn il-flus?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tingabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16091 u jgħid kemm saru spezzjonijiet mid-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali fl-2021, 2022 u 2023? Jista’ jgħid ukoll f’kemm minn dawn l-ispezzjonijiet instab xi forma ta’ ksur tal-liġijiet dwar il-ħarsien tal-annimali?
Sptar APH — Sinerġija mal-istudenti li ser jibdew il-kors ta' veterinarju
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif ser tkun qed taħdem is-sinerġija bejn l-Isptar tal-Annimali APH ġewwa Ta’ Qali u l-istudenti li ser jibdew il-kors ta' veterinarju hekk kif ġie imħabbar il-ġimgħa l-oħra?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kif se jkun qed jaħdem il-Fond għall-Ħarsien tal-Annimali u kif se jiġu allokati dawn il-fondi u lil min?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-iskema tal-Animal Welfare Fund – Grant Support Scheme ser tkun qed taħdem skont il-parametri stipulati fil-linji gwida.
Din l-iskema b’allokazzjoni ta’ €85,000 ser tinqasam fi 3 prijoritajiet:
Prijorità 1 – L-għajnuna li ser tingħata hija marbuta ma’ l-Edukazzjoni fuq riċerka u kura b’allokazzjoni ta’ €25,000 fejn kull organizzazzjoni tista’ tibbenifika sa massimu ta’ €3,000, b’ azzjonijiet li jinkludu :
1. Workshops u seminars edukattivi;
2. Kampanji biex joħolqu għarfien dwar il-Ħarsien tal-Annimali;
3. Programmi mal-iskejjel;
4. Workshops għall-kura tal-annimali għall-voluntiera;
5. Inizzjattivi biex jinvolvu l-komunita’;
Prijorità 2 – Din il-prijorità tinkludi spejjeż marbuta ma’ provisti mediċinali, ikel u spejjeż oħra relatati mal-kura u trattament tal-annimali . F’din il-prijorità qed jiġu allokati €35,000, fejn kull organizzazzjoni tista’ tibbenifika sa massimu ta’ €5,000.
Prijorità 3 – L-għajnuna marbuta ma’ din il-prijorità hija relatata ma’ taħriġ rigward servizzi ta’ rehoming li jinkludu wkoll spejjeż ta’ trasport, anke jekk l-annimali jintbagħtu barra minn xtutna. Għal din il-prijorità qed jiġu allokati €25,000, fejn kull organizzazzjoni tista’ tibbenifika sa massimu ta’ €2,000. Azzjonijiet marbuta mal-adozzjoni tal-annimali jinkludu:
1. Trasport tal-annimali;
2. Taħriġ u counselling dwar l-adozzjoni;
3. Programmi marbuta mal-fostering ta’ annimali;
4. Materjal marbut ma’ rehoming ta’ annimali.
Il-fondi ser jingħataw lil dawk l-organizzazzjonijiet volontarji li jaħdmu favur il-ħarsien tal-annimali u li ser japplikaw għall-iskema. Il-proġetti sottomessi ser ikunu magħżula skond kriterji u punti stabbiliti fil-linji gwida. Kull organizzazzjoni għandha l-possibbiltà li tapplika għall-aktar minn prijorità waħda iżda l-massimu li tista’ tingħata bħala għajnuna lil kull applikant hija ta €8,000 inkluż il-VAT. L-għajnuna tingħata fuq 80% tat-total tal-proġett jew 90% tat-total tal-proġett (jekk tkun applikazzjoni konġunta bejn żewġ organizzazzjonijiet volontarji) . Il-proġett irid jitlesta fi żmien sena mill-iffirmar tal-kuntratt.
Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – vejikoli
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10795 u jgħid kemm hemm heavy vehicles, lifters u vannijiet u vejikoli tal-agrikoltura, fid-dekasteru tiegħu u meta saret l-aħħar spezzjoni biex jaraw humiex tajbin għat-triq?
Response (REFALO, ANTON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-informazzjoni mitluba hekk kif ġej:
Kategorija
Numru ta’ vejikoli
Heavy Vehicles
7
Light Vehicles
40
Lifters
4
Vejikoli agrikoli
22
Il-vetturi kollha li huma proprjetà tal-MAFA huma ċċertifikati kull sena permezz tal-VRT kif mitlub minn Transport Malta biex iġeddu l-liċenzja annwali tal-vettura tagħhom. Barra minn hekk, vetturi li jeħtieġu ċertifikat tal-inġinier jiġu spezzjonati u ċċertifikati minn inġinier kwalifikat. Barra minn hekk, vetturi li ma għaddewx mill-VRT jew mill-ispezzjoni tal-inġinier mhux qed jintużaw qabel ma jissewwew.
Issa li ġie mħabbar li ser jinfetħu l-applikazzjonijiet għall-kors ta' veterinarju ġewwa pajjiżna, jista’ l-Ministru jgħid x'ser ikunu l-eżamijiet mitluba u rikjesti biex wieħed ikun ikkunsidrat biex japplika u jiġi approvat?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.