Legislature:
Category:
Reset
Active:

Joint Office — fidi ta' ċens temporanju

Question

Jista' l-Ministru jara li l-inkwilin li joqgħod fi proprjetà mogħtija b'ċens mill-Joint Office japplika sabiex jifdi ċ-ċens temporanju kemm-il darba dan l-inkwilin ma jkunx hu ċ-ċenswalist, iżda min iħallas iċ-ċens ikun bena l-proprjetà lil dan l-inkwilin?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi jekk t-terminu ‘inkwilin’ hi referenza għal persuna illi qegħda tokkupa l-fond b’titolu ta’ kera mingħand iċ-ċenswalist, allura l-inkwilin m’għandu l-ebda dritt sabiex jifdi ċ-ċens temporanju gravanti l-imsemmi fond. Taħt l-iskema tal-fidi ta’ ċnus temporanji – liema skema sa ma joħroġ avviż ieħor tinsab wieqfa - sabiex persuna tkun f’pożizzjoni illi tapplika biex tifdi ċ-ċens temporanju gravanti dar residenzjali, l-imsemmija persuna trid tkun rikonoxxuta mill-Uffiċċju Konġunt bħala l-utilista jew is-sub-utilista u l-istess persuna trid tkun qegħda tokkupa tali dar residenzjali bħala r-residenza ordinarja, jew villeġġjatura tiegħu jew tagħha.

Ta' Qali Crafts Village — rapporti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5506 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm saru rapporti fuq il-Crafts Village ta' Ta' Qali mis-sena 1987 sal-lum? Jista' jgħid minn min saru u x'kienet l-ispiża f'kull każ?

Response (FENECH, TONIO)

Saru diversi xogħlijiet mill-1987 ‘l hawn. Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika eżattament għal-liema tip ta’ rapporti qed jirreferi.

Belt Valletta — ħwienet mikrijin mingħand il-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu l-Gvern ħwienet kummerċjali fil-Belt Valletta li huma mikrijin? Kemm minhom se tgħalqilhom il-kera din is-sena u kemm minnhom is-sena d-dieħla? X'passi se jieħu l-Gvern għal dawk il-ħwienet li se tgħalqilhom il-kera fil-futur qarib?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern bħalissa għandu tliet mija u sitta u tmenin (386) ħanut fil-Belt Valletta b’kirja għand terzi persuni. Minn dawn il-kirjiet disgħa (9) ser jiskadu jew skadew matul din is-sena, u tnejn (2) oħra jiskadu matul l-2010. Diversi ħwienet għandhom l-kirja tagħhom tiġġedded kull sitt xhur. Barra minn hekk, hemm ukoll għoxrin (20) ħanut li ser jitwaqqfilhom il-kirja matul din is-sena minħabba l-Proġett ta’ Bieb il-Belt jew inkella minħabba xi Ordni ta’ żgumbrament peress li mhux qed isir ħlas ta’ kera. Skont il- policy tat-Taqsima Proprjetà tal-Gvern, meta kirja tiskadi, din terġa tiġi mġedda taħt l-istess kundizzjonijiet imma b’kera ġdida. Naturalment dan isir dejjem jekk il-kerrej tal-ħanut ikun qiegħed jonora l-kundizzjonijiet u dejjem jekk il-fond ma jkunx meħtieġ mill-Gvern għal xi skop pubbliku.

Dħul tal-Gvern minn entitajiet kummerċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm suppost idaħħal flus il-Gvern minn entitajiet kummerċjali li huma mikrijin lil terzi kull sena? Kemm daħħal is-sena l-oħra u kemm suppost daħħal?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ammont li jdaħħal il-Gvern minn kirjiet ta’ proprjetà għall-użu kummerċjali huwa ta’ madwar €9,000,000. Dan l-ammont ivarja minħabba li jkun hemm reviżjonijiet, terminazzjoni ta’ kirjiet u anke kirjiet ġodda li jinħolqu regolarment. L-ammont li ddaħħal is-sena l-oħra kien ta’ €8,370,966.09.

Dragonara Casino — liċenzja tat-tmexxija

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta skadiet il-konċessjoni tal-liċenzja tat-tmexxija tad-Dragonara Casino? Jista' jgħid fiex wasal il-proċess għall-konċessjoni l-ġdida?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-konċessjoni lil Dragonara Casino Ltd maħruġa mill-Ministeru tal-Finanzi tiskadi fil-15 ta’ Jannar 2010. Dan wara li ġiet mġedda fit-18 ta’ Mejju 2009 sabiex tiffaċilità il-proċess ta’ l-għotja tat-tieni konċessjoni għal terminu ta’ 10 snin. Dan il-proċess huwa fi stadju fejn il-proposti sottomessi wara l-proċess tar- Request for Proposals qegħdin jiġu evalwati.

Raħal Ġdid — Każin tal-Partit Nazzjonalista - proprjetà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-bini tal-każin tal-Partit Nazzjonalista ġewwa Raħal Ġdid huwiex proprjetà tal-Gvern jew le? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid meta ġie mikri lill-Partit Nazzjonalista? Kemm huwa l-ħlas tal-kera u għalkemm żmien ġie mikri?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-bini tal-Partit Nazzjonalista ġewwa Raħal Ġdid huwa proprjetà tal-Gvern. Dan il-bini ġie mikri lill-Partit Nazzjonalista minn sena għal sena bil-kera ta’ €733.75 fis-sena. Il-kirja ġiet mogħtija bħala alternattiva għal fondi li l-Partit kien jikri mingħand iċ-ċenswalista tal-proprjetajiet li ġew esproprjati permezz tal-Gazzetta tal-Gvern ta’ 27 ta’ Diċembru 1956 u twaqqaw sabiex jinbena iċ-Ċentru Ċiviku.

Kumpaniji ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu dawk il-kumpaniji ġodda li taw bidu għall-attività tagħhom fil-pajjiż fl-aħħar 18-il xahar? Kemm minn dawn huma b'investiment lokali u kemm minnhom huma b'investiment barrani u kemm ġew impjegati ħaddiema f'kull każ?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi dawn l-aħħar18-il xahar u ċioe mill-1 ta’ Jannar 2008 sa l-aħħar t’Awwissu 2009, irreġistraw 6650 kumpanija ġdida li fosthom kien hemm 2151 b’xi element ta’ shareholding barrani. (Ara korrezzjoni fil-Papers Laid 2976 li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra fis-Seduta 149 li saret fil-21 ta' Ottubru 2009)

Cost of living allowances

Question

Jista' l-Ministru jindika jekk huwiex se japplika l-mekkaniżmu tal-Cost of Living Allowances fil-budget li ġej?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-kunsiderazzjoni li qiegħed isaqsi dwarha l-Onorevoli Interpellant, flimkien ma' diversi oħrajn, jiffurmaw parti integrali mill-proċess tal-Baġit 2010 li bħalissa qiegħed jiġi imhejji, u li r-riżultat tiegħu għalhekk jitħabbar aktar tard.

Diviżjoni tal-Konsumaturi u Kompetizzjoni — professjonisti ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' professjonisti ġodda, inklużi avukati u ekonomisti, li ġew ingaġġati mid-Diviżjoni tal-Konsumatur u Kompetizzjoni dawn l-aħħar sentejn? X'kienu s-salarji li ngħataw lil dawn il-professjonisti? Kemm minnhom għadhom jaħdmu f'din id-diviżjoni u kemm minnhom irriżenjaw?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi f’dawn l-aħħar sentejn id-Diviżjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni ingaġġat tnax-il professjonista u huma mqassmin kif ġej: Erba’ avukati fuq salarju massimu ta skala 5, b’ disturbance allowance ta’ 15% tas-salarju u performance bonus sa massimu ta’ 10%; Avukat fuq massimu ta’ skala 7, b’ disturbance allowance ta’ 15% tas-salarju; Żewġ avukati fuq skala 8, b’ disturbance allowance ta’ 15% tas-salarju; Żewġ avukati fuq massimu ta’ skala 9, b’ disturbance allowance ta’ 15% tas-salarju; Senior Manager (Pharmaceutical Surveillance) fuq massimu ta’ skala 5, b’ disturbance allowance ta’ 15% tas-salarju u performance bonus sa massimu ta’ 10%; Żewġ ekonomisti fuq skala 10. Minn dawn hemm jaħdmu disa' u kien hemm żewġ riżenji.

Qasam Industrijali — eviction orders lill-kumpaniji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru evictions matul l-aħħar sena ta' kumpaniji fl-oqsma industrijali tagħna? F'liema qasam industrijali kienu qegħdin? F'liema settur kienu joperaw? Kemm hemm eviction orders f'dan il-qasam, kif ukoll jekk humiex foreign owned jew lokali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi bejn Ottubru tas-sena 2008 u Settembru tas-sena 2009 ġew infurzati sebgħa (7) żgumbramenti fl-oqsma industrijali ta’ Ħal Far, ta’ Ħal Luqa, ta’ Kordin u tal-Marsa. Il-kumpanniji in kwistjoni kienu joperaw fis-setturi li ġejjin: Fonderiji Kostruzzjoni Plastic Joinery Kimika Tessuti Arloġġi Fosthom kien hemm kemm kumpaniji foreign- owned kif ukoll lokali.

proġett Vision 2015 — kumpanija biex tagħti pariri lill-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk tqabditx kumpanija barranija biex tagħti pariri lill-Gvern dwar il-proġett imniedi mill-Gvern ta' Vision 2015? Jekk iva, min hi l-kumpanija u x'inhuwa l-ħlas li se terċievi? Jekk ma ntagħżlitx kumpanija barranija, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi kumpanija Maltija li qed tagħti pariri lill-Gvern f'dan ir-rigward?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-AngelouEconomics hija waħda mill-aktar kumpaniji rinomati fl-Istat ta’ Texas, fl-Istati Uniti. Din tispeċjalizza fl-iżvilupp ekonomiku u lagħbet rwol importanti fis-suċċess miksub minn dan l-Istat matul l-aħħar snin. Dan għaliex għall-aħħar tnax-il sena kienet responsabbli biex tidentifika x’inhuma dawk il-fatturi li jattiraw il-kumpaniji lejn Texas, u b’hekk tidentifika x’għażliet għandu jwettaq dan l-Istat f’termini ta’ żvilupp ekonomiku. Riżultat ta’ din il-kollaborazzjoni mal-Istat ta’ Texas, numru ta’ kumpaniji kbar rrilokaw l-intrapriża tagħhom hemmhekk. Dawn jinkludi ismijiet rinomati bħal AMD, HP, Semantech u oħrajn. Ta’ min jgħid ukoll li AngelouEconomics għandha esperjenza kbira anke fl-Ewropa, fejn tat pariri strateġiċi lill-Gvernijiet jew aġenziji ta’ investiment fosthom fil-Portugall, fir-Repubblika Ċeka, fil-Ġermanja u fl-Awstrija. Fil-każ tagħna, AngelouEconomics ġiet identifikata bħala msieħeb fil-proċess li nirrevedu l-istrateġija relatata mal-Viżjoni 2015. Dan fid-dawl taċ-ċirkostanzi u t-tibdil ekonomiku globali li għaddiet u qed tgħaddi minnu d-dinja llum. Din il-kumpanija se tuża l-esperejnza kbira li għandha f’dan il-qasam biex tagħtina perspettiva globali indipendenti fil-ħidma tagħna biex niżviluppaw l-istrateġija tagħna. L-għan tal-Gvern huwa li jidentifika dawk il-bidliet meħtieġa biex pajjiżna jkun aktar attraenti għall-investiment u b’hekk jinħolqu impjiegi ġodda. Dan kollu bħal parti mill-iżvilupp kontinwu ekonomiku Malti. Din il-kumpanija ser titħallas is-somma fissa ta’ USD175,000 għal dan il-proġett, li ser jieħu madwar 30 ġimgħa sabiex jiġi fit-tmiemu. Dan ix-xogħol ser jiġi mmexxi minn erbgħa ekonomisti u analisti ta’ kalibru għoli f’dan il-qasam. AngelouEconomics diġa bdiet l-eżerċizzju ta’ preparazjoni, billi qed tagħmel analizi tas-sitwazzjoni permezz ta’ tlettax-il Focus Group f’Malta. Għamlet ukoll reviews ta’ industriji differenti u ta’ strateġiji settorali, analiżi ekonomika u status documents li jkopru l-punti l-aktar importanti tal-Viżjoni 2015 li huma l-oqsma tal-Edukazzjoni, Servizzi Finanzjarji, Għawdex, Saħħa, ICT, Manifattura u Turiżmu. Il-pass li jmiss ser ikun Scan Ekonomiku ta’ Pajjiżna u t-Tnedija għall-Pubbliku tar-reviżjoni tal-Proġett ‘Viżjoni 2015’ permezz ta’ sit elettroniku mibni apposta mill-istess kumpanija, kif ukoll permezz ta’ mezzi oħra. Ser isiru diversi intervisti ma’ stakeholders prinċipali, inkluż l-Oppożizjoni. L-intenzjoni tal-Gvern hija illi jiftaħ kemm jista jkun b’mod wiesa l-parteċipazjoni b’mod strutturat għaliex dan huwa eżerċizju li ser jaffettwa lil kulhadd u ghaldaqstant għandu jkun proġett ta’ kulħadd. Benefiċċju ieħor għall-pajjiżna se jkun li din il-kollaborazzjoni mill-qrib ma’ AngelouEconomics se tfisser li meta din il-kumpanija se tkun qed tassisti intrapriżi internazzjonali fid-deċiżjonijiet tagħhom ta’ fejn jirrellokaw, se jkollha għarfien mill-qrib tal-elementi li jagħmlu minn Malta pajjiż attraenti għall-investiment u b’hekk jinħolqu opportunitajiet ġodda.

Gozo channel — bejgħ ta' biljetti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inbiegħu biljetti mill-Gozo Channel għas-servizz tal-baħar bejn Malta u Għawdex xahar xahar minn Jannar 2007 sal-lum lill-: a) Passiġġieri residenti f’Għawdex bla vettura? b) Passiġġieri residenti f’Għawdex bil-vettura? ċ) Passiġġieri residenti Malta u passiġġieri barranin bla vettura? d) Passiġġieri residenti Malta u passiġġieri barranin bil-vettura?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi peress li l-informazzjoni mitluba hija ta’ natura strettament kummerċjali u li fil-mument il-Gvern jinsab fil-proċess li joħroġ it-tenders għall-kuntratt tal-PSO, mhux għaqli illi tingħata t-tali informazzjoni.

Good Causes Fund — attivitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’attivitajiet ġew organizzati s’issa f’Għawdex u li huma mħallsa mill-Good Causes Fund? Meta saru? X’kienet in-nefqa fuq kull attività? Min kienu l-kuntratturi? Kemm tħallas kull kuntrattur? X’attivitajiet hemm programmati għall-ġimgħat li fadal għal din is-sena? X’inhi l-istima ta’ kull attività?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi għal din is-sena, l-inizjattivi u attivitajiet u li sa Settembru bbenefikaw mill-Fond għall-Kawżi Ġusti f’Għawdex kienu tnejn. L-ewwel waħda kienet tinvolvi ir-restawr tal-bini u l-istallazzjoni ta’ lift ġewwa il-binja tal-Legion of Mary fir-Rabat. Dan il-proġett, li sar bejn Jannar u April irċieva l-ammont ta’ €5,000. L-attività l-oħra kienet l-avvenimenti kulturali organizzati mill-Victoria International Arts Festival Foundation bejn l-10 ta’ Ġunju u t-13 ta’ Lulju. Din kienet it-tnax-il edizzjoni li ġiet organizzata u li fiha saru xejn inqas minn tlieta u tletin kunċert u attivitajiet kulturali differenti li kienu mifruxa fuq ħames ġimgħat u li kienu jinvolvu l-parteċipazzjoni ta’ mużiċisti u artisti kemm lokali, kif ukoll internazzjonali. M’huwiex kompitu tal-Ministeru li jagħti dettalji oħra li jaqgħu taħt ir-responsabbilità diretta ta’ dawn l-entitajiet. Fil-mument għaddej ukoll il-proċess sabiex jiġu identifikati dawk il-proġetti li ser ikunu jistgħu jibbenefikaw minn għotjiet għall-aħħar kwart tas-sena. Kif isir annwalment, id-dettlaji kollha ta’ dawk il-proġetti u inizjattivi li jibbenefikaw mill-Fond għall-Kawżi Ġusti fl-2009 jitpoġġa fuq il-mejda tal-kamra kmieni s-sena d-dieħla.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — Serqiet rappurtati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet rapportati lill-Pulizija milll-Ministeru/dipartimenti/ korporazzjonijiet/awtoritajiet eċċ. li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul din is-sena? Kemm huwa kkalkulat il-valur misruq u x'natura ta' oġġetti eċċ. insterqu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant lilli l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — Karozzi ġodda

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10667 u jgħid kemm inxtraw karozzi ġodda mill-1 ta' Jannar ta' din is-sena sal-lum mill-Ministeru tiegħu, mis-Segretarjat Parlamentari għall-Erarji Pubbliċi u l-Artijiet u mid-dipartimenti, korporazzjonijiet, awtoritajiet, entitajiet eċċ., li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid x'kien il-mudell ta' kull karozza li nxtrat u kemm kienet l-ispiża fuq kull waħda? Jista' jgħid għal min inxtrat kull waħda minn dawn il-karozzi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Applikazzjonijiet — skemi ta' inċentivi għall-intrapriżi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-applikazzjonijiet li matul l-aħħar sena kkwalifikaw għall-iskema ta' inċentivi għall-intrapriżi biex jagħmlu awditjar tas-sistemi u użu tal-enerġija tagħhom, li kienet imħabbra fl-aħħar budget?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi mill-ewwel tas-sena sa l-aħħar ta’ Settembru 2009 ikkwalifikaw 179 intrapriża għall-inċentivi biex jagħmlu awditjar tas-sistemi u użu tal-enerġija tagħhom.

Żoni Industrijali — xogħol ta' upgrading

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-investiment li sar bejn Ottubru 2008 u Ottubru 2009 f'xogħol ta' upgrading taż-Żoni Industrijali? Jista' jagħti breakdown ta' dan l-investiment għal kull Żona Industrijali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-investiment li sar bejn Ottubru 2008 u Ottubru 2009 f’xogħol ta’ upgrading taż-Żoni Industrijali kien ta' €479,296.20, u kien kif ġej: Lokal Ammont € Bulebel 258,831.40 Kordin 84,222.21 San Ġwann 38,595.06 Ħal Far 37,224.30 Marsa 44,378.61 Xewkija 16,044.62

wegħda elettorali — taxxa tas-suċċessjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se titwettaq il-wegħda elettorali li d-"dar prinċipali" tal-ġeneturi se tiġi eżentata totalment mit-taxxa tas-suċċessjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Il-programm elettorali jkopri ħames snin ta’ leġislatura. Dan ma jfissirx li l-wegħdiet kollha jridu jsiru fl-ewwel sena. Din il-miżura tiġi fis-seħħ f’wieħed mill-budgets tas-snin li ġejjin.

Pilloli Diovan 80

Question

Jista' l-Ministru jivverifika jekk iż-żieda esaġerata ta' €4 f'daqqa ta' pilloli Diovan 80 hijiex ġustifikata meta dawn il-pilloli jittieħdu minn persuni b'mard kroniku?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-prezz ta’ Diovan 80mg għal kaxxa ta’ 28 pillola għola minn €28.84 (prezz li ġie mpoġġi fis-suq fl-1999) għal €32.83 f’Settembru ta’ din is-sena. Din hija waħda mill-mediċini li l-prezz tagħha huwa aktar mill-medja Ewropea (€24.08), maħdum mid-Direttorat ta’ l-Operations tad-Diviżjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni skont il-mekkaniżmu stabbilit mill-Kumitat fuq il-Prezzijiet tal-Mediċina. Ma kienx hemm qbil fuq ir-reviżjoni tal-prezz minħabba li l-manifattur qed isostni li l-ammont ta’ bejgħ ta’ din il-medicina huwa baxx u l-pakkett qed isir apposta għal Malta bil-konsegwenza li l-prezz joħroġ għoli.

Dipartiment tal-Artijiet — ħruġ ta' offerti

Question

Jista' l-Ministru jispjega u jgħid ġaladarba nħarġet sejħa għar-rigward ta' advert no.98 (H63/56168362001), liema sejħa għal offerti kien hemm offerta waħda biss, għalfejn din ma ġietx allokata? U dan kontra l-prassi. Jista' jgħid jekk il-pretensjoni da parti tad-Dipartiment tal-Artijiet għar-rigward ta' ħruġ b'offerta, għalkemm t-tender tkun infetħet, hix ser tibda il-prassi li l-offerti jibdew jiġu injorati u jkun id-dipartiment li joħroġ l-istima ta' kera mmaterjalment mill-ammont mressaq 'il quddiem fit-tender? Jekk din ser tkun il-prassi l-ġdida, jista' l-Ministru jgħid xi skop hemm li, sew il-pubbliku kif ukoll l-istess Dipartiment, jaħli ħinu sabiex isegwi l-ħruġ tal-offerti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-prassi dejjem kienet li d-Dipartiment tal-Artijiet jistabilixxi stima qabel ma joħroġ sejħa għall-offerti. Fil-każ li jkun hemm aktar minn offerta waħda u l-ebda offerta ma taqbeż, jew tkun daqs l-istima, l-offerti jiġu rrifjutati kollha u terġa’ toħroġ sejħa għall-offerti mill-ġdid. Meta jkun hemm offerta waħda u din l-offerta tkun anqas mill-istima, l-offerent, dejjem fuq ir-rikomandazzjoni tal-Kumitat tal-Kuntratti jiġi mogħti t- tender bl-istima stabbilita mid-Dipartiment. Fil-każ li qed jagħmel referenza għalih l-Onor Interpellant, il-Kumitat tal-Kuntratti ħass li l-istima li għamel id-Dipartiment kienet baxxa, u għaldaqstant talab biex issir stima ġdida minn żewġ periti oħra. L-istima miż-żewġ periti saret u l-każ qiegħed quddiem il-Kumitat tal-Kuntratti għar-rikomandazzjonijiet tagħhom.