Jista’ l-Ministru jgħid xi statistika qed tinġabar preżentament fuq bażi reġjonali? Hemm xi pjan li tibda tinġabar aktar statistika fuq bażi reġjonali? Jekk fl-affermattiv, xi statistika se tibda tinġabar u meta? Hemm xi pjan li jinfetaħ uffiċċju ta’ l-istatistika f’Għawdex? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Ufficcju Nazzjonali ta’ l-Istatistika diġa jiġbor u jippubblika statistika fuq bażi regjonali f’livell ta’ NUTS III, kif rikjest mill-Eurostat. Dan jinkludi statistika ta’ natura demografika, statistika dwar il-qasam tax-xogħol, statistika dwar l-edukazzjoni, dwar l-agrikoltura, u indikaturi oħra ta’ natura socjali. Indikaturi ekonomici jinkludu tagħrif dwar il-Prodott Domestiku Gross. L-Uffiċċju bħal issa għaddej b-eżerċizzju biex jestendi l-ġbir ta’ aktar tagħrif soċjo-ekonomiku dwar Għawdex, liema tagħrif huwa mistenni li jiġi ippubblikat lejn in-nofs ta’ Novembru.
Fil-preżent ma hemm l-ebda pjan li jinfetaħ uffiċċju ta’ l-istatistika ġewwa Għawdex.
Kumpaniji li ngħataw għajnuna biex ħadu sehem f'fieri internazzjonali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kumpanija u negozju li joperaw fl-industrija tal-manifattura f’Għawdex ngħataw għajnuna mill-MDC/Malta Enterprise biex jieħdu sehem f’fieri internazzjonali barra minn Malta, fl-2007, fl-2008 u din is-sena sal-lum? Min kienu? X’għajnuna ngħataw? F’liema fieri ħadu sehem? Jista’ jagħti l-istess tagħrif dwar kumpaniji u negozji oħra f’Malta?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi attendenza minn kumpaniji Maltin u Ghawdxin f’Fieri Internazzjonali barra minn Malta hija kif muri hawn taħt.
2007
kien hemm 3 kumpaniji Għawdxin li bejniethom ħadu s-s-somma ta’ €3,562.31, filwaqt illi kien hemm 53 kumpanija Maltija li bejniethom ħadu s-somma ta’ €223,917.81.
2008
kien hemm kumpanija Għawdxija waħda, li ħadet is-somma ta €3,562.31, filwaqt li f’Malta kien hemm 55 kumpanija li bejniethom ħadu €309,720.60.
2009 (sa Lulju)
kien hemm żewġ kumpaniji Għawdxin li bejniethom ħadu s-somma ta’ €9527.00, filwaqt li f’Malta kien hemm 33 kumpanija li bejniethom ħadu s-somma ta €175,911.00.
Fieri kienu minn setturi varji fosthom, ICT, Building and Construction, Education, Hotel Supplies, Food, Environment etc.
L-ismijiet ta’ l-applikanti ma jistgħux jingħataw – din l-informazzjoni hija ta’ natura kunfidenzjali u koperta bis-segretezza taħt l-Artikolu 33 ta’ l-Att dwar il-Promozzjoni ta’ Negozji (Kap. 325 tal-Ligijiet ta’ Malta) kif ukoll taħt l-Artikolu 21 tal-Att dwar l-Intrapr
iż
a ta’ Malta (Kap. 463 tal-Liġijiet ta’ Malta).
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-Vot tal-Inċentivi tal-Malta Enterprise? Jista' jgħid ukoll kemm intużaw flus mill-bidu tas-sena s'issa?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Vot ta’ l-Inċentivi tal-Malta Enterprise skont l-estimi għas-sena 2009 kien jammonta għal €6,660,000. Sa Settembru 2009, il-Malta Enterprise ħallset €4,636,056 lill-kumpaniji benefiċarji.
Matul 2009 il-
Malta Enterprise
nidhiet ukoll skemi ta’
grants
li huma iffinanzjati minn fondi ta’ l-Unjoni Ewropea. Rigward dan ta’ min wieħed jirreferi għas-sit elettroniku www.20millionforindustry.com.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-board tal-Malta Enterprise f'dawn l-aħħar sentejn? Għal kemm żmien tkun tali ħatra u kemm huwa l-ħlas li jirċievu dawn l-istess membri?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Kull ħatra hija fid-diskrezzjoni tal-Ministru responsabbli u l-ħlas huwa skond ir-regolamenti tal-Gvern u ċioe taħt Kategorija A.
National Insurance — kumpaniji li waqgħu lura fil-ħlas
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10977, li orġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid kemm hemm kumpaniji li joperaw minn Malta li huma lura fil-ħlas tal-bolla tan-National Insurance? X’inhu l-ammont globali? Hemm kumpaniji li talbu biex jingħataw żmien itwal biex isir dan il-ħlas?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ kumpaniji li joperaw minn Malta u li huma lura fil-ħlas tal-bolla tan-National Insurance huwa ta’ 8,402. L-ammont globali f’dan il-każ huwa ta’ €64,750,606. Fir-rigward ta’ kumpaniji li talbu biex jingħataw żmien itwal biex isir dan il-ħlas, dawn jammontaw għal 604.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-Gvern għall-kumpless White Rocks ġewwa Baħar iċ-Ċagħaq li ilu fi stat ta' abbandun għal diversi snin? Jekk hemm pjanijiet, jista' jispjega x'inhu jsir dwarhom?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Kumpless White Rocks ġewwa Baħar iċ-Ċagħaq huwa allokat lill-Ministeru għat-Turiżmu u għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex iressaq id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw konsulenzi mill-Bank Ċentrali ta' Malta fis-snin 2006, 2007 u 2008? Lil min ingħataw u b'liema ħlas? Xi kriteriji jintużaw biex tingħata konsulenza u kif issir l-għażla tal-persuna?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni dwar il-konsulenzi li ngħataw mill-Bank Ċentrali ta’ Malta fis-snin 2006, 2007 u 2008 qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-kriterji biex intgħażlu huma bbażati fuq il-kompetenzi li l-konsulent ikollu dwar is-suġġett, li ħafna drabi jkun ta’ natura speċjalizzata. L-għażla ssir wara proċess ta’ skrutinju u awtorizzazzjoni kif jitolbu r-regoli tal-Bank u fuq il-bażi kemm ta’ l-esperjenza li joffri l-konsulent u f’ċerti każi wara sejħa għall-offerti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm sewa il-coin depot li nbena mill-Bank Ċentrali ta' Malta f'Ħal Luqa? Fuq liema bażi l-Bank daħal għall-bini ta' dan
il-kumpless minflok sar il-kiri ta' xi post ieħor? X'se jiġri minnu meta ma jibqax il-bżonn tiegħu? Se jirkupra n-nefqa li għamel fuq dan il-bini?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-coin depot (maħżen għall-flus) li l-Bank Ċentrali ta’ Malta bena ġol-kwartieri tal-Forzi Armati ta’ Malta f’Ħal Luqa sewa €1,802,122 (Lm773,651). Il-bini tlesta qabel id-data stabbilita u n-nefqa ma qabżitx l-istima totali li kienet saret mill-periti. Biex il-bidla għall-euro sseħħ b’suċċess u biex jiġu sodisfatti l-istandards tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-post fejn jinħażnu l-muniti ta’ l-euro u dawk tal-lira Maltija li kellhom jitneħħew miċ-ċirkolazzjoni ried ikollu dawn il-karatteristiċi:
- livell għoli ta’ sigurtà u sorvelljanza kontinwa;
- spazju kbir li l-Bank ma kellux;
- strutturi li jifilħu toqol ta’ tunellati kbar;
- viċinanza u triq diretta mill-Freeport.
Wara tfittxija bla suċċess għal bini eżistenti li jissoddisfa dawn il-kriterji, il-Bank ddeċieda li jibni bini apposta. Matul id-diskussjonijiet dwar aspetti tas-sigurta’, irriżulta li l-Forzi Armati ta’ Malta kellhom biċċa art fil-kwartieri tagħhom u li huma kellhom bżonn ta’ maħżen ċentrali, iżda li ma setgħux jifinanzjaw dak iż-żmien.
Sar għalhekk ftehim mal-Forzi Armati ta’ Malta biex jinbena maħżen għandhom u li seta jinżamm taħt sorvelljanza stretta. B’hekk minflok ma ntefqu ħafna flus fuq kera ta’ post għand il-privat, sar investment siewi li ser jibqgħu igawdu minnu l-Forzi Armati. Il-Bank iħossu sodisfatt li seta jagħmel dan l-investment fl-interess nazzjonali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm swiet fi vjaġġar u spejjeż relatati mal-parteċipazzjoni tal-Bank Ċentrali ta' Malta fil-ESCB/Ewrosistema fis-snin 2006, 2007 u 2008?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi fis-snien 2006 u 2007 il-Bank Ċentrali ta’ Malta kien membru tal-ESCB fil-kompożizzjoni miftuħa għal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropeja. Meta Malta addotat l-ewro fis-sena 2008, il-Bank żdidulu kumitati oħra li huma ristretti għall-membri tal-Eurosistema u li jintagħqu regolarment. Ma l-ispejjes ta’ vjaġġar u spejjes oħra relatati, qed jintwerew ukoll in-numru ta’ impjegati li ħadu sehem fil-kumitati, gruppi ta’ ħidma u task forces għal kull sena rispettiva:
2006
2007
2008
Spejjeż
€250,809
€306,420
€503,005
Numru ta’ kumitati, gruppi ta’ ħidma u
task forces
46
58
73
Impjegati nvoluti f’dan ix-xogħol
63
86
91
Bis-saħħa ta’ din il-parteċipazzjoni qegħdin jiġu akkwistati ħiliet u konoxxenzi ġodda ta’ siwi kemm għall-impjegati nfushom u għall-Bank kif ukoll għall-pajjiż.
proprjetà tal-Gvern fil-Belt Valletta — qliegħ minn kiri
Question
Jista' l-Ministru jgħid il-Gvern kemm għandu proprjetà fil-Belt Valletta li jikriha lil Ministeri, Dipartimenti u kumpaniji u jelenka xi jdaħħal preċiżament minn kull waħda?
proprjetà tal-Gvern fil-Belt Valletta li kienet tintuża u m'għadhiex,
Question
Jista' l-Ministru jgħid il-Gvern kemm għandu proprjetà fil-Belt Valletta li kienet tintuża u issa m'għadhiex? Jista' jgħid għal liema raġuni speċifika u fejn trasferew ruħhom l-entitajiet li wettqu tali trasferiment?
In konnessjoni mal-mawra tal-Ministru biex jassisti għal logħba futbol barra minn Malta u d-dikjarazzjoni li għamel li għalkemm kellu l-vjaġġ fuq ajruplan privat b'xejn u anke l-biljetti tal-logħba kienu b'xejn, imma huwa ħallas minn butu il-lukanda, għalih, għat-tifel u għan-neputi li kien miegħu, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-irċevuti li ħallas tal-lukanda, għalih, u t-tfal li kienu miegħu?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lil Onor Interpellant li l-aveniment li qed jirreferi għalieh ġara aktar min sitt xhur ilu, u mhix konswetudni tiegħi li spejjes ta' natura personali nżomm l-irċevuti sakemm ma hemmx skop speċifiku bħal meta hemm garanzija marbuta ma prodott li nkun xtrajt.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — Parental Leave
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet għall-parental leave f'din l-aħħar sena, kemm jekk saru minn nisa u kemm jekk saru minn irġiel, fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Kemm minn dawn it-talbiet intlaqgħu?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi saru 21 talba minn ġenitur mara għall-parental leave u ntlaqgħu il-21 li huma.
Billi qabel ma l-Parlament aġġorna għall-vaganzi tas-sajf f'diversi tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari ta' membri taż-żewġ naħat intqal li kienu qed jittieħdu passi fil-konfront ta' postijiet tal-logħob ħalli dawn ikunu konformi mal-liġi eċċ., jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-passi meħuda u r-riżultati tagħhom?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi matul dan is-sajf, l-Awtorità tal-Lotteriji u Logħob (LGA), għamlet spezzjonijiet madwar Malta u Għawdex sabiex tistabilixxi kemm kien hawn, u fejn qegħdin, il-ħwienet tal-logħob li kienu qed joperaw mingħajr liċenzja tagħha. Meta tlestew dawn l-ispezzjonijiet, li anke kienu dokumentati b’ritratti, ingħataw f’idejn il-Pulizija sabiex din tieħu azzjoni kif titlob il-liġi. L-azzjoni li ttieħdet kienet immedjata u inkludiet l-għeluq ta’ ħwienet kif ukoll il-ġbir ta’ xi magni. Matul l-azzjonijiet li ttieħdu, l-Awtorità mxiet id f’id mal-Pulizija sabiex jiġi stabbilit jekk il-magni kenux magni tal-logħob illegali.
Din l-azzjoni kienet imwaqqfa temporanjament meta infetaħ mandat fil-Qorti minn-naħa tal-operaturi u l-Awtorità, flimkien mal-Pulizija, ddefendiet dawn l-azzjonijiet u l-mandati ġew annullati.
L-Awtorità qed tikkopera mal-Pulizija kif u meta din ikollha bżonn l-għajnuna tagħha.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien jammonta fi prezzijiet tas-suq il-kumpens tal-ħaddiema bħala komponent tal-Prodott Gross Domestiku għal Malta u Għawdex separatament fl-2008?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-kumpens tal-ħaddiema bħala komponent tal-Prodott Domestiku Gross ma jinħadimx għal Malta u Għawdex separatament. Din il-figura għal Malta u Għawdex flimkien rigward l-2008 hija ppublikata fi News Release 156/2009 li ħarġet fis-7 ta’ Settembru 2009.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien jammonta fi prezzijiet tas-suq il-profitt gross u dħul ieħor mixxellanju separatament bħala komponenti tal-Prodott Gross Domestiku għal Malta u Għawdex separatament fl-2008?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-profitt gross u dħul ieħor mixxellanju bħala komponenti tal-Prodott Domestiku Gross ma jinħadmux għal Malta u Għawdex separatament.
Jista' l-Ministru jikkonferma li fis-suq għad hawn u għadhom ikunu importati żebgħa tal-karozzi VOC compliant bi ksur tar-regoli ta’ l-Unjoni Ewropea?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità Maltija dwar l-iStandards (MSA), permezz tad-Direttorat għas-Sorveljanza tas-Suq, flimkien ma l-Awtorita’ Maltija dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għadhom isibu din it-tip ta’ żebgħa waqt id-diversi spezzjonijiet li huma jwettqu minn żmien għall-żmien u flimkien qed jieħdu dawk il-miżuri sabiex:
1. meta jinstabu, dawn il-prodotti jitneħħew mis-suq;
2. min hu responsabbli mill-importazzjoni u t-tpoġġija fuq is-suq tal-istess prodotti jiġi mwissi sabiex jaderixxi mal-liġi; u
3. min qed juża din it-tip ta’ żebgħa jkun imwissi li qed jagħmel dan bi ksur tal-istess liġi.