B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3716, jista’ l-Ministru jgħid kemm ittieħdu azzjonijiet riżultat tal-ispezzjonijiet li saru mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, u jindika x’azzjoni ttieħdet f’kull każ?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kif spjegat diġà fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 3716, terġa’ ssir spezzjoni ulterjuri biex jiġi assigurat li l-operatur mexa mal-istruzzjonijiet li kien ingħata. Mill-ispezzjonijiet li saru kien hemm żewġ operaturi li weħlu multi amministrattivi kif stipulat fil-liġi kkonċernata.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3716, jista’ l-Ministru jgħid għalfejn il-kopja tal-beach concessions fil-bajjiet ta’ Kemmuna li ntalbet biex titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra hija ta’ natura kummerċjali sensittiva?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-mistoqsija parlamentari 3716 hija dwar spezzjonijiet li għamlet l-MTA fuq imwejjed u siġġijiet u mhux dwar kuntratti. Għaldaqstant nitlobha sabiex tikkwota l-PQ korretta.
Filwaqt li għaddejjin ir-reviżjonijiet fuq is-site plans tal-konċessjonijiet mogħtija fil-bajjiet ta’ Kemmuna, jista’ l-Ministru jippubblika s-site plans tal-konċessjonijiet li hemm bħalissa?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Financial Incentives for the Audiovisual Industry — korrispondenza
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza kollha li għaddiet bejn il-Gvern Malti u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-tibdil li tħabbar aktar kmieni din is-sena fil-Financial Incentives for the Audiovisual Industry: Cash Rebate? Jista’ jippubblika wkoll l-approvazzjoni li ngħatat mill-Kummissjoni Ewropea?
Estimi Finanzjarji 2023 – informazzjoni dwar line item 7256
Question
Jista’ l-Ministru jagħti spjegazzjoni dettaljata dwar kif fl-Estimi Finanzjarji 2023, f’paġna 433, fl-appendiċi ‘Multi-year Projections of Capital Expenditure (excluding EU Funds) for items exceeding €5 million in 2023’, f’line item 7256 hemm miktub li għas-sena 2023 hemm allokat (stima) €11 miljun, iżda mbagħad il-Gvern innotifika lill-Kummissjoni Ewropea li lest jonfoq sa madwar €50 miljun bħala spiża kapitali għall-films barranin? Għalfejn din id-diskrepanza?
Awtorità Maltija għat-Turiżmu — Arretrati ta' liċenzji ta' operaturi turistiċi
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 574, 1842, 2466, 2817, 3157 u 3718 u jgħid l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kemm għandha arretrati x’tiġbor f’liċenzji minn operaturi turistiċi mill-2013 sal-lum, maqsuma sena b’sena?
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4013, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan it-tender msemmi fir-risposta?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija pubblika u tinsab fuq dan l-indirizz elettroniku - https://www.etenders.gov.mt/epps/cft/prepareViewCfTWS.do?resourceId=8845653 . Qed inpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra.
Awtorità Maltija tat-Turiżmu – għoti ta’ fondi lil entitajiet sportivi
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista tal-entitajiet sportivi kollha, kemm lokali kif ukoll barra minn xtutna, li qed jingħataw fondi mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu permezz ta' sponsorships jew kwalunkwe mezz ieħor, flimkien mal-ammont ta' fondi li qed tingħata kull entità?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena rikorrenti l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tat 13-il sponsorship lill-entitajiet sportivi. L-ammont totali li ingħata kien ta’ €114,240.
Klabbs tal-għawn u tal-waterpolo — sponsorships, grants u għajnuniet oħra
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu u kemm kienu jammontaw: a) l-isponsorships, b) grants; u ċ) għajnuniet oħra li ngħataw lill-klabbs tal-għawm u tal-waterpolo? Jista’ jgħid liema klabbs ibbenefikaw minnhom? Jista’ jgħid jekk għas-sena li ġejja hemmx il-ħsieb illi klabbs oħrajn jibbenefikaw ukoll u jekk iva, liema se jkunu dawn il-klabbs? Jista’ jgħid liema kriterju/i qegħdin jiġu applikati biex jitqassmu dawn l-għajnuniet u jekk il-klabbs lokali kollha humiex informati b'dan?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tat sponsorship lin-Neptunes Waterpolo Swimming Club, lil Otillo Swimrun World Series Malta u lil Aquatic Sports Association – total ta’ €53,300.
S’issa hemm talba waħda għas-sena d-dieħla sabiex l-MTA tassisti Training Camp tat-tim femminili ta’ Pro Recco li huwa wieħed mill-aqwa timijiet fl-Ewropa.
Il-kriterji applikati jibbażaw fuq il-potenzjal promozzjonali li jista’ jieħu l-pajjiż barra minn xtutna mit-timijiet jew mill-kompetizzjoni li tkun qed tiġi organizzata.
Malta Film Commission – linji gwida ġodda għall-Financial Incentives for the Audiovisual Industry
Question
Peress li f’Marzu li għadda l-Malta Film Commission ippubblikat linji gwida ġodda għall-Financial Incentives for the Audiovisual Industry: Cash Rebate, u skont Artiklu 5 ta’ dawn il-Linji Gwida, dawn jidħlu fis-seħħ ġaladarba jidħol fis-seħħ l-Avviż Legali, għaldaqstant jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dan l-avviż legali li jirregola dawn il-linji gwida u jinforma lill-Kamra meta daħlu fis-seħħ?
Financial Incentives for the Audiovisual Industry – studju ekonomiku u finanzjarju
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kull studju ekonomiku u finanzarju li l-gvern għamel fl-aħħar snin u li fuqu jiġġustifika ż-żieda fil-Financial Incentives for the Audiovisual Industry: Cash Rebate li ħabbar f’Marzu li għadda?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba hija kummerċjalment sensittiva u għaldaqstant ma tistax titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Madanakollu, l-Onor. Interpellanta se tingħata l-opportunità li tara hi personalment id-dokumenti mitluba.
Financial Incentives for the Audiovisual Industry – għoti ta’ inċentivi
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont dettaljat ta’ kull inċentiv li ngħata taħt il-Financial Incentives for the Audiovisual Industry: Cash Rebate mill-2006 sal- 2022 s’issa? Għal kull proġett, jista’ jinkludi l-isem tal-proġett, l-isem tal-kumpanija li bbenefikat mill-cash rebate, l-ammont li ngħata mill-Gvern bħala Cash Rebate, l-ispiża diretta tal-film f’Malta u l-ispiża indiretta (fuq riżorsi jew servizzi mill-UE) li kienet eliġibbli għal cash rebate?
Għawdex –Taxxa miġbura minn lukandi u akkomodazzjonijiet oħra
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4161, jista' l-Ministru jgħid kemm mid-dħul tat-taxxa fuq kull lejl fil-hotels u akkomodazzjonijiet oħrajn minn indirizzi reġistrati f’Għawdex ġie investit f'Għawdex stess?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif spjegat fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 4161, saru diversi interventi matul iż-żmien, bl-aħħar intervent, ċjoèl-iscuttling tal-Hephaestus fl-inħawi tax-Xatt l-Aħmar, jiġi jiswa nofs miljun Ewro.
Jista’ l-Ministru jara li l-pjan għat-turiżmu f’Wied il-Għajn, li ilu diġà numru ta’ snin biex jiġi ppreżentat mill-Ministeru, jiġi effettivament preżentat? Jekk le, jista’ jgħid x’inhuma d-diffikultajiet relattivi?
Jista' l-Ministru jgħid x'benefiċċji qed jingħataw fl-isponsorship deal li hemm bejn il-Manchester United FC u VisitMalta, speċifikament jekk humiex jingħataw xi perkaċċi jew tnaqqis fil-prezz fil-biljetti tal-logħob tal-imsemmi klabb?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ftehim mal-Manchester United jipprovdi għal numru ta’ biljetti għal logħob tal-kampjonat Premier u FA Cup li jintlagħbu ġo Old Trafford. Dawn il-biljetti jintużaw sabiex l-MTA tospita ġurnalisti, influencers, prize-winners, aġenti tal-ivjaġġar, operaturi turistiċi u organizzaturi ta’ konferenzi barranin bħala promozzjoni għall-pajjiżna u sabiex insaħħu l-koperazzjoni professjonali ta’ VisitMalta magħhom.
Jista' l-Ministru jagħti aġġornament dwar ix-xogħol li sar mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) fil-World Travel Market f'Londra?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Malta permezz tax-xogħol importanti li tagħmel l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kienet impenjata fuq numru ta' jiem f'waħda mill-akbar fieri internazzjonali tat-turiżmu madwar id-dinja, il-World Travel Market.
B'sodisfazzjon ninnotaw ir-rispons pożittiv li kellna minn numru ta' aġenti tal-ivvjaġġar kif ukoll linji nazzjonali tal-ajru fejn dawn urew l-impenn tagħhom li jsaħħu l-konnessjoni tagħhom mal-Gżejjer Maltin.
Matul il-World Travel Market kellna wkoll l-opportunita li nitkellmu ma' ġurnalisti Ingliżi permezz tar-radjo u t-televiżjoni fejn spegajna fid-dettall kif Malta qegħda taġġorna l-prodott turisitku tagħha.
Jista' l-Ministru jagħti aġġornament dwar fiex waslu x-xogħlijiet fuq il-gallarija tal-Belvedere f'San Pawl il-Baħar?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet fuq il-Gallarija tal-Belvedere ta’ San Pawl il-Baħar bdew. Bħalissa beda jinqala’ l-materjal minn sezzjoni tal-gallarija sabiex tkun tista’ tibda l-manutenzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jagħti aġġornament dwar fiex waslu x-xogħlijiet fuq il-proġett tar-riġenerazzjoni tal-Għadira?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet fuq il-promenade u t-triq tal-Għadira bdew f’Ottubru u bħalissa qed isiru xogħlijiet relatati ma’ servizzi. Dan il-proġett qed isir flimkien ma’ Infrastructure Malta.
Proġett ta’ Riġenerazzjoni tal-Pjazza tal-Mellieħa
Question
Jista' l-Ministru jagħti aġġornament dwar fiex waslu x-xogħlijiet fuq il-proġett tar-riġenerazzjoni tal-Pjazza tal-Mellieħa?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-Pjazza tal-Mellieħa bħalissa qed isir culvert biex ikunu jistgħu jitpoġġew is-servizzi neċessarji. Dan qed isir taħt monitoraġġ kostanti tal-arkeoloġisti u Sovritendenza tal-Wirt Kulturali.
Dan il-proġett qed isir flimkien ma’ Infrastructure Malta.