Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi — Sindki u Kunsilliera
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29978 dwar kemm hemm persuni li huma Sindki u Kunsilliera li jaħdmu mal-Ministeru tiegħu, inkluż fl-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, jista’ l-Ministru jgħid f’liema kunsilli lokali qegħdin dawn il-persuni?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Kunsilli Lokali huma s-segwenti – Birkirkara, Birżebbuġa, Fontana, Kalkara, Pembroke, Rabat, Santa Luċija, Żabbar u Żejtun.
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi - Direct orders ta' inqas minn €5,000
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Awwissu 2025?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations
Eżamijiet tas-sewqan - Proċess ta’ appell mir-riżultat
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx proċess ta’ appell mir-riżultat tal-eżami tas-sewqan ta’ kull kategorija, u kif inhu dan il-proċess f’kull kategorija?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità għat-Trasport f’Malta adottat proċedura ġdida fejn kandidat jista’ jappella r-riżultat tat-test prattiku bil-miktub billi jibgħat email fuq
practicaltestpetition.tm@transport.gov.mt
.
Il-proċess t’appell huwa ugwali għal kull kategorija. L-Awtorità taħtar bord intern, magħmul minn uffiċjali tekniċi, li jkollu l-kariga li jirrevedi l-appell tal-kandidat. Kandidat jirċievi risposta fi żmien għoxrin (20) jum minn meta jsir l-appell.
Direttiva tal-Unjoni Ewropea 2014/45 - Roadworthiness tests
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Direttiva tal-Unjoni Ewropea 2014/45 li tittratta roadworthiness tests ġietx tradotta fil-liġijiet tagħna fl-intier tagħha, inkluż fejn jidħlu testijiet perjodiċi ta’ muturi akbar minn 125cc kif kien tħabbar minn Transport Malta fl-2020? Jekk iva, jista’ jgħid meta u b’liema avviż legali, abbozz ta’ liġi jew liġi sussidjarja daħlu dawn ir-regolamenti fil-liġijiet tagħna?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk waqt eżami tal-liċenzja tas-sewqan, id-driving instructor hux permess li jkun preżenti fil-karozza mal-eżaminatur u l-istudent? Jista’ jgħid ukoll jekk il-preżenza tiegħu jew le hijiex għażla tal-istudenti jew hijiex fid-diskrezzjoni tal-eżaminatur?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant illi waqt l-eżami tas-sewqan, l-istudent jista’ jagħżel li jkun akkumpanjat minn terza persuna, hekk kif stabbilit fil-Liġi Sussidjarja 65.18 – Klawsola 25.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati li jagħmlu xogħol ta’ spezzjonijiet fil-Vehicle Inspection Unit ta’ Transport Malta? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom għandhom liċenzja ta’ VRT testers?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Vehicle Inspection Unit, li tifforma parti mis-sezzjoni tal-Infurzar, tikkonsisti minn 10 uffiċjali tal-infurzar.
Fir-rigward taċ-ċertifikat ta’ VRT tester, jiġi kjarifikat li l-ebda uffiċjal li jingħaqad mas-sezzjoni tal-infurzar mhu mitlub ikollu dan iċ-ċertifikat sabiex ikun eliġibbli għal dan ix-xogħol. L-uffiċjali jiġu mħarrġa apposta għat-tip ta’ xogħol li jkunu assenjati għalih.
Għawdex - Azzjonijiet ta’ infurzar ta’ Transport Malta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’riżultati kien hemm mill-azzjoni ta’ infurzar ta’ Transport Malta f’Għawdex li saret f’Lulju 2025? Jista’ jgħid kemm-il vettura ġiet konfiskata u kemm persuni nstabu li qegħdin f’Malta b’mod illegali?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-azzjoni ta’ infurzar li saret f’Għawdex f’Lulju 2025, ġiet ikkonfiskata vettura waħda. L-informazzjoni dwar kemm instabu persuni li qegħdin f’Malta b’mod illegali għandha tintalab lill-Ministru kkonċernat.
Ħal Qormi - Zuntier tal-Knisja Kolleġġjata ta’ San Ġorġ — Xogħol ta’ restawr
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol ta’ restawr taz-zuntier tal-Knisja Kolleġġjata ta’ San Ġorġ, f’Ħal Qormi?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi m’għandu ebda talba biex isir xogħol ta’ restawr fuq iz-zuntier tal-Knisja Kolleġġjata ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi.
Is-Siġġiewi - Zuntier tal-Knisja Parrokkjali — Xogħol ta’ riġenerazzjoni u restawr
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol ta’ riġenerazzjoni u restawr taz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali tas-Siġġiewi?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-parti l-kbira taz-zuntier li tiġi quddiem il-Knisja kif ukoll iz-zuntier kollu li jmiss ma’ Triq San Nikola ser ikunu lesti sa Diċembru 2025. Ix-xogħol fuq il-parti li tmiss ma’ Triq il-Parroċċa ser ikompli wara li l-vetturi tas-servizz pubbliku jibdew jgħaddu minn rotta alternattiva flok minn din it-triq biex tiġi evitata ħsara liz-zuntier il-ġdid.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22537, jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret s’issa fir-rigward tal-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) 2024/1309?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara l-analizi ta’ dan ir-regolament ġew identifikati numru ta’ emendi leġislattivi. Id-Direttiva 2014/61/UE dwar miżuri biex titnaqqas l-ispiża tal-installazzjoni ta' netwerks ta' komunikazzjoni b'veloċità għolja, li dan ir-regolament qed jemenda, hija implimentata permess tal-Att nru XVIIII tal-2016 li primarjament emenda l-Att dwar l-Utilitajiet u s-Servizzi (Regolamentazzjoni ta' Ċerti Xogħlijiet) (KAP 81) u leġiżlazzjoni rilevanti oħra.
Ġew abbozzati emendi leġislattivi biex jemendaw dan li ġej:-
· Att dwar Ir-Regolament ta’ Ċerti Xogħlijiet f’Utilitajiet u Servizzi Kap.81
· Regolament Ġenerali dwar in-Networks u s-Servizzi ta’ Komunikazzjonijiet Elettroniċi (Ġenerali) (L.S. 399.48)
· Att għat-Twaqqif ta’ Awtorita ta’ Malta dwar il-Kommunikazzjoni (Kap.418)
· Att dwar il-Ġustizzja Amministrattiva (Kap. 490)
· Att dwar l-Awtorita tal-Bini u l-Kostruzzjoni (Kap. 623)
· Regolament dwar aċċess għal Servizzi ta’Komunikazzjonijiet Elettroniċi fl-Infrastruttura Fiżika tal-Bini (L.S. 623.05).
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29712, jista’ l-Ministru jagħti l-isem tad-ditti tal-avukati li qegħdin fuq bażi ta’ retainer mal-entitajiet imsemmija fl-istess tweġiba? Jista’ wkoll jelenka l-IM u l-MATS b’mod preċiż għal liema entitajiet pubbliċi qed jirreferi?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-ditti msemmija huma:
· Infrastructure Malta - Camilleri Preziosi u Dalli Advocates
· Malta Air Traffic Services - Sciberras & Associates.
Peress li bosta residenti Qriema qed jilmentaw dwar l-istat ħażin ta’ partijiet minn Triq il-Vitorja, f’Ħal Qormi, jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jibda x-xogħol f’din it-triq?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja b’taħditiet mal-Kunsilli Lokali sabiex ix-xogħol tat-toroq jiġi allokat skont l-esiġenzi u l-prijoritajiet tal-lokalita’ rispettiva tagħhom.
Peress li bosta residenti Qriema qed jilmentaw dwar l-istat ħażin ta’ partijiet minn Triq il-Ħammieri, f’Ħal Qormi, jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jibda x-xogħol f’din it-triq?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja b’taħditiet mal-Kunsilli Lokali sabiex ix-xogħol tat-toroq jiġi allokat skont l-esiġenzi u l-prijoritajiet tal-lokalita’ rispettiva tagħhom.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jitlestew ix-xogħlijiet fit-triq minn Ta’ Mrejnu għall-Imġarr?
Response (BONETT, CHRIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindika l-isem tat-triq li qed jirreferi għaliha. Ninfurmah li x-xogħlijiet li għaddejja bihom bħalissa Infrastructure Malta ġewwa l-Imġarr huma fi Triq San Pietru.
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru fi Triq il-Karmnu, il-Fgura? Jista’ jgħid ukoll kemm ser jiswew u meta huma mistennija li jkunu lesti dawn ix-xogħlijiet?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi x-xogħlijiet inkludew estensjoni żgħira ta’ sistema eżistenti tal-ilma tax-xita, sostituzzjoni ta’ partijiet mill-pajp tad-drenaġġ, rikostruzzjoni tal-pajp tal-ilma li jintroduċi sistema doppja ġdida, tħaffir ta’ trinek u tqegħid ta’ kejbils tal-Enemalta, rikostruzzjoni ta’ bankini u bini ta’ toroq. Ix-xogħlijiet huma mistennija li jitlestew sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.