GĦAWDEX – Tender għall-provdiment ta’ oġġetti użati minn anzjani u persuni b’diżabilità
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar it-tender 'Framework agreement for the provision of incontinence diapers, pull-ups, pads and inco-sheet for senior citizens and persons with special needs for the Ministry for Gozo' CfT ID:SPD3/2022/045’ li ġiet ippubblikata fis-7 ta' Lulju 2022 u għadha sal-lum ma għalqitx? Jista’ jgħid għaliex għaddew iktar minn erba’ xhur u din it-tender għadha ma għalqitx? Jista’ jgħid meta se tagħlaq din it-tender?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li rigwad dan it-tender qiegħda tinstema' kawża ta’ Appell quddiem il-Qorti.
Għawdex – Għajnsielem Triq l-Imġarr — reflective arrows
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li jsiru reflective arrows fil-crossroad li hemm fit-tarf ta' Triq l-Imġarr, ħdejn il-Knisja ta' Lourdes, f’Għajnsielem sabiex jiġu evitati inċidenti koroh?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindika eżattament għal liema sit qed jirreferi. Il-Ministeru ma jsibx oġġezzjoni u jilqa' kull suġġeriment biex tissaħħaħ is-saħħa u s-sigurtà ta’ pajjiżna.
Jista’ l-Ministru jgħid x'latrini ġewwa Għawdex sarilhom refurbishment matul is-snin 2021 u 2022 u fiex kien jikkonsisti? X'kienet l-ispiża f'kull waħda minnhom? Jista’ jgħid liema latrini, u fejn jinsabu, hemm ippjanat li jsirilhom refurbishment matul is-sena 2023, fiex jikkonsisti x-xogħol u kemm hi ppjanata li tkun l-ispiża?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ser isiru l-latrini magħrufa tal-Hotspurs fir-Rabat Għawdex u dik magħrufa bħala tal-Qbajjar, f’Marsalforn limiti taż-Żebbuġ. Ix-xogħol fuq dawn il-latrini mistenni jibda matul is-sena 2023.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2510 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1672, li ngħatat fil-21 ta' Ġunju 2022, rigward kemm fl-aħħar żewġ leġiżlaturi (2013–2022) saru toroq jew partijiet minn toroq f’Għawdex li ngħataw il-base course biss u sal-lum għadhom ma ngħatawx il-wiċċ finali, fejn ġie mwieġeb li “ix-xogħol fuq il-maġġor parti tagħhom għadu għaddej”, jista’ l-Ministru jgħid f'kull triq li ssemmiet fit-tweġiba meta nbeda x-xogħol fuqha, kemm tħallsu flus sa issa fuq kull triq, liema xogħlijiet għad fadal isiru, fiex jikkonsistu, u meta se jingħata l-wearing course? Jista’ jagħti area f’metri kwadri ta' dawn l-imsemmija toroq li għadhom bil-base course?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-toroq li ngħataw base course biss huma Triq tal-Ħanaq, Triq Franġisk Portelli, Triq l-Imgħallem, Triq Daħlet Qorrot u Triq Papa Piju XII li jammontaw għal 25,601.03 metri kwardi (mk). Ix-xogħol fuq il-maġġor parti tagħhom għadu għaddej u se jingħataw il-wearing course daqt.
Kif żgur jaf l-Onor. Interpellant Triq San Blas ingħatat kisja tarmak fi żmien il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern u baqgħet hekk, iżda issa se jkun dan il-Gvern ukoll li jgħamilha mill-ġdid minħabba li tħalliet tiddeterjora b’kisja waħda.
Gozo Channel (Operations) Ltd – Kiri ta’ post fl-Imġarr
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2168 (kollha kemm hi) rigward il-kiri ta' post fl-Imġarr mill-Gozo Channel u:
a. jikkonferma li s-sit mikri għandu problemi ta' stabilità li qed iżommu x-xogħol ta' finitura tiegħu;
b. jgħid kemm se jiswew dawn ix-xogħlijiet rimedjali u min hu responsabbli li jagħmilhom;
c. jgħid meta se jibda jintuża dan is-sit bħala uffiċċju tal-kumpanija; u
d. iqiegħed kopja tal-kuntratt tal-kera fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għat-tweġiba li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari b’numru 2168.
Għawdex – Trasport Pubbliku — Servizz ta’ Park and Ride minn Ta’ Lambert
Question
Jista' l-Ministru jqiegħed kopja tal-ftehim li sar mal-Malta Public Transport dwar l-introduzzjoni tal-Park and Ride minn Ta' Lambert f'Għajnsielem u x-Xewkija? Jista' jgħid għaliex fil-post fejn inbeda dan is-servizz m'hemmx fejn jistkennu l-passiġġieri, m’hemmx faċilitajiet sanitarji u m’hemmx faċilitajiet għall-persuni bi bżonnijiet speċjali? X'qed isir biex jiġi indirizzat dan?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li l-kontenut tal-ftehim huwa kummerċjalment sensittiv, l-Awtorità kontraenti ma tistax tgħaddi l-informazzjoni mitluba.
Ministeru għal Għawdex – ex ħaddiema tal-Air Malta li qed jaħdmu fis-settur pubbliku
Question
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm ġew trasferiti impjegati li kienu jaħdmu mal-Air Malta u li issa qed jaħdmu mal-Gvern/fis-settur pubbliku, f’entità jew dipartiment li jaqa’ taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jindika x’salarju għandhom dawn l-impjegati? Jista’ jindika wkoll il-livell ta’ edukazzjoni ta’ dawn l-impjegati?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi għat-tweġiba li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari b’numru 3391.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3300 u jgħid kemm hawn anzjani Għawdxin li jridu s-servizz ta’ helpers fid-djar tagħhom, imma mhux jingħatalhom? Jista’ jgħid kemm hawn anzjani li sa sitt xhur ilu kellhom is-servizz ta’ helpers fid-dar tagħhom f’Għawdex, imma m’għadux jingħatalhom? Jista’ jgħid ukoll minn Jannar tal-2021 sal-lum kemm kien hemm helpers f’Għawdex li telqu minn fuq il-post tax-xogħol tagħhom? Jista’ jgħid kemm hu dan l-ammont kull xahar tal-helpers li telqu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba li numru ta’ homehelpers irtiraw biż-żmien jew irriżenjaw, id-Direttorat qiegħed fil-proċess li jsaħħaħ dan is-servizz sabiex ilaħħaq mad-domanda li dejjem qed tiżdied.
Ir-Rabat Għawdex – Pjazza San Franġisk – nefqa fuq pavimentar u xogħol ieħor
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa finali/globali tal-proġett ta' pavimentar u xogħol ieħor ta' Pjazza San Franġisk fir-Rabat Għawdex? Jista' jgħid kif kienet maqsuma din in-nefqa?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa finali tal-Pjazza ta’ San Franġisk kienet dik ta’ €2,604,560.35.
Marsalform – promenade u l-Menqa – bankijiet għall-Pubbliku
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta ser jitpoġġew bankijiet għall-pubbliku fil-promenade u fil-Menqa ġewwa Marsalforn li kienu ġew inawgurati iktar minn sena ilu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li diġà hemm installati numru ta’ bankijiet fil-promenade u l-Menqa ta’ Marsalforn. Il-pjan hu li n-numru ta’ bankijiet mistenni jiżdied għax-xhur tar-rebbiegħa u s-sajf.
Triq li twassal għall-Bajja tal-Ħondoq — xogħlijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir fil-parti tat-triq li twassal għall-bajja ta' Ħondoq li bdiet tisfronda? Peress li din it-triq kien sar xogħol fuqha fi żmien il-Ministru Refalo iżda ftit wara bdiet tisfronda, jista' jgħid għaliex ix-xogħol għadu ma bediex biex tiġi rranġata din it-triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet huma ppjanati li jsiru ladarba jiġu pproċessati t-tender.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-Masterplan tax-Xlendi, Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejjin konsultazzjonijiet mal-entitajiet ikkonċernati biex jiġu definiti s-servizzi meħtieġa fix-Xlendi, li jkunu jiriflettu d-domanda li dejjem qed tiżdied.
Mġarr, Marsalforn u x-Xlendi, Għawdex – “Tender for the management (service of tradesmen operators) of the fishers' facilities”
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti s-sejħa li ħareġ il-Ministeru tiegħu f’dawn l-aħħar ġimgħat “Tender for the management (service of tradesmen operators) of the fishers' facilities situated at Mġarr, Marsalforn and Xlendi, Gozo” u jgħid ukoll min kien qed joffri dan is-servizz, sena b'sena, f'dawn l-aħħar ħames snin u kemm kienet l-ispiża, sena b'sena, f'dawn l-aħħar ħames snin?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn id-dettalji jinsabu fit-Terms of Reference tal-istess sejħa għall-offerti.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 2811 u 3428, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija kollha u jgħid kemm applikaw u kemm minn dawk li applikaw kienu eleġibbli? Jista' jgħid min hi l-persuna li tpoġġiet tmexxi din it-taqsima u xi kwalifiċi għandha? Jista' jgħid ma’ liema dipartiment suppost hija impjegata din il-persuna? Jista' jgħid b'mod speċifiku kemm hemm animal welfare officers f'din it-taqsima?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess tal-għażla għadu mhux konkluż u għaldaqstant din l-informazzjoni ma tistax tingħata. Bħalma ngħad fir-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 2811 u 3428, din t-taqsima taqa’ taħt ir-responsabilità diretta tad-direttur EkoGħawdex fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. F’din it-taqsima hemm jaħdmu 17-il ħaddiem li joffru servizz ta’ 24 siegħa.
Minn dawn il-ħaddiema tlieta jagħmlu xogħol klerikali, uffiċjal ieħor huwa veterinarju, uffiċjal ieħor hija cleaner, wieħed jieħu ħsieb iż-żona tal-qtates, u tlieta jkunu fuq ix-xift. Il-ħaddiema tax-xift jieħdu ħsieb it-tindif taż-żona tal-klieb, joħorġu fuq sejħiet għall-għajnuna bl-ambulanza, jitimgħu l-stray cats madwar Għawdex u jġorru l-annimali minn u lejn il-veterinarju.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-Breakwater ta' Marsalforn? Jista jgħid x'sar matul is-sena 2022 fuq dan il-proġett u kemm intefqu flus matul din is-sena fuq dan il-proġett u għalxiex intefqu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Ministeru għaddej bil-proċess tal-applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar. Dan is-sajf saru l-investigazzjonijiet ġeoloġiċi fis-sit fejn hu ppjanat li jkun hemm il-breakwater. Ir-riżultati tagħhom se jkunu qed jiġu integrati fil-kumpilazzjoni tal-Environmental Impact Assessment. B’rabta ma’ dan il-proġett matul din is-sena ntefqet is-somma ta’ €214,434.00 VAT eskluż li tkopri l-investigazzjonijiet ġeologiċi.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex fi Triq Sannat, it-triq prinċipali li twassal għar-raħal Ta’ Sannat, għaddew iktar minn sentejn u għadha ma saritx fiha zebra crossing kif ukoll is-sinjal tan-nofs tat-triq biż-żebgħa li jifred karreġġjata minn oħra, u għalhekk hemm periklu kbir f'din l-imsemmija triq? Jista’ jgħid jekk isseħħ inċident min ser ikun responsabbli għal dawn in-nuqqasijiet serji li issa ilhom snin pendenti?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tali sinjali tat-traffiku ser isiru ladarba jsir id-dawl tas-sinjali tat-traffiku. Tali xogħol ser isir flimkien mal-proġett tal-pjazza.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra u jispjega x' inhuma r-raġunijiet għala f'dawn l-aħħar ġranet twaqqgħu numru ta' stalel taż-żwiemel fil-korsa taż-żwiemel f'Ta’ Xħajma, li sa ġurnata qabel twaqqgħu kienu għadhom qed jintużaw mis-sidien taż-żwiemel biex fihom ipoġġu ż-żwiemel tagħhom qabel u wara t-tiġrijiet? Jista' jgħid dan ix-xogħol kienx kopert bil-permessi tal-Awtorità tal-Ippjanar u jekk iva, iqiegħed kopja tal-permessi fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jgħid min għamel dan ix-xogħol u kemm ġie jiswa?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif ġejna nfurmati bil-qagħda perikoluża ta’ numru ta’ stalel, dan il-Ministeru għalaq l-istess stalel fejn sussegwentament flimkien mal-Awtorita’ tal-Artijiet saret il-manutenzjoni meħtieġa fuq numru ta’ stalel, filwaqt li wħud li kienu diġa’ qed jikkrollaw b’perikolu mminenti, dan il-periklu ġie mneħħi.
Ma ġiet mibnija ebda struttura ġdida għaldaqstant sa issa m’hemm ebda applikazzjoni mal-Awtorita’ tal-Ippjanar .