Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għal Għawdex — DGs, Diretturi u Assistenti Diretturi

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm bħalissa karigi battala ta’ Diretturi Ġenerali (DGs), Diretturi u Assistenti Diretturi fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, ta’ xiex inhuma dawn il-karigi, kemm ilhom battala, u meta hu maħsub li jiġu mimlija? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx il-ħsieb li fil-preżent u fil-futur qarib, jinħolqu karigi ġodda ta’ DGs, Diretturi jew Assistenti Diretturi fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex?

Response (ABELA, ROBERT)

Il-karigi tal-headships kollha kif ukoll tal-Assistenti Diretturi huma mimlija skont il-Pjan għar-Riżorsi Umani u skont kif jinħtieġ l-operat tad-direttorati u l-ministeru. L-vakanzi li huma meħtieġa ġew mimlija, u kwalunkwe vakanza li jkun hemm fil-futur issir permezz ta’ pjan li jdaħħal l-Ministeru u jiġi kkonfermat mill-Unit tal-Management Support fi ħdan l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti ewlieni.

Public Expo Village 2025 – Data personali miġbura

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’sar u x’qed isir mid-data personali miġbura waqt il-Public Expo Village 2025 li saret f’Ta’ Qali mill-21 sal-25 ta’ Mejju 2025? Jista’ jgħid ukoll għal-liema raġuni nħasset il-ħtieġa li kull persuna li attendiet kellha tirreġistra isimha, kunjomha, in-numru tal-karta tal-identità u n-numru tal-mobile?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat illi d-data personali miġbura waqt il-Public Service Expo Village 2025 ġiet distrutta wara l-avveniment. Inħasset il-ħtieġa li tinġabar din id-data minħabba raġunijiet ta' saħħa u sigurtà speċjalment meta wieħed jinnota l-wirjiet kollha li ngħataw mill-forzi dixxiplinati kif ukoll minħabba l-attendenza fit-tinda.

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Public Expo Village 2025 - Nefqa

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28669 u jgħid jekk l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u/jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, ħadux sehem fil-Public Expo Village 2025 li saret f’Ta’ Qali mill-21 sal-25 ta’ Mejju 2025? Jekk iva, liema dipartimenti ħadu sehem, x’kien id-daqs tal-istand/stands tagħhom u kemm kienet in-nefqa ta’ kull dipartiment, kif ukoll in-nefqa totali tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru fuq din l-Expo?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Credit/Debit cards

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23593 fejn intqal li l-informazzjoni kienet għadha qed tinġabar, issa li għaddew ix-xhur, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk l-entitajiet li jaqgħu taħtu jagħmlux użu minn credit/debit card pubblika u min għandu l-faċilità li juża kull credit/debit card? Għal xiex tintuża kull credit/debit card u x’inhu l-limitu ta’ nefqa kuljum għal kull credit/debit card? Jista’ jgħid ukoll x’kienet in-nefqa minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar u xi nxtara, item item, b’din il-credit/debit card?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm seba' entitajiet taħt id-dekasteru tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru li b'kollox inħarġulhom disa' debit cards. Il-ħruġ ta’ card isir biss wara li jkun hemm l-approvazzjoni tal-Ministeru għall-Finanzi u l-approvazzjoni tas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tiegħi, skont il-proċedura stabbilita. Inżid ngħid illi kull nefqa ssir skont u fil-parametri stabbiliti ta’ kif għandhom jintużaw il-fondi pubbliċi.

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Segretarjat Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza – Public Expo Village 2025 – Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza jgħid jekk is-Segretarjat u/jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, ħadux sehem fil-Public Expo Village 2025 li saret f’Ta’ Qali mill-21 sal-25 ta’ Mejju 2025? Jekk iva, liema dipartimenti ħadu sehem, x’kien id-daqs tal-istand/stands tagħhom u kemm kienet in-nefqa ta’ kull dipartiment, kif ukoll in-nefqa totali tal-Ministeru fuq din l-Expo?

Response (ABELA, ROBERT)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Public Service Expo — Retainers għal PR u l-Proċess ta’ Għażla

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28843 u jagħti break down tan-nefqa totali relatata mas-servizzi ta’ relazzjonijiet pubbliċi (PR) għall-Public Service Expo? Jista’ wkoll jindika l-ammont eżatt imħallas bħala retainers lill-aġenziji jew lill-konsulenti tal-PR, kif ukoll jagħti spjegazzjoni dettaljata tal-proċess ta’ kif dawn ġew magħżula, u jekk intużawx sejħiet pubbliċi jew ordnijiet diretti?

Response (ABELA, ROBERT)

Il-ħidma kollha relatata mar-relazzjonijiet pubbliċi għall-Public Service Expo Village li kien ta' suċċess kbir sar kollu internament mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni u ma ġewx imqabbda aġenziji jew konsulenti.

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Segretarjat Parlamentari għad-Djalogu Soċjali – Public Expo Village 2025 – Nefqa

Question

Jista’ l-Prim Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali jgħid jekk is-Segretarjat u/jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, ħadux sehem fil-Public Expo Village 2025 li saret f’Ta’ Qali mill-21 sal-25 ta’ Mejju 2025? Jekk iva, liema dipartimenti ħadu sehem, x’kien id-daqs tal-istand/stands tagħhom u kemm kienet in-nefqa ta’ kull dipartiment, kif ukoll in-nefqa totali tal-Ministeru fuq din l-Expo?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Public Service Expo — Retainers għal PR u l-Proċess ta’ Għażla

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti break down tan-nefqa totali relatata mas-servizzi ta’ relazzjonijiet pubbliċi (PR) għall-Public Service Expo? Jista’ wkoll jindika l-ammont eżatt imħallas bħala retainers lill-aġenziji jew lill-konsulenti tal-PR, kif ukoll jagħti spjegazzjoni dettaljata tal-proċess ta’ kif dawn ġew magħżula, u jekk intużawx sejħiet pubbliċi jew ordnijiet diretti?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Private jet — Żjarat u skopijiet uffiċjali

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il darba ntuża l-private jet għal skopijiet/żjarat uffiċjali fl-2024? Jista’ jgħid ukoll kemm ġiet tiswa l-ispiża totali biex jintuża l-private jet għal skopijiet uffiċjali fl-2024?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li meta niġu għas-safar uffiċjali, l-ewwel preferenza dejjem tkun fuq titjira kummerċjali. Iżda minħabba restrizzjonijiet fil-ħinijiet, nuqqas ta’ flessibbiltà u skedi ristretti ħafna, ikun hemm istanzi fejn isir użu minn jet privat. Matul l-2024 kien hemm 12-il safra li għar-raġunijiet imsemmija saru titjiriet minn jet privat.

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Vjaġġar

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23557 fejn intqal li t-tagħrif kien għadu qed jinġabar, issa li għaddew ix-xhur, jista’ l-Prim Ministru jgħid: (a) kemm-il vjaġġ għamel barra mill-pajjiż minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u fejn kienet id-destinazjoni? (b) X’kienet ir-raġuni għal kull vjaġġ u kemm sewa kull vjaġġ f’termini ta’ fondi pubbliċi għall-biljetti tal-ajru, lodging, trasport, ikel, xorb, allowances per diem għal kull persuna li kienet tifforma parti mill-kontinġent u spejjeż oħra, separatament? (c) Min għand liema aġent tal-ivjaġġar inxtraw il-biljetti tal-ajru u jekk hux b’direct order jew tender, x’tip ta’ biljetti tal-ajru inqatgħu (jekk hux economy, business club jew class club) u ma’ liema kumpanija tal-ajru? (d) Kemm kien it-tul ta’ żmien għal kull vjaġġ? (e) Minn min kien iffurmat il-kontinġent tal-Ministru għal kull vjaġġ?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23899 li saret lilu stess.

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Credit/Debit cards

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23575 fejn intqal li l-informazzjoni kienet għadha qed tinġabar, issa li għaddew ix-xhur, jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il credit/debit card pubblika għandu maħruġa għall-użu tiegħu u tal-Ministeru tiegħu u min għandu l-faċilità li juża kull credit/debit card? Għal xiex tintuża kull credit/debit card u x’inhu l-limitu ta’ nefqa kuljum għal kull credit/debit card? Jista’ jgħid ukoll x’kienet in-nefqa minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar u xi nxtara, item item, b’din il-credit/debit card?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi b’kollox hemm seba’ cards taħt id-dekasteru tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru li jinkludi s-Segretarju Permamenti Prinċipali, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u s-Segretarju Parlamentari Riformi u l-Ugwaljanza. Il-ħruġ ta’ card isir biss wara li jkun hemm l-approvazzjoni tal-Ministeru għall-Finanzi u l-approvazzjoni tas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tiegħi, skont il-proċedura stabbilita. Inżid ngħid illi kull nefqa ssir skont u fil-parametri stabbiliti ta’ kif għandhom jintużaw il-fondi pubbliċi. Il-ħlas isir mil-line item rispettiv kif approvati fl-estimi finanzjarji tal-baġit u li kopja tagħhom diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Avukati / Ditti ta’ Avukati

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26984 u jgħid sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fir-rigward ta’ kull entità pubblika, (irrispettivament tal-mod kif deskritta) li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu: i. kemm hemm avukati full-time u/jew part-time impjegati mal-entità konċernata u f’kull każ x’inhu l-grad tagħhom; u ii. kemm attwalment hemm avukati jew ditti ta’ avukati mhux impjegati li qegħdin fuq bażi ta’ retainer?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm sitt entitajiet taħt id-dekasteru tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru li jħaddmu magħhom 17-il avukat, filwaqt li hemm erba’ avukati oħra u ditta legali waħda li ġew ingaġġati fuq bażi ta’ retainer.

San Pawl il-Baħar – Bajja tax-Xama’

Question

Jista’ l-Prim Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji biex il-bajja ż-żgħira li hemm f’Tax-Xama’, ħdejn l-iskola ta’ San Pawl il-Baħar, issir aċċessibbli u jiġi assigurat li jitneħħa kull periklu li jeżisti preżentement? Peress li fil-passat intqal iktar minn darba li l-bajja ser tkun ‘replenished’ bir-ramel, jista’ jagħti tagħrif dwar fiex waslu l-pjanijiet għal dawn l-inħawi?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Direttiva 2012/29/UE

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Uffiċċju tal-Prim Ministru – Public Expo Village 2025 – Nefqa

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u/jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, ħadux sehem fil-Public Expo Village 2025 li saret f’Ta’ Qali mill-21 sal-25 ta’ Mejju 2025? Jekk iva, liema dipartimenti ħadu sehem, x’kien id-daqs tal-istand/stands tagħhom u kemm kienet in-nefqa ta’ kull dipartiment, kif ukoll in-nefqa totali tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru fuq din l-Expo?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Mejju 2025?

Response (ABELA, ROBERT)

Għal darb oħra ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entitajiet u d-dipartimenti tal-Gvern japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt joħorġu mill-Public Procurement Regulations. Intant nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15419.

Principal Technical Officers u Operations Managers

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm Principal Technical Officers u Operations Managers u kemm hemm jaħdmu f’kull Ministeru?

Response (ABELA, ROBERT)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Infiq fuq reklamar

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27502 dwar kemm intefqu flus f’reklami fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u fl-entitajiet li jaqgħu taħtu, jista’ l-Prim Ministru jaqsam l-ammonti skont l-entitajiet differenti?

Response (ABELA, ROBERT)

Qed inpoġġi t-tagħrif mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità li tirregola l-każini

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid liema awtorità tirregola l-każini, u kif inhuma rregolarizzati l-każini f’dak li għandu x’jaqsam mal-ikel u x-xorb?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Kiri ta’ karozza tal-linja

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27800 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u jgħid kemm ġiet tiswa l-karozza tal-linja li ġiet mikrija f’Għawdex għall-membri kollha tal-Kabinett, nhar it-Tnejn 7 ta’ April ta’ din is-sena?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tagħmel l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.