Jista’ l-Ministru jelenka min għandu d-dritt li jitlob refużjoni tal-VAT? Hemm ċirkostanzi fejn jikkwalifikaw membri tal-pubbliku li mhumiex bil-business jew b’xi negozju? Jekk fl-affermattiv, liema huma dawn iċ-ċirkostanzi?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skond l-Att dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, persuni reġistrati taħt l-artiklu 10 ta’ dan l-Att għandhom dritt jitolbu tnaqqis għal VAT li jkunu weħlu.
Persuni mhux stabbiliti f’Malta għandhom dritt li jitolbu refużjoni tal-VAT skond il-provedimenti tad-Direttivi numru 8 u 13 tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea.
Membri tal-pubbliku li mhumiex bil-
business
jew xi negozju ma jistgħux jikkwalifikaw għar-rifużjoni tal-VAT. Madankollu, l-Gvern nieda skemi sabiex il-kategoriji li ġejjin jiġu kumpensati b’ammont ekwivalenti:
§ Spejjeż ta’ tieġ
§ Spejjeż ma’ ordinazzjoni ta’ saċerdot
§ Spejjeż ta’ funeral
§ Xiri ta’ strumenti mużikali
§ Xiri ta’ roti
Negotia ta' bejgħ ta' immobbli — Capital Gains tax
Question
Jista' l-Ministru jiddikjara meta daħlet is-sistema fejn venditur jagħżel, f' negotia ta' bejgħ ta' immobbli jagħżel li jħallas il-capital gains relattiva fl-ammont ta' 12% tal-valur tal-bejgħ jew inkella skont ir-regoli tat-taxxa fuq il-qliegħ? Kemm daħħal flus il-Gvern minn din il-forma ta' capital gains tax xahar b'xahar minn mindu daħlet sal-lum? Kemm kienu n-negotia fejn il-vendituri għażlu li jiddikjaraw it-12%? Kemm kienu n-negotia fejn il-vendituri għażlu li jużaw is-sistema tat-taxxa fuq il-qligħ?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-interpretazzjoni tal-Gvern dwar il-preskrizzjoni għall-azzjoni tad-Dipartiment jew il-Kummissarju tat-Taxxi Interni biex jiġbor flus dovuti lilu miċ-ċittadini? Kemm hu, skont il-Gvern, il-perjodu preskrittiv u minn meta jibda japplika? Jista' jgħid kemm intbagħtu ittri fl-aħħar ġimgħat għall-irkupru ta' flus allegatament dovuti lill-Kummissarju tat-Taxxi Interni? Kemm jammontaw b'kollox dawn il-flus allegatament dovuti?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi d-Dipartiment tat-Taxxi Interni bħalissa qed jagħmel żewġ tipi ta’ infurzar biex jiġbor il-flus dovuti. L-ewwel hemm infurzar dwar taxxa personali li tirriżulta minn tax statements u assessments. It-tieni, hemm infurzar fuq it-taxxa u l-bolla li jkunu nżammu mill-employers imma li ma ntbagħtux lid-Dipartiment.
Skond l-Att dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa, azzjoni għall-ħlas tat-taxxa tista’ tinbeda fi żmien tmien snin minn meta t-taxxa ssir dovuta jew, fil-każ li jkun ħareġ assessment, fi żmien tmien snin minn meta dan isir finali u konklussiv. Dan iż-żmien jitwaqqaf b’kull talba għal ħlas notifikata mill-Kummissarju jew b’att ġudizzjarju qabel ma jiskadi dan iż-żmien. Għalhekk mhux biżżejjed li jkunu għaddew tmien snin mis-sena relattiva biex wieħed jagħmel claim ta’ preskrizzjoni.
Fiż-żewġ eżerċizzji li qed isiru bħalissa, sa issa ntbagħtu 69,783 ittra u l-ammont tat-taxxa mitlub sal-lum huwa €85,610,849. Meta l-formoli u d-dokumenti neqsin aktar tard jiġu sottomessi, id-Dipartiment se jibgħat ittri ġodda bl-ammonti li jirriżultaw minn dawn il-formoli, liema ammont ikun irid jiżdied mal-figura msemmija.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — kirjiet ta' għamara, pitturi u pjanti
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 11667 u ċioe: jista' l-Ministru jgħid jekk sarux xi kirjiet ta' għamara u/jew pitturi u/jew pjanti mill-uffiċċju tiegħu u dekasteri oħra li jaqgħu taħt l-uffiċċju tiegħu, matul din il-leġislatura u sal-preżent? Jekk fl-affermattiv, jista' jinfurmani fid-dettall xi flejjes qed jitħallsu għal dawn il-kirjiet separatament?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
Malta Enterprise — preżenza fil-bliet ewlenin globali
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma li dawk il-bliet ewlenin globali fejn il-Malta Enterprise beħsieba tistabbilixxi l-preżenza tagħna mill-ġdid jew għall-ewwel darba?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Malta Enterprise qegħda tikkunsidra li tiftaħ uffiċċji f’dawn il-bliet li ġejjin:
Belt, Pajjiż
Kumment
Londra, Renju Unit
Il-
Malta Development Corporation
kellha uffiċjal f’Londra fil-passat
Pariġi, Franza
Il-
Malta Development Corporation
u wara l-
Malta Enterprise
kellhom uffiċjal f’Pariġi fil-passat
Munich, Ġermanja
Il-
Malta Development Corporation
u wara l-
Malta Enterprise
diġa’ għandha preżenza f’Munich li ser tissaħħaħ
New York, Stati Uniti
Il-preżenza fi New York ser tiġi stabbilita għall-ewwel darba
Milan, Italja
Il-
Malta Development Corporation
u wara l-Malta Enterprise kellhom uffiċjal f’Milan fil-passat
Delhi, Indja
Ir-rappreżentanza f’Delhi se tiġi stabbilita għall-ewwel darba
Abu Dhabi, Emirati
Il-preżenza f’Abu Dhabi qed tiġi ikkunsidrata.
Bħalissa, il-
Malta Enterprise
għandha uffiċċju fi Tripoli, fil-Libja.
Kunsilli Lokail Ħal-Għargħur — Dipartiment tal-Artijiet - xogħol estensiv
Question
Nirreferi għal sit fil-Qasam tad-Djar tax-Xwieki f'Ħal-Għargħur li għal dawn l-aħħar 15-il sena kien qed jiġi amministrat mill-Kunsill Lokali ta'
Ħal-Għargħur wara li dan kien għamel xogħol estensiv ta' tindif u investiment sabiex is-sit jiġi mdawwar b'
fence
ħalli jkun jista' jintuża bħala
area
rikreattiva. Jidher li dan is-sit gie mgħoddi mid-Dipartiment ta' l-Artijiet lill-Kunsill Malti għall-Isport u issa nbeda l-proċess sabiex dan is-sit jgħaddi għand għaqda sportiva.
Jista' l-Ministru jispjega kif saru dawn it-trasferimenti mingħajr ma ġie kkonsultat l-Kunsill Lokali ta' Ħal-Għargħur kif titlob il-Liġi dwar il-Kunsilli Lokali, speċjalment meta d-Dipartiment ta' l-Artijiet kien konxju tax-xewqa li dan is-sit jiġi devolut lill-Kunsill Lokali tant li fil-passat kien ukoll appoġġja applikazzjoni li l-Kunsill Lokali kien għamel sabiex jigi żviluppat Ġnien Ġubbliku fl-istess sit?
Jista' jispjega għaliex il-Kunsill Malti għall-Isport kompla għaddej bil-proċess tal-għoti tas-sit lill-għaqda sportiva meta kien infurmat mill-Kunsill Lokali bl-oġġezzjoni tiegħu għal dan it-trasferiment?
Jista' jgħid jekk il-Kunsill Lokali hux ser jingħata xi kumpens ta' l-investiment li sar matul is-snin u li tali investiment kien sar bil-barka tad-dipartment tal-Gvern responsabbli minn dan is-sit?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Lokali tal-Għargħur qatt ma kellu xi forma ta’ titlu biex jamministra s-sit in kwistjoni. Barra minn hekk il-Kunsill Lokali qatt m’għamel talba formali lit-Taqsima Proprjetà tal-Gvern (TPG) permezz tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali sabiex is-sit jiġi devolut lill-Kunsill.
Fl-2006, il-Kunsill Malti għall-Isports talab lit-TPG sabiex is-sit in kwistjoni jgħaddi għandhom għal finijiet sportivi. Fl-2007 il-Kunsill Lokali tal-Għargħur kienu oġġezzjonaw għal dan għaliex xtaqu li s-sit jiġi żviluppat fi ġnien pubbliku.
Ta’ min wieħed jgħid li s-sit in kwistjoni qatt ma seta’ jiġi żviluppat fi Ġnien Pubbliku kif xtaq il-Kunsill Lokali peress li skont il-Pjan Lokali għaċ-Ċentru ta’ Malta approvat fil-11 ta’ Lulju 2006, l-art in kwistjoni kienet skedata mill-MEPA biex isir żvilupp għal finijiet sportivi. Tant hu hekk li l-applikazzjoni lill-MEPA biex il-Kunsill Lokali jiżviluppa s-sit ġiet irrifjutata. Għaldaqstant, it-TPG kellha tgħaddi dan is-sit għand il-Kunsill Malti għall-Isports b’seħħ mill-1 ta’ Jannar 2009 permezz ta’ Avviż Legali 177/09 datat 9 ta’ Ġunju 2009.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kemm sar investiment barrani f’Għawdex minn intrapriżi, entitajiet, eċċ. li għandhom l-indirizz tagħhom f’Għawdex kull sena mill-2006 sal-2008 u matul l-ewwel sitt xhur tal-2006, 2007, 2008 u 2009?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond informazzjoni miġbura għall-finijiet tal-Bilanċ tal-Pagamenti mill-NSO, l-investiment barrani f’entitajiet, intrapriżi, eċċ., li għandhom l-indirizz tagħhom Għawdex kien jammonta hekk:
Investiment barrani f'Għawdex
€ 000s € 000s
2006 2007 2008 2006 2007 2008 2009
Sena Jannar-Gunju
222 637 1,598 23 214 799 787
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kumpaniji twaqqfu f’Għawdex minn Marzu 2008 bl-għajnuna tal-Malta Enterprise? X’tip ta’ għajnuna ngħatat f’kull każ?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi tliet kumpaniji ġodda ġew approvati mill-Malta Enterprise biex jitwaqqfu f’Għawdex minn Marzu 2008. L-assistenza li ngħatat hija finanzjarja, fiskali u għoti ta’ spazju industrijali.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — Ċifri ta' flus f'konsulenza
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu f'ċifra ta' flus f'konsulenza mill-uffiċċju tiegħu u dekasteri oħra li jaqgħu taħtu matul din is-sena s'issa? Jista' jipprovdi breakdown lil min tħallsu u kemm hija ċ-ċifra ta' flus dovuta sa l-aħħar tas-sena?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
proprjetà tal-Gvern fil-Belt Valletta li kienet tintuża u m'għadhiex,
Question
Jista' l-Ministru jgħid il-Gvern kemm għandu proprjetà fil-Belt Valletta li kienet tintuża u issa m'għadhiex? Jista' jgħid għal liema raġuni speċifika u fejn trasferew ruħhom l-entitajiet li wettqu tali trasferiment?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-Taqsima Proprjetà tal-Gvern m’għandha l-ebda proprjetà li mhix mikrija fil-Belt Valletta ħlief għal xi kantina jew store li jiġu battala minn żmien għal żmien u li jerġgħu jinkrew.
Rigward it-tieni parti tad-domanda, it-Taqsima Proprjetà tal-Gvern ma żommx statistika ta’ entitajiet li ħarġu mill-Belt, fejn marru u x’kienet ir-raġuni li trasferew l-operat tagħom x’imkien ieħor.
Jista' l-Ministru jiddikjara kemm daħħal VAT mis-settur turistiku is-sena l-oħra u fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena? Jaqbel li l-VAT għandha tonqos fejn jidħol is-settur turistiku tar-restaurants biex dan imur 'il quddiem u jingħata nifs ġdid?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi d-Dipartiment tal-VAT ma jistgħax jiddikjara x’daħħal VAT mis-settur turisitiku peress li l-informazzjoni li tingħata fid-denunzji tal-VAT ma tiddistingwijx bejn is-setturi imma tingħata skond jekk it-“turnover” kienitx intaxxata bi 18% jew 5% jew inkella kienitx eżenti.
L-effett ta' ċittadinanza doppja f'termini fiskali fi kwestjonijiet ta' wirt
Question
Jista' l-Ministru jgħid kif persuna li jkollha ċittadinanza doppja jew li tirrinunzja ċ-ċittadinanza Maltija biex tieħu ċ-ċittadinanza ta' pajjiż ieħor, tkun affettwata f'termini fiskali fi kwestjonijiet ta' wirt?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi kif jiġi ntaxxat trasferiment ta’ proprjetà f’Malta li ġiet akkwistata permezz ta’ wirt mhuwiex iddeterminat miċ-ċittadinanza u lanqas mill-fatt jekk il-persuna li qed titrasferixxi hix residenti Malta jew le. Jekk il-proprjetà intirtet qabel il-25 ta’ Novembru 1992 hemm taxxa finali ta’ 7% fuq il-valur tat-trasferiment (li huwa l-ogħla mill-prezz tal-bejgħ u l-valur tas-suq). Jekk il-proprjetà intirtet wara l-24 ta’ Novembru 1992 it-taxxa hija 12% finali tad-differenza bejn il-valur iddikjarat causa mortis u l-valur tat-trasferiment.
Jekk il-proprjetà tinstab barra minn Malta l-istorja hija differenti. Persuna li hija residenti u domiċiljata Malta li tbiegħ proprjetà li ntirtet qabel il-25 ta’ Novembru 1992 tħallas taxxa finali ta’ 7% fuq il-prezz tal-bejgħ. Jekk il-proprjetà intirtet wara l-24 ta’ Novembru 1992 it-taxxa fuq il-bejgħ tinħadem bir-rati normali sa massimu ta’ 35% fuq il-qligħ kapitali. Persuna li hija jew mhux residenti jew mhux domiċiljata Malta ma tħallasx taxxa fuq il-qligħ kapitali jekk il-proprjetà tkun barra minn Malta.
Meta tinbiegħ proprjetà f’Malta minn persuna li mhux ċittadin Malti jew mhux residenti Malta, in-Nutar irid jitlob awtorizzazzjoni biex jagħmel il-kuntratt xahrejn qabel.
Bank of Valletta — Chief Executive Officers u Chief Officers
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, is-salarji ta' l-chief executive officer u ta' l-chief officers tal-Bank of Valletta, inkluż introjti sekondarji mill-bank bħal allowances u directors fees tal-kumpaniji sussidjarji u kumpaniji oħra b'rapprezentanza tal-istess bank?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Bank of Valletta huwa bank kummerċjali (plc) u għaldaqstant il-Ministeru ma jistax jagħti l-informazzjoni mitluba.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — faċilitajiet biex ommijiet ħaddiema jreddgħu t-trabi
Question
Jista' l-Ministru jgħid fid-dipartimenti u uffiċċji li jaqgħu taħt id-dekasteru kollu tiegħu, x'faċilitajiet hemm għall-ommijiet ħaddiema biex ikunu jistgħu jreddgħu t-trabi tagħhom?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi fid-dipartimenti u uffiċċji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi ma jeżistux faċilitajiet apposta biex ommijiet ħaddiema jreddgħu t-trabi tagħhom. Dan ma jfissirx li f'każ li ssir xi talba f'dan is-sens ma jsirux arranġamenti mill-ewwel biex din it-talba tintlaqa'.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kumpaniji ġewwa Kordin Business Incubation Centre? Kemm kien jammonta l-investiment li sar s'issa bejn Jannar u Settembru 2009?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi hemm 21 kumpanija ġewwa il-Kordin Business Incubation Centre (KBIC).
Minn Jannar sa Settembru 2009, total ta ' 24,650 Euro intnefqu fil-KBIC fuq xogħlijiet ta' manutenzjoni u titjib.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq Bio Technology Park li ser isir ġewwa San Ġwann?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi bħalissa il-Malta Enterprise qed tipprepara l-Master Plan tal-Bio-Technology Park. Inħarġet sejħa Internazzjonali għall-offerti għas-servizzi ta’ Disinn u Project Management, liema sejħa tagħlaq fil-ħamsa ta’ Novembru 2009.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien jammonta l-ammont ta' grants li tat lil-Malta Enterprise għar-riċerka u l-iżvilupp bejn Jannar u Settembru 2009? Min ibbenefika minn dawn il-grants u kemm ħadu separatament?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ammont ta’ grants għar-riċerka u l-iżvilupp bejn Jannar u Settembru 2009 kien ta’ €17,622 taħt l–iskema tal-Eureka li kienu ġew approvati fis-sena 2008.
Matul is-sena 2009 il-
Malta Enterprise
nidhiet ukoll skemi għar-Riċerka u Żvilupp iffinanzjati minn fondi ta’ l-Unjoni Ewropeja b’
budget
ta’ €3.5m. L-iskema infetħet għall-pubbliku u l-allokazzjonijiet tal-
grants
ikunu ffinalizzati fil-ġimgħat li ġejjin.
Skema tal-International Competitiveness to Establish New Markets
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus taħt l-iskema tal-Malta Enterprise tal-International Competitiveness to Establish New Markets matul din is-sena li ninsabu fiha minn Jannar sal-aħħar ta' Settembru 2009?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi matul il-perjodu minn Jannar sa Settembru 2009, taħt l-iskema International Competitiveness to Establish New Markets tħallset is-somma ta’ €194,788.