Legislature:
Category:
Reset
Active:

Melita Group — informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar min huma l-individwi jew kumpaniji li jiffurmaw il-Melita Group? Jista jagħti informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet kollha rikjesti mill-offerenti prospettivi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Melita group hi kumpanija privata u l-informazzjoni li qed jitlob jista jsiba fuq ir-Registru tal-Kumpaniji.

Malta Enterprise u Malta industrial Parks — informazzjoni fuq in-numru attwali ta' ħaddiema u x-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru attwali ta' ħaddiema u x-xogħol li qed jagħmlu fi ħdan il-Malta Enterprise u l-Malta Industrial Parks? Jista' jagħti l-istess informazzjoni ta' kif kienet is-sitwazzjoni għall-aħħar tas-sena 2008? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx il-ħsieb li n-numru ta' impjegati mal-Malta Enterprise u l-Malta Industrial Park jiżdied għas-sena 2010?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

JPM Brothers — involviment fil-kampanja elettorali

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-email jew ittra li biha huwa nforma lill-Prim Ministru li kien se jmur jara logħba futbol fuq jet privat flimkien ma' żewġ kummerċjanti? Jista' l-Ministru jiddikjara x'involviment kellha d-ditta JPM Brothers jew il-persuni li jifformaw din id-ditta fil-kampanja elettorali tiegħu li għaddiet jew xi waħda mill-kampanji elettorali tiegħu passati?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif diġà spjegat f’okkażjonijiet preċedenti u kif anke kien ikkonfermat mill-Prim Ministru nnifsu jien infurmajt verbalment lill-istess Prim Ministru bl-imsemmi vjaġġ. Bħal m’hu obbligat jagħmel kull kandidat, jien ippreżentajt l-informazzjoni mitluba mil-liġi elettorali dwar l-ispejjeż involuti fil-kampanja elettorali tiegħi lill-Kummissjoni Elettorali.

dritt għar-refużjoni tal-VAT

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 11806, jista’ l-Ministru jgħid mill-1 ta’Jannar sal-lum, kemm applikaw għar-rifużjoni tal-ħlas tal-VAT għal spejjeż ta’ tieġ, spejjeż ta’ordinazzjoni ta’ saċerdot, spejjeż ta’ funerali, xiri ta' strumenti mużikali u xiri ta’ roti separatament? Kemm kien l-ammont totali li ntalab f’kull każ? Kien hemm minn diġà ingħata r-rifużjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi mill-1 ta’ Jannar sal-lum l-applikazzjonijiet għar-rifużjoni tal-ħlas tal-VAT għal spejjeż ta’ tieġ, spejjeż ta’ordinazzjoni ta’ saċerdot, spejjeż ta’ funerali, xiri ta' strumenti mużikali u xiri ta’ roti kif ukoll dawk li tħallsu kienu kif spjegat fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Informazzjoni mogħtija lilll-Unjoni Ewropea -

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mogħtija lill-Unjoni Ewropea dwar il-pakkett ta' stimolu li Malta addottat jew aħjar informazzjoni li l-Gvern Malti għadda lill-Kummissjoni bħala evidenza ta' azzjoni sabiex f'dan iż-żmien ta' riċessjoni tiġi stimulata l-ekonomija Maltija?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

good cause fund — book fair

Question

Jista' l-Ministru jiddikjara kemm kienet it-talba mill-Kunsill Nazzjonali dwar il-Ktieb għal għajnuna finanzjarja mill-Good Causes Fund għall-Book Fair? Kemm fil-fatt ingħataw flus mill-Good Causes Fund?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb m’għamilx talba għal ammont speċifiku mill-Good Causes Fund minħabba l-Fiera tal-Ktieb, imma rikjesta ġenerika biex tkopri spejjeż ta’ madwar €10,000. Din l-applikazzjoni qed tkun ikkunsidrata mal-applikazzjonijiet kollha tal-aħħar kwart tas-sena.

Vot Kapitali Nru VIII items

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm flus maħsuba għall-industrija f’Għawdex għall-2010 taħt il-Vot Kapitali Nru VIII Items 7211(i), (ii),(iii),(iv), 7280, 7101, 7096 u 7274 rispettivament? Jista’ jgħid għal liema skop huma maħsuba f’kull każ?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

Skema ta' kreditu ta' taxxa

Question

B’referenza għall-iskema ta’ kreditu ta’ taxxa li skont id-diskors tal-Budget għandha tiġi introdotta u li permezz tagħha l-Għawdxin jingħataw kreditu ta’ taxxa ta’ 60% flok 40% tal-investiment li jagħmlu, jista’ l-Ministru jikkonsidra li jgħolli l-massimu tal-kreditu ta’ taxxa għall-Għawdxin għal €37,500 flok €25,000 u jestendi ż-żmien għal tliet snin minflok tnejn biex ikunu proporzjonali għal 60% minflok 40%?

Response (FENECH, TONIO)

Napprezza s-suġġeriment li qed jagħmel l-Onor. Interpellant u l-animu li għalih qed jagħmlu. F’dan l-istadju, l-iskema ser tiġi implimentata kif annunzjata u l-Gvern jistudja u jevalwa l-effetti tagħha matul iż-żmien li titħaddem, dejjem fil-parametri tar-regoli tal-Unjoni Ewropeja fejn tidħol l-għajnuna mill-iStat u l-intensità tagħha fuq kull operatur.

miżuri għal self employed u intrapriżi żgħar

Question

Billi fil-budget għas-sena d-dieħla tħabbru numru sostanzjali ta' miżuri li permezz tagħhom is-self employed u l-intraprizi żgħar jistgħu jibbenefikaw minn diversi skemi, jista l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dawk kollha li jistgħu jibbenefikaw minn skemi bħal dawn ikunu nfurmati bihom anke fuq bażi personali?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Malta Enterprise għandha pjanijiet sabiex tagħmel kampanja ta’ informazzjoni sabiex twassal dawn l-iskemi lil dawk kollha li jistgħu jkunu benefiċjarji ta’ dawn l-iskemi.

Ta' Qali — Villaġġ tas-Snajja

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar meta hu mistenni li jkun hemm deċizjoni finali dwar x'se jigri mill-Villaġġ tas-Snajja f'Ta' Qali? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi applikazzjonijiet pendenti għall-żvilupp f'dan il-post quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel referenza għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari numru 10910, u ninformaħ illi l-ewwel abbozzi tal-proġett ser ikunu lesti din il-ġimgħa, u ser ikunu diskussi mar-rapprezentanti tas-sidien il-ġimgħa d-dieħla. Sa llum għadha teżisti applikazzjoni pendenti quddiem il-MEPA bir-referenza (PA 05312/02) PA 6199/04. Fil-ġimgħat li ġejjin għadha titieħed id-deċizzjoni jekk tibqax tintuża l-istess applikazzjoni jew issirx applikazzjoni ġdida.

ċirkostanzi partikulari — ekonomija dinjija - inċentivi għal min joħloq impjiegi produttivi ġodda

Question

Billi l-budget għas-sena d-dieħla qed jagħmel enfasi qawwija fuq il-ħolqien tax-xogħol, ħaġa ferm importanti fiċ-ċirkostanzi partikolari li għaddejja minnhom l-ekonomija dinjija, jista' l-Ministru jagħti xi dettalji oħra, iktar minn dawk imsemmija fil-budget, biex jingħataw inċentivi għal min joħloq impjiegi produttivi ġodda?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

Dan Jean Vanier, Dar l-Arċipriet Degrabriele u Dar Nazaret — forma ta għajnuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Dar Jean Vanier, Dar l-Arċipriet Degabriele u Dar Nazaret ingħatawx xi forma ta' għajnuna finanzjarja mill-Gvern?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

Fabbriki ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm fetħu fabbriki ġodda? Kemm ġew imkabbra fl-aħħar għaxar snin, sena b'sena? Kemm minn dawn ħadu l-għajnuna finanzjarja jew xi forma oħra ta' għajnuna? Kemm kienet din l-għajnuna? Kemm kienu qed iħaddmu nies ġodda sal-aħħar ta' Settembru 2009 u kemm qalu li ser iħaddmu meta ħadu l-għajnuna?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

Żieda fuq il-liċenzja tal-vetturi bir-riforma l-ġdida

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10511 li oriġinarjamnet saret lill-Ministru tal-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm huwa proġettat li sejjer idaħħal il-Gvern fi flus fis-sena 2009 mis-sena 2008 wara li bdiet tiġi implimentata ż-żieda fuq il-liċenzja tal-vetturi bir-riforma l-ġdida?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi bejn Licenzji u Annual Circulation Tax, l-ammont miġbur fl-2008 kien €27.8 miljun, filwaqt li huwa mistenni jkun bejn €45 u €46 miljun fl-2009, liema ammont jirrifletti wkoll iż-żieda fin-numru ta’ vetturi li qed jiġu reġistrati matul l-2009, meta mqabbel man-numru reġistrat fl-2008.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — kirjiet ta' għamara, pitturi u pjanti

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 11667 u ċioe: jista' l-Ministru jgħid jekk sarux xi kirjiet ta' għamara u/jew pitturi u/jew pjanti mill-uffiċċju tiegħu u dekasteri oħra li jaqgħu taħt l-uffiċċju tiegħu, matul din il-leġislatura u sal-preżent? Jekk fl-affermattiv, jista' jinfurmani fid-dettall xi flejjes qed jitħallsu għal dawn il-kirjiet separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

fabbriki — ħlas b'lura tal-kirja tagħhom

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm fabbriki li qegħdin lura fil-ħlas tal-kirja tagħhom? Kemm ilha żmien (snin) l-aktar waħda li ilha ma tħallas? X’inhi s-somma globali li l-Gvern irid jiġbor?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

European Social Fund tal-Unjoni Ewropea — Tender

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex jiżgura li tender pubbliku li għadu kemm ħareġ, li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, u se jigi ffinanzjat mill-European Social Fund tal-Unjoni Ewropea jiġi mibdul biex ikun skond il-Manual of Procedures for Projects Implementation - Cohesion Policy 2007 – 2013 maħruġ hawn Malta mill-Planning and Priorities Coordination Division Verżjoni 2, April 2009, fejn f’paġna 18 jgħid : « In accordance with Article 16 of the General Regulation, Beneficiaries must take into consideration Equal Opportunities at all stages of the project and necessary steps should be taken to prevent any discrimination based on sex, racial or ethnic origin, religion or belief, disability, age or sexual orientation. In particular, accessibility for disabled people to projects co-financed through Cohesion Policy should be ensured.”?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi diġà saret emenda f’dan ir-rigward għat-tender dossier indikat mill-Onorevoli Membru permezz ta’ Clarification No. 1 maħruġa mid-Dipartiment tal-Kuntratti. Din il-clarification ġiet mgħoddija lil kull minn xtara t-tender diġà. Min se jixtri t-tender se jkollu kopja tagħha wkoll. Barra minn hekk il-clarification qed tiġi ppublikata fuq il-website tad-Dipartiment.

Żoni Industrijali — fabbriki vakanti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm fabbriki vakanti fid-diversi żoni industrijali f’Malta? Sa liema sena kienet tintuża kull waħda, x’kienet tipproduċi u kemm kienet tħaddem nies?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ fabbriki vakanti fid-diversi żoni industrijali amministrati mill-Malta Industrial Parks Ltd huwa ta’ 12. Din l-informazzjoni qegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, fejn qed jiġi mistoqsi n-numru ta’ nies li kienu jħaddmu, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob din l-informazzjoni lill-Ministru konċernat.