Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni li jagħmlu użu mis-servizz tat-trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif qed issir il-verifika ta' kemm passiġġieri jużaw it-trasport pubbliku? Jista' jgħid kif qed jitħallas l-operatur tat-trasport pubbliku min-naħa tal-Gvern?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li perjodikament l-operatur tat-Trasport Pubbliku joħroġ invoice lil Transport Malta bl-ammont ta’ vjaġġi li jkunu saru minn passiġġieri u vjaġġi li jikkwalifikaw mit-trasport pubbliku b’xejn. Flimkien ma dawn l-invoies l-operatur jibgħat ukoll rendikont ta’ kull vjaġġ li jikkwalifika għal vjaġġar b’xejn. Il-prinċipju huwa li dak li kien jiġi mħallas mill-passiġġier qabel ma daħlet din il-mi¿ura, illum qiegħed jitħallas mill-Gvern direttament lill-Operatur tat-trasport pubbliku. Ir-refużjoni issir skont it-tip ta’ card personalizzata li għandu il- passiġġier. Il-verifika ssir minn awditur indipendenti imqabbad min Transport Malta.

Marsaxlokk – statwa tal-Qalb ta’ Ġesu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li statwa ddedikata lill-Qalb ta’ Ġesu li kienet tinsab fil-moll ta’ Marsaxlokk fuq in-naħa tat-triq int u sejjer lejn Birżebbuġa, ġiet imkissra u mormija waqt li kien qiegħed isir ix-xogħol u jekk le, jista’ jassigura li titqiegħed lura f’postha?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istatwa li qed jirreferi għaliha fil-Mistoqsija Parlamentari numru 7419 mhux talli ma ġietx mormija, iżda nqalgħet sabiex ma jiġrilhiex ħsara waqt li kienu għaddejjin ix-xogħlijiet, u wara li ġiet irrestawrata, reġgħet tqiegħdet f’postha fis-17 ta’ Marzu.

Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – laqgħat fl-UE

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-laqgħat li attendejt u mistenni nattendi għalihom huma “TTE Informal Council of Ministers – Stockholm" fi Frar u “TTE Council of Ministers – Luxembourg" f'Ġunju li ġej.

Imġarr – Triq Sir Harry Luke — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6771, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża u li issa ġiet riferuta lilu, u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5905, jista' l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol fi Triq Sir Harry Luke, fl-Imġarr, u x'timeframes hemm?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol fit-triq imsemmieha huwa propost li jibda fil-ġimgħat li ġejjin. Dewmien fuq dan il-progett gie ikkawzat peress li kellhom isiru arranġamenti sabiex jinteħħew pajpijiet tal-asbestos mill-entita’ rispettiva.

Remunerazzjoni ta’ Eks Membri Parlamentari

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kull kuntratt ta' konsulenza, servizz jew xort’oħra ta' remunerazzjoni li ngħataw mill-Ministeru jew minn xi entità li taqa' taħtu, lill-Eks Membri Parlamentari li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament bejn l-2018 u llum? Jista' f'kull każ jgħid b'liema proċedura ngħata l-kuntratt jew servizz, x'kienet ir-remunerazzjoni u x'kienu l-benefiċċji u perkaċċi marbuta miegħu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lil-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — rapporti lill-pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f'dawn l-aħħar għaxar snin kemm-il rapport kriminali sar mill-Permanent Secretary mal-Pulizija fir-rigward tal-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom fil-Ministeru? Jista' jgħid ukoll dwar xiex sar ir-rapport u x'kien l-eżitu ta’ kull rapport rispettiv?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7263 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Żebbuġ, Għawdex– bajja ta’ Marsalforn — applikazzjoni PA/02106/21

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'sar s’issa, x'qiegħed isir bħalissa u x'hemm maħsub li jsir dwar l-applikazzjoni PA/02106/21 ERA Reference: EA/00004/21; Project Title: Coastal defence system at Marsalforn Bay consisting of the reconstruction of Santa Marija breakwater, construction of a rubble mound berm on the Menqa site, two rubble mound groins at the valley outfall and replenishment of the beach; Location: Site at, Il-Bajja Ta' Marsalforn, Marsalforn, Żebbuġ (Gozo)?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari 7366 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Mosta – Xogħlijiet ta’ toroq

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5810, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid liema huma t-toroq fil-Mosta li għandhom jiġu rranġati, jew għandu jsir xi xogħol fuqhom, tul l-2023?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja b’taħdidiet mal-Kunsilli Lokali kollha biex isir pjan ta’ xogħol infrastrutturali f’toroq residenzjali li se jkunu qed isiru f’kull lokalità, fosthom fil-Mosta, matul is-snin li ġejjin. Dawn id-diskussjonijiet għadhom għaddejjin.

Bord għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim għal Networks dwar l-Utilitajiet — membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx maħtura l-membri tal-Bord għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim għal Networks dwar l-Utilitajiet stabbilit skont l-Att dwar ir-Regolament ta’ Ċerti Xogħlijiet f’Utilitajiet u Servizzi, Kap. 81? Jekk inħatru l-membri jista’ jgħid min huma, meta ġew maħtura u għal kemm żmien hi l-ħatra ta’ kull wieħed minnhom?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — email b’mistoqsijiet mingħand online news portals jew media houses

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7124, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-emails bil-mistoqsijiet mingħand online news portals jew media houses ta’ aħbarijiet lokali jew internazzjonali li ma ġewx imwieġba bil-miktub, speċifikament lil dik il-media house jew l-online news portal, mill-Ministeru tiegħu u l-entitajieti/awtoritajiet li jaqgħu taħtu matul is-snin 2020, 2021, 2022 u Jannar u Frar 2023?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 7124.

Ħ’Attard – Central Link – tkomplija ta’ xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5806, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid meta se jitkompla x-xogħol mill-pont ta' Ħ'Attard u r-roundabout, li kien parti mix-xogħol li sar fuq is-Central Link?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jkun jista' jkompli hekk kif entitajiet oħra jlestu x-xogħol fi Triq il-Pitkali. Sabiex isir ix-xogħol meħtieġ, il-pont jeħtieġ li jingħalaq għat-traffiku għal numru ta’ ġimgħat u għaldaqstant ir-rotot alternattivi, fosthom Triq il-Pitkali, iridu jkunu lesti mix-xogħol li jkun għaddej fihom u jkunu miftuħa b’wiċċ ta’ asfalt adegwat biex ikunu jistgħu jintużaw.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5153 u jgħid kemm għandu konsulenti fil-Ministeru tiegħu, f’liema entitajiet li jaqgħu taħtu, kemm dawn jitħallsu u x’inhuma l-kwalifiki tagħhom?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Servizzi professjonali lill-Awtorità tat-Trasport

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-individwi u/jew ditti li jipprovdu servizzi professjonali lill-Awtorità tat-Trasport u/jew lill-Ministru? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dawn id-dokumenti: 1. termini ta’ riferiment għal reviżjoni ta’ servizzi reżi; 2. ftehim/jew kuntratti; 3. invoices u riċevuti in konnessjoni tas-servizzi reżi?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex ikun aktar speċifiku fit-talba tiegħu.

Santa Luċija – bus shelters

Question

Jista’ l-Ministru jara li jkun hemm bus stop shelters f’diversi toroq f’Santa Luċija, Malta, billi diversi persuni jridu jistennew il-karozza tal-linja sajf u xitwa mingħajr ilqugħ?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7199 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Sewqan taħt l-effett tal-kannabis

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6589, jista’ l-Ministru jgħid kif uffiċjali ta’ Transport Malta se jkunu qed jaraw li ma jkunx hemm sewqan ta’ vetturi minn persuni taħt l-effett tal-kannabis fid-dawl li skont l-istess tweġiba, din ser tibqa’ illegali meta wieħed ikun qiegħed isuq?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kap. 65, l-Ordinanza Dwar it-Traffiku, diġà tipprovdi għal tali istanzi elenkati mill-Onor. Interpellant. Il-Gvern għandu l-intenzjoni li jkompli jsaħħaħ il-providimenti legali elenkati fil-Kapitlu tal-Liġijiet ta' Malta ċitat.

E-scooters — regolarizzazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6584, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-“istudju dettaljat” imsemmi minnu fl-istess tweġiba?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għad-dokument maħruġ minn Transport Malta għall-konsultazzjoni pubblika f'Settembru tal-2019, liema dokument jelenka ħafna mill-informazzjoni misjuba wara l-istudju msemmi. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument maħruġ mill-Awtorità tat-Trasport.

Rabat – żona tad-Dwejra – tiswija tat-triq

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsiru l-arranġamenti meħtieġa biex tissewwa parti minn trejqa fiż-żona tad-Dwejra, limiti tar-Rabat Malta (id-dettalji tal-post eżatt fejn hemm il-ħsara qegħdin jingħataw separatament), fejn waqgħet parti mit-triq u l-ħajt,u hemm ukoll qsim fit-tarmak?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja b’taħdidiet mal-Kunsilli Lokali kollha biex isir pjan ta’ xogħol infrastrutturali fit-toroq li se jkunu qed isiru f’kull lokalità, fosthom fir-Rabat, matul is-snin li ġejjin. Dawn id-diskussjonijiet għadhom għaddejjin.

Rabat — Triq it-Tiġrija - ħsarat

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6485, jista' l-Ministru jgħid meta rċieva rapporti għaliex il-ħsarat fi Triq it-Tiġrija, Rabat Malta, saru ħafna qabel il-maltemp li għamel reċentement?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kienx hemm rapporti fuq dan is-suġġett li waslu għand Infrastructure Malta. Dawn il-ħsarat ġew innottati u bdew jiġu investigati wara spezzjonijiet li Infrastructure Malta tagħmel fuq xogħol li tkun wettqet reċentement. L-ewwel indikazzjonijiet juru li dawn il-ħsarat huma kkważati minn nixxija ta’ ilma naturali li hemm fil-viċin.

Cottonera – upkeep tal-bankini madwar il-marina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu responsabbli mill-upkeep tal-bankini madwar il-marina tal-Cottonera, għaliex hemm żoni li qed ikunu ta’ periklu u inkonvenjent għal ħafna persuni li jżuru dawn in-naħat?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba li hemm aktar minn Marina waħda fil-Kottonera, nitolbu biex jindika għal liema żona qed jirreferi.