Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kumpless ta' Ħal Ferħ

Question

B'referenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 10817 dwar il-kumpless ta' Ħal Ferħ, jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Gvern ħass li kellu joħroġ sejħa għall-offerti ta' l-art in kwestjoni biex tingħata b'ċens perpetwu? Jista' jagħti r-raġuni għaliex art tal-poplu se jagħtiha b'ċens perpetwu u mhux kif ħafna drabi jsir, bħal per eżempju, tingħata għal perijodu twil ta' 99 sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-Tender li qed jirreferi ghalih jinkorpora mhux biss l-ghotji tal-art b’ċens perpetwu, iżda wkoll it-trasferiment tal-ishma kollha tal-Kumpless Ħal Ferħ, bl-obligazzjonijiet u d-djun kollha li huma marbutin ma din il-kumpanija. Barra minn hekk, ried jiġi aċċertat illi l-kumpanija li tirbaħ dan it-tender, tintrabat li timxi mad-Development Brief li ħarġet il-MEPA fuq dak is-sit u cioe li topera l-fond għal skopijiet turistiċi. Biex it-tender seta’ jkun aktar attrajenti, u jiġi massimizzat il-valur tat-trasferiment tal-kumpanija Ħal Ferħ, inħass il-bżonn kummerċjali li jkun hemm il-bejgħ per se tal-propjeta in kwistjoni wkoll. Iżda, sabiex nissalvagwardjaw u jiġi żgurat li jinżammu l-istess kundizzjonijiet li kellha l-kumpanija, bl-obligi kollha, il-Gvern ħaseb illi jkun aktar għaqli li l-propjeta tingħata b’Ċens Perpetwu milli tinbiegħ sabiex ikollu kontroll fuq il-kuntratt u fuq l-istess obligi skont kif ittih il-Liġi.

proprjetà tal-Gvern fil-Belt Valletta — qliegħ minn kiri

Question

Jista' l-Ministru jgħid il-Gvern kemm għandu proprjetà fil-Belt Valletta li jikriha lil Ministeri, Dipartimenti u kumpaniji u jelenka xi jdaħħal preċiżament minn kull waħda?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi mat-Taqsima Proprjetà tal-Gvern, fil-Belt Valletta hemm reġistrati 143 propjeta’ li huma allokati lill-Ministeri, Dipartimenti u entitajiet Governattivi. L-ammont dovut bħala kera għal din il-proprjeta’ fil-Belt Valletta huwa ta’ €402,927.97. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, l-informazzjoni mitluba hi wisq intensiva u trid tinġabar manwalment u għalhekk hu umanament diffiċli li tinġabar. Pero, meta s-sistema komputerizzata (LEMIS) tibda topera, din l-informazzjoni tkun tista tinġabar b’aktar effiċjenza.

industriji meqjusa bħala żgħar u medji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm industriji f’Malta li huma meqjusa bħala industriji żgħar u medji? X’għajnuna ngħataw mill-Gvern fl-ewwel disa' xhur ta’din is-sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

industriji meqjusa bħala industriji kbar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm industriji f’Malta li huma meqjusa bħala industriji kbar? Liema huma dawn l-industriji? B’mod ġenerali, x’għajnuna ngħataw mill-Gvern fl-ewwel disa' xhur ta’din is-sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

kumpaniji li bbenefikaw minn krediti tat-taxxa fuq investiment kapitali

Question

Jista' l-Ministru jispjega kemm kienu l-kumpaniji li bbenefikaw minn krediti tat-taxxa fuq investiment kapitali u ħolqien ta' impiegi mill-fond tal-Malta Enterprise fl-aħħar ħames snin, sena b'sena? Kemm kien l-ammont totali ta' kreditu fuq it-taxxa li tħallas lill-kumpaniji sena b'sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-għajnuna taħt forma ta’ kreditu tat-taxxa li fuqha l-Onorevoli Interpellant qed jagħmel din il-mistoqsija parlamentari, hija waħda mill- iskemi li bħalissa qed toffri l-Malta Enterprise. In-numru ta’ kumpaniji li bbenefikaw speċifikament minn kreditu tat-taxxa fuq l- investiment kapitali jew ħolqien ta’ impiegi, kif ukoll l-ammont ta’ dan tal-kreditu huwa kif spjegat fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

kumpaniji li bbenefikaw minn skemi differenti

Question

Jista' l-Ministru jispjega kemm kienu l-kumpaniji li bbenefikaw mill-(i) Innovative Start Up Grants (ii) Exploratory Awards (iii) SME development grant (iv) ERDF Innovation Actions Grant Scheme (v) ERDF e-business development grant scheme (vi) ERDF Small Start Up Grant Scheme (vii) EUREKA mill-fond tal-Malta Enterprise fl-aħħar ħames snin sena b'sena? Kemm kien l-ammont totali ta' ghajnuniet skont il-grants rispettivi (i-vii) li tħallsu lill-kumpaniji sena b'sena fl-aħħar ħames snin ? Kemm minn dawn il-kumpaniji (1) baqgħu joperaw (2) ma baqgħux joperaw (3) kienu reġistrati f'Malta?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

laqgħat dwar l-emendi għal-liġi tal-gaming

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11315 u jispjega x'laqgħat uffiċjali kellu dwar l-emendi għal-liġi tal-gaming, ma' min, fejn saru l-laqgħat u f'liema dati?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Bills of Quantities — bini ġdid fi Triq ix-Xlendi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-Bills of Quantities għall-bini mill-ġdid ta’ Triq ix-Xlendi skont Avviż CT/A/016/2009 - Contracts Ref No, CT 2102/2009? Kemm hu t-tul tat-triq li se tinbena mill-ġdid skont it-tender?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kull min jixtieq jara l-Bills of Quantities jista’ jagħmel dan billi jidħol fil-website tad-Dipartiment tal-Kuntratti u jfittex għat-tender document marbut mas-sejħa tal-offerti għall-bini mill-ġdid tat-triq tax-Xlendi.

Dipartiment tal-Artijiet — Korrispondenza

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 11066 u r-risposta relattiva fejn il-Ministru irreleva li l-maħżen in kwestjoni kien oriġinarjament ingħata permezz ta’ encroachment permit datat 22 ta’ Awwissu 1974 (permit no. 87\74), jista' l-Ministru jispega kif għal snin sħaħ l-imsemmi inkwilin kien iħallas il-kera li kopja tal-irċevuti tagħha ġew mibgħuta separatament mad-domanda parlamentari 11066? Jista' jispjega kif attwalment f’xi żmien il-persuna indikata ġiet rikonuxxuta bħala inkwilina tal-fond in kwistjoni? Jekk fin-negattiv, kif jispjega li attwalment huwa kien iħallas il-kera?

Response (FENECH, TONIO)

Ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru tal-Finanzji, l-Ekonomija u Investiment — Ħaddiema abbażi ta' kuntratt

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11674 u jgħid kemm huwa n-numru ta' ħaddiema u/jew uffiċjali li fil-preżent jaħdmu abbażi ta’ kuntratt fl-Uffiċċju tal-Ministru u fid-dekasteri li jaqgħu taħtu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi fil-preżent jaħdmu 439-il persuna abbażi ta’ kuntratt fl-Uffiċċju tal-Ministru u fid-dekasteri li jaqgħu taħtu.

Taxxa tas-suċċessjoni

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġi kkunsidrat li ulied ċertifikati li jbatu minn diffikultajiet serji fl-iżvilupp tagħhom, sew psikoloġiku kif ukoll fiżiku, kif ċertifikati minn dipartimenti governattivi konċernati, jiġu eżentati milli jħallsu taxxa tas-suċċessjoni fuq wirt ta' proprjetà?

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli interpellant biex jagħmel referenza għad-diskors tal-Budget għall-2009 fejn kien tħabbar li meta persuna tkun imdaħħla fir-Reġistru ta’ Persuni b’Disabilita’ (miżmum mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Disabilita’ mwaqqfa skond l-Att dwar Opportunitajiet Indaqs Kap 413), u li tidentifka ruħha bħala tali fuq id-dikjarazzjoni causa mortis relattiva permezz tal-karta tal-identita maħruġ mill-imsemmjia Kummissjoni, l-ebda taxxa ma tinġabar jekk it-trasferiment causa mortis ikun jikkonsisti f’dar ta’ abitazzjoni jew parti minnha sakemm din il-proprjeta’ ma tiġix trasferita inter vivos matul l-ewwel għaxar snin mid-data tat-trasferiment causa mortis. Din l-emenda daħlet aktar kmieni din is-sena stess f’artiklu 35 tal-Att dwar it-Taxxa fuq Dokumenti u Trasferimenti.

Kummissarju tal-Artijiet — acknowledgement ta' ittra

Question

Jista' l-Ministru jgħid 'l għaliex għad li l-Kummissarju tal-Artijiet bagħat acknowledgement fit-8 ta’ Jannar 2009 fuq ittra tiegħi, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, baqa' ma bagħatx tweġiba għall-kontenut tal-istess ittra?

Response (FENECH, TONIO)

Ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

Proċess ta' Privatizzazzjoni tas-shipyards

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-proċess ta' privatizzazzjoni tas-shipyardsjew parti minnhom twaqqfitx? Jekk iva, jista' jagħti r-raġunijiet għaliex dan il-proċess twaqqaf?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-proċess tal-privatizzazzjoni tax-shipyard facilities għadu għaddej. Fil-każ tal-faċilita tas- Super Yachts , peress li l-ebda proposta ma kienet sodisfaċenti il- privatization unit talbet lil proponenti kollha biex jerggħu jissottemettu proposti ġodda.

Mawra biex jassisti logħba fubol

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 11776, li fiha l-Ministru wieġeb li ma jistax iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-irċevuti li skond huwa ħallas tal-lukanda, għalih u t-tfal li kienu miegħu fil-vakanzi li fiha mar jara logħba football bħala mistieden ta' industijalisti Maltin, għaliex skond il-Ministru, mhijiex konswetudni tiegħu li jżomm l-irċevuti tal-ispejjeż ta' natura personali. Jista' l-Ministru għall-anqas jipproduċi kopja tal-istatements tal-bank li fiha juri dak li ħallas, aktarx iva milli le, bi credit card?

Response (FENECH, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-Invoice mitluba wara li kkomunikajt mal-lukanda biex tibgħatli kopja għas-sodisfazzjon tal-Onor. Interpellant.

Marsa Super Yacht Services — privatizzazzjoni

Question

Jista’ l-Ministeru jikkonferma illi in segwitu ta’ l-mistoqsija parlamentari li nbaghtet nhar it-3 ta’ Novembru 2009 u l-istqarrija li saret mill-Ministru fl-4 ta’ Novembru 2009, ser jinħarġu tenders ġodda għall-privatizzazzjoni tal-Marsa Super Yacht Services? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid meta ser joħorġu tali tenders? Peress li l-Minsitru stqarr illi l-ewwel offerti ma kenux sodisfaċenti, jista’ jgħid għaliex l-aħjar offerta ma kenitx aċċettabbli għall-Gvern?

Response (FENECH, TONIO)

Nikkonferma li fit-3 ta’ Novembru dawk li pparteċipaw fil-proċess tal-privatizzazzjoni tal-faċilita tas-Super Yachts ġew infurmati li l-Privatisation Unit ma kinitx sodisfatta bl-ebda proposta li kienet irċeviet. Għaldaqstant dawn il-parteċipanti ġew mistiedna jagħmlu proposti ġodda. Minħabba raġunijiet kummerċjalment sensittivi risposta għat-tieni parti tal-mistoqsija ma tistax tingħata f’dan l-istadju.

Flus mill-esportazzjoni tal-ħut

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħħal flus il-pajjiż mill-esportazzjoni tal-ħut li jitrabbew fil-fish farms bejn Awwissu 2008 u Awwissu 2009?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — materjal stampat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intbagħat materjal stampat f'din l-aħħar sena mid-dipartimenti u uffiċċji li jaqgħu taħt id-dekasteru kolla tiegħu ġod-djar tan-nies? Jista' jgħid x'kien is-suġġett jew tema tal-karti li ntbagħtu? Kemm minn dan il-materjal kien fuq karta reċiklabbli jew reċiklata?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

żvilupp tal-intrapriżi żgħar u medji — pakkett preżenti ta’ strumenti fiskali u finanzjarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-pakkett preżenti ta’ strumenti fiskali u finanzjarji għall-iżvilupp tal-intrapriżi żgħar u medji f’Għawdex? Kemm intrapriżi bbenifikaw minn dan il-pakkett u kemm tħallsu flus matul l-aħħar tliet xhur tal-2008 u matul din is-sena rispettivament?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 10821.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — financial instruments

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi financial instruments mill-European Investment Bank fejn pajjiżna informa li mhux ser ikun qed jipparteċipa għall-perjodu 2007/2013? Jekk fl-affermattiv, x'inhi r-raġuni wara din id-deċiżjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 11743.

talbiet għal refusjoni tal-VAT

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet u kemm għandu jagħti lura f'somma globali bħala refużjoni tal-VAT u dan fl-ewwel disa' xhur ta’ din is-sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena kien hemm 17,141 talba għar-rifużjoni tal-VAT li jammontaw għal €89,554,224. Minnhom s’issa hemm 7,252 talba li għadhom pendenti li jlaħqu ċ-ċifra ta’ €45,412,318.