Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qormi — Imdina Road - Traffic Management

Question

Jista' l-Ministru jara li fil-parti tal-Imdina Road Qormi, mix-showroom tal-Easysell 'l isfel issir sistema ta' traffic management li tippermetti żewġ lanes għat-tul tat-triq kollha anke jekk jitneħħa xi parkeġġ fil-parti d-dejqa tat-triq għax f'din it-triq qiegħed ikun hemm konġestjoni tat-traffiku matul il-ġurnata kollha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lill-ADT.

Awtorita' dwar it-Trasport — Sight-seeing passenger tour service

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 3530 u 3710 u cioè: B'referenza għaż-żewġ tenders li kienu ħarġu mill-Awtorità dwar it-Trasport ta' Malta għal Concession for the provision of a sight-seeing passenger tour service open-top buses għal Tour A - North Route u għal Tour B - South Route, fil-21 ta' Marzu 2006 li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, illi ngħataw lil operatur uniku, jista' l-Ministru jippreżenta kopja tal-kuntratti li kienu ffirmati mill-imsemmija awtorità mal-operatur? Ir-referenza għat-tender qed tingħata separatament.

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Public Private Partnership — Proġetti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1146, li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u mistoqsija parlamentari 1410 li saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u li issa qed jiġu riferuta lilu u jgħarrafni bil-pagamenti li għadda lill-PPP tal-landscaping matul dawn l-aħħar 3 snin, sena b'sena? Liema kienu l-proġetti li saru abbażi ta' dawn il-fondi?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

WSC u Enemalta — Kontijiet Pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni u/jew ażjendi kummerċjali li għandhom kontijiet pendenti mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u/jew l-Enemalta din is-sena? Din is-sena kemm kien in-numru ta' familji u ażjendi li kellhom is-servizz ta' l-ilma u d-dawl maqtugħ minħabba li waqgħu lura fil-ħlasijiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat l-ammont ta’ persuni u ażjendi kummerċjali li għandhom kontijiet pendenti mal-WSC u l-Enemalta huwa ta’ 211,801 sal-31 ta’ Marzu 2008. Globalment minn Jannar sa Settembru 2008 in-numru ta' familji u azjendi li kellhom is-servizz ta' l-ilma u d-dawl maqtugħ minħabba li waqgħu lura fil-ħlasijiet huwa ta’ 27 servizz ta’ l-ilma għal użu domestiku u 1,383 servizz tad-dawl li 1,178 minnhom kienu domestiċi filwaqt li 205 kienu kummerċjali.

Bċejjeċ tal-baħar irreġistrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn bċejjeċ tal-baħar irreġistrati mal-Malta Maritime Authority maqsuma skond id-daqs?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ bċejjeċ tal-baħar reġistrati ma’ l-Awtorita’ Marittima huwa kif ġej: Bċejjeċ tal-baħar reġistrati taħt l-Att dwar il-Bastimenti Merkantili – 6m sa 24m – 3006 Bċejjeċ tal-baħar reġistrati taħt l- Small Ships Register – Taħt l-4m – 9784 4m sa 6m – 5282 6m sa 8m – 894 Aktar minn 8m – 133

Mellieħa Villaġġ Daniż — Triq

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li huwa ppjanat li tgħaddi triq minn wara dak li huwa magħruf bħala l-Villaġġ Daniż fil-Mellieħa? Huwa konxju l-Ministru li s-sidien ta’ dan il-villaġġ qed jaħsbuha jgħalqux dan il-villaġġ jekk jimmaterjalizza dan il-proġett li skond huma se jeffettwahom negattivament?

Response (GATT, AUSTIN)

Għal dawn l-aħħar erba' snin, il-Gvern kien qiegħed janaliżża tlett options possibli ta' kif tista' tissaħħaħ il-link ta' bejn iċ-Ċirkewwa u l-Mellieħa. Il-Gvern konxju li għal kull waħda minn dawn l-options hemm riservi minn persuni u kumpaniji differenti. Madankollu, l-Gvern huwa kommess li jagħmel l-aħjar għażla għall-inħawi.

Servizz ta' l-elettriku — Dewmien

Question

Jista' l-Ministru jara li l-persuna li applikat għas-servizz tal-elettriku li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tingħata dan is-servizz għax din diġà qed tabita f'dan il-post?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li biex tkun tista’ tipprovdi s-servizz u tneħħi d-deviation temporanja li ġiet installata waqt li kienet qed tinbena d-dar, Enemalta għandha bżonn tinstalla brackets mal-faċċata tad-dar. Preżentament b’riżultat ta’ din d-deviation il-linji huma għaddejjin viċin ħafna l-gallerija tal-applikant. Peress li din id-deviation temporanja, qegħda fuq l-arbli, l-installazzjoni tal-linji permanenti fuq arbli se tkun ukoll qrib il-gallarija ta l-applikant u għalhekk tkun ta' periklu. L-iktar mod prattiku u bl-inqas periklu hija li tgħaddi l-linji minn fuq il-brackets peress li bil-brackets il-linji ma jintlaħqux malajr u allura dis-sistema li hija ppruvata tajba ħafna, hija l-iktar mod bl-inqas periklu taħt dawn iċ-ċirkustanzi. L-applikant qiegħed jirrifjuta li jsir dan li allura s-servizz ma jistax jingħata sew.

Birżebbuġa — Qajjenza - Impjant tal-gas

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet ta' żvilupp jew oltre għall-art li ġiet imbattla wara l-iżmantellar tal-impjant tal-gas fil-Qajjenza, ġewwa Birżebbuġa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-impjant tal-Gas tal-Qajjenza għad baqgħalu madwar tliet snin biex jieqaf jopera.

Mobile phone base station antennae

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux se jieħu azzjoni fuq l-istallazzjoni ta' ammont numerevoli ta' mobile phone base station antennae f'żoni residenzjali? Kif inhuma regolati dawn l-istallazzjonijiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Dawn l-installazzjonijiet huma regolati mill-Malta Communications Authority u jien infurmat li l-Awtorita timxi fuq kriterji stabbiliti internazzjonali meta ssir talba għall-installazzjoni.

Taħriġ għall-instructors tal-karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'taħriġ għandhom l-instructors li jagħmlu t-testijiet tal-liċenzja tal-karozzi? Minn liema istituzzjoni hu rikonoxxut il-kors li għandhom huma u jekk dawn jingħatawx on going training? Kemm huwa twil f'numru ta' ġranet il-kors li jagħmlu biex jsiru instructors u xi kwalifiki għandhom bzonn sabiex jidħlu għal dan il-kors?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Testijiet tal-karozza — Studenti li għaddew

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm telgħu studenti bejn Jannar 2008 u Settembru 2008 għat-test tal-karozza? Kemm minn dawn l-istudenti għaddew mill-ewwel? Kemm minnhom għaddew mat-tieni darba, tielet, raba', ħames, sitta u kemm minnhom m'għaddew qatt? Jista' jgħid jekk hemmx xi numru ta' drabi li tista' titla għat-test u jekk dan teċċedih mingħajr ma tkun għaddejt it-test, ma tkunx tista' tagħmlu iktar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Tariffi ġodda tal-ilma u dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġu ssettjati t-tariffi ġodda tal-ilma u d-dawl, x'attenzjoni ser tingħata biex b'miżuri prattiċi ma jinħoloqx faqar ġdid, dak li jissejjaħ faqar tal-enerġija, imkejjel li f'pajjiżi oħra meta familji jkollhom jonfqu sa 10% jew iżjed mid-dħul tagħhom fuq prezzijiet tal-prodotti u servizzi enerġetiċi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Enemalta — Pagi tal-ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'problemi hemm biex jiġu assigurati li jitħallsu l-pagi tal-ħaddiema tal-Korporazzjoni Enemalta peress li l-Ministru ġie kkwotat li qal li jekk ma jogħlewx id-dawl u l-ilma, ma jkunx hemm mnejn jitħallsu l-pagi? X'ġara mill-flus involuti fl-estimi tal-Korporazzjoni Enemalta għall-pagi?

Response (GATT, AUSTIN)

Minkejja dak li kien stmat li se ddaħħal l-Enemalta, l-ispiża fil-prezz taż-żejt poġġietha f'pożizzjoni finanzjarja prekarja tant li kienet u għadha fil-periklu li ma jkollhiex biex tħallas il-pagi dovuti lill-impjegati tagħha.

Korporazzjoni Enemalta — applikazzjonjiet tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Korporazzjoni Enemalta daħħlitx xi sistema ġdida dwar l-applikazzjonijiet tad-dawl, fis-sens li fil-każi fejn l-applikazzjoni tkun tikkonċerna bini li qiegħed l-ODZ, l-applikazzjoni trid tgħaddi mingħand il-financial controller tal-Enemalta qabel ikun jista' jingħata s-servizz tad-dawl? Kemm hemm applikazzonijiet bħal dawn għand l-Enenmalta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni Enemalta m' għandha l-ebda sistema fejn bini li qiegħed ODZ irid jgħaddi mingħand il-Financial Controller tal-Enemalta qabel ma jkun jista' jingħata s-servizz tad-dawl. Dan minħabba li l-Enemalta tipproċessa biss applikazzjonijiet li jkollhom il-MEPA Compliance Certificate.

Toroq arterjali u toroq distributorji — culverts

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma t-toroq arterjali jew distributorji li għandhom il-culverts għas-servizzi u għall-ilma tax-xita f'pajjiżna? F'kull każ meta ħarġu t-tenders għall-kostruzzjoni ta' l-imsemmija toroq?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' toroq kif mitluba mill-Onor. Interpellant. Rigward meta ħarġu t-tenders għall-imsemmija toroq, l-Onor. Interpellant huwa mitlub jispeċifika għal liema toroq jixtieq jirreferi minħabba li uħud mit-toroq ilhom mibnija snin anke fi żmien meta x-xogħol kien isir dirett mill-ħaddiema tal-gvern.

Awtorità dwar it-Trasport — appart biex twettaq testijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità dwar it-Trasport għandhiex fil-pussess tagħha apparat li permezz tiegħu tista' twettaq testijiet fuq it-toroq li jkunu qed jinbnew f'pajjiżna? Jekk iva, kemm-il darba intuża dan l-appart matul l-aħħar tnax-il xahar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fuq direttiva tiegħi, it-testijiet fuq ix-xogħolijiet tat-toroq jridu jsiru minn enti akkreditata għal dan ix-xogħol. Għalhekk, l-apparat li għandha l’Awtorita’ Dwar it-Transport għall-testijiet fuq it-toroq kellu jiġi mgħoddi kollu lill-‘Malta National Laboratory’. Dawn ta’ l-aħħar se jkollhom l’inkarigu li jagħmlu t-testijiet kollha neċessarji fuq it-toroq fejn juzaw anke servizzi ta’ laboratorji barranin, akkreditati f’dan il-qasam, fejn neċessarju.

Koporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — Tahal report

Question

Jista' l-Ministru jippreżenta kopja fuq il-Mejda tal-Kamra tar-rapport li sar mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma dwar l-iStorm water Management magħruf bħala Tahal report?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rapport li qed jirreferi għalih għadu mhux lest.

Proġett fuq iċ-Ċirkewwa

Question

Jista’Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa s’issa fuq il-proġett kollu taċ-Ċirkewwa, jiġifieri, fuq mollijiet, breakwater , eċċ.? Kemm hi stmata li tkun in-nefqa għat-tkomplija tal-proġett?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.