Legislature:
Category:
Reset
Active:

Transport Malta – Medical Team

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 8915, jista’ l-Ministru jivverifika ma’ korrispondenza li l-istess Transport Malta tibgħat lil min ikun qed japplika għal-liċenzja tas-sewqan u jkun ġa notifikat b’dak li hu meqjus bħala Medical Team? Jista’ jivverifika jekk applikant li jkollu bżonn notifikazzjoni mill-Medical Team ma jkunx mitlub iħallas spiża aktar milli jkun mitlub applikant li ma jkunx referut għall-Medical Team?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Trasport illi Transport Malta ma titlobx u ma timponi l-ebda ħlas addizzjonali lil kull min jeħtieġ li jintbagħat għand il-Medical Team. Minn naħa tal-Awtorità japplikaw biss l-istess pagamenti li huma relatati u meħtiega mat-tiġdid tal-liċenzja tas-sewqan.

Il-Mosta – Triq Wied is-Sir — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jindika meta se jibda x-xogħol fi Triq Wied is-Sir il-Mosta peress li t-tabella li ilha mwaħħla għal aktar minn sena, tindika li x-xogħol fit-triq se jibda?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġetti u l-ħidmiet tal-aġenzija Infrastructure Malta, bħala parti mill-investiment bla preċedent tal-Gvern sabiex intejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna, qed jiġu ppjanati b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis, bl-inqas diffikultajiet għall-pubbliku. F’Jannar li għadda, din l-aġenzija bdiet tibni mill-ġdid 31 minn fost l-ewwel 120 mill-lista tat-toroq li se tkun qed tibni mill-ġdid din is-sena. Fl-istess waqt, dan ix-xahar tħabbret it-tieni sejħa għall-offerti sabiex aktar tard din is-sena jibda l-bini mill-ġdid ta’ madwar 170 triq oħra. Aktar toroq li se jinbnew mill-ġdid fil-bidu tas-sena d-dieħla jitħabbru fix-xhur li ġejjin. Ix-xogħlijiet fit-triq indikata huma ppjanati li jibdew mill-aktar fis, fiż-żmien li ġej. Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapital — nefqa ta' TV advertising

Question

Jista' l-Ministru jelenka kemm intnefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa' taħtu fuq TV advertising fis-sena 2018?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-entitatjiet dettalji mitluba qed jiġu annessi hawn taħt; Dipartiment / Entità / Aġenzija: Jista' l-Ministru jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa' taħtu fuq TV advertising fis-sena 2018? Minn Jannar sa Diċembru 2018 - EUR Infrastructure Malta 10561.00 Transport Malta 42374.60 Planning Authority 18054.00 Lands Authority 6500.00 Land Registry NIL BICC 4430.00 BRO NIL Property Malta NIL Joint Office NIL MTIP - Finance NIL 22/02/2019

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali — pożizzjonijiet tal-management – pakkett finanzjarju

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-pakkett finanzjarju, inkluż benefiċċji, marbut ma’ kull pożizzjoni tal-management fl-awtoritajiet u entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu? L-informazzjoni għandha tkopri l-pożizzjonijiet eżekuttivi u dawk mhux eżekuttivi sal-livell ekwivalenti ma’ Assistent Direttur fis-servizz pubbliku.

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Transport Malta – rikorsi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta ġietx notifikata b’xi rikors magħmul a tenur tal-artikolu 7(2) tal-Att dwar ir-Regolament ta’ Ċerti Xogħlijiet f’Utilitajiet u Servizzi, Kap. 81 tul is-snin 2017 u 2018? Jekk iva kemm kien in-numru?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali — nisa f'pożizzjoni ta' teħid ta' deċiżjojnijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 8892, jista' l-Ministru: a. jgħid kemm kien hemm nisa f'pożizzjoni ta' teħid ta' deċiżjoni (skala 1 sa skala 5) f'dawn is-snin: 2009, 2010, 2012 u 2013 fid-dekasteru tiegħu; u b. jgħid jekk il-Ministeru tiegħu għandux targets għall-Horizon 2020 u jekk iva, x'inhuma dawn it-targets u humiex se jintlaħqu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġett Kapitali — Grievances Boards

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8318 u jgħid, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, liema kienu l- Grievances Boards li twaqqfu fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u Proġetti Kapitali u fi ħdan l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid min kienu l-membri ta' kull wieħed mill-imsemmija bordijiet u x'remunerazzjoni rċevew l-imsemmija membri? Jista' jgħid kemm tressqu każijiet quddiem kull bord u x'kienet id-deċiżjoni li ngħatat dwar kull każ li kellu quddiemu l-istess bord u dan mingħajr ma jindika l-isem u d-dettalji tal-persuni involuti? Jista' jgħid x'kien l-ammont li tħallas bħala kumpens dwar kull każ li tressaq quddiem l-imsemmija bordijiet?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Iż-Żejtun – Triq il-President Anton Buttigieg – irranġar ta’ triq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se tiġi rranġata Triq il-President Anton Buttigieg fiż-Żejtun? Hemm il-ħsieb li ssir private road man-naħa tad-djar residenzjali minħabba l-periklu kontinwu li toffri din it-triq għar-residenti?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ministeru għat-Trasport, Infrastrutturs u Proġetti Kapitali – kuntratt ta’ individwu

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 7981, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe kuntratt iffirmat bejn il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu u l-individwu li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li d-dokument mitlub qed jitpoġġa’ fuq il-mejda tal-kamra.

Għawdex — bus shelters

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru bus shelters ġodda u fejn ġewwa Għawdex sena b'sena minn Marzu 2013 sal-lum u kemm hemm ippjanati li jsiru bus shelters u fejn ġewwa Għawdex fl-2019?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorita’ tal-Trasport, li minn Marzu 2013 sal-lum ma twaħħlux bus shelters ġodda ġewwa Għawdex. Hekk kif kien ġie aċċennat fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari bin-numru 24652 tal-leġiżlatura preċedenti, Transport Malta kienet qed tiltaqa’ ma’ diffikultajiet mal-kuntrattur eżistenti sabiex jiġu nstallati bus shelters ġodda. Kien għalhekk li l-istess Awtoritá kienet ħarġet ‘talba għall-proposti’ mill-ġdid għall-aħħar tal-2016 sabiex ikunu jistgħu jitwaħħlu bus shelters ġodda. Sfortunatament il-perjodu ta’ l-aġġudikazzjoni ta’ din ir-Request for Proposal (RFP) ġie mtawwal minħabba appell kontra r-rakkomandazzjoni tal-Bord ta’ l-Għażla. Il-proċess ta’ twaħħil ta’ bus shelters ġodda beda għall-aħħar tas-sena li għaddiet fejn twaħħlu numru ta’ bus shelters f’diversi lokalitajiet. Huwa mistenni li dan il-programm ikompli matul din is-sena. Infurmat li fil-preżent Transport Malta qiegħda fil-proċess li tidentifika siti ġodda ġewwa Għawdex fit-toroq arterjali u distributorji fejn jistgħu jitwaħħlu bus shelters ġodda.

Birgu Waterfront – traffic management

Question

Billi l-proġett tal-Waterfront tal-Birgu ilu li sar 17-il sena u billi f’dawn is-snin żdiedu konsiderevolment in-numru ta’ karozzi fit-toroq u żdiedet ukoll l-attività kummerċjali fl-area, jista’ l-Ministru jara li jsir pjan aħjar ta’ traffic management fil-Waterfront tal-Birgu u jekk ikun hemm il-ħtieġa, tinbidel is-sistema tat-traffiku biex ikun hemm ordni kemm għal benefiċċju tar-residenti u wkoll tas-sidien tan-negozji?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Transport Malta ser tkun qed tagħmel assessment tas-sitwazzjoni f’konsultazzjoni mal-kunsill lokali u entitatjiet oħra kkonċernati ħalli tara li s-sitwazzjoni fiż-żona titjieb.

Is-Siġġiewi – Triq Nikol Azzopardi – bini tat-triq

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif fl-istqarrija tiegħu tat-Tnejn 18 ta' Frar ma ssemmiex il-bini mill-ġdid ta' Triq Nikol Azzopardi fis-Siġġiewi, minkejja li fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 8569 kien wieġeb li din hija inkluża fil-lista ta' toroq ġodda għal din is-sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Onorevoli Callus qed iħawwad iż-żewġ listi ta’ toroq li ħabbarna u li diġa bdejna nibnu mill-ġdid uħud minnhom. Naturalment, dawk it-toroq li hemm f’lista, ma jistgħu jissemmew f’lista oħra, sakemm l-Onorevoli Callus mhux qed jitlob li xi triq issir darbtejn. Fit-tweġiba għall-mistoqsija 8569, ikkonfermajt li t-triq indikata hija waħda minn dawk li se jkunu qed isiru din is-sena bħala parti mill-ewwel kuntratt għall-bini mill-ġdid ta’ 120 triq li permezz tiegħu il-Gvern qed jibda l-investiment bla preċedent ta’ €700 miljun għal toroq aħjar f’pajjiżna. Fil-fatt, kont għidt hekk: “It-triq indikata hija fost il-120 li tħabbru pubblikament fix-xhur li għaddew, u li ser jinbnew din is-sena. Aktar toroq li ser jinbnew mill-ġdid din is-sena jitħabbru fiż-żmien li ġej.” Fl-istqarrija ta’ nhar it-Tnejn 18 ta’ Frar, li qed issir referenza għaliha hawnhekk, ma erġajtx irrepetejt il-lista ta’ 120 triq li konna diġà ħabbarna s-sena li għaddiet u li bdejna nibnu mill-ġdid f’Jannar. L-Onor. Callus għandu jinnota li nhar it-Tnejn 18 ta’ Frar jien ħabbart lista ta’ 170 triq oħra li se jinbnew mill-ġdid fix-xhur li ġejjin. Toroq li diġa jinsabu fl-ewwel kuntratt ta’ 120 triq li bdejna nwettqu m’għandhomx ikunu fit-tieni lista ta’ 170 triq li għaliha ħriġna sejħa għall-offerti fit-18 ta’ Frar.

Ta’ Xbiex – Triq Augustus Bartolo u Triq Antonio Nani – bdil fid-direzzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex Triq Augustus Bartolo u Triq Antonio Nani, it-tnejn f'Ta' Xbiex, għadhom ma biddlux id-direzzjoni tat-traffiku għal kif kienu qabel ma beda l-Proġett tal-Kappara, skont kif kien miftiehem mal-Kunsill Lokali Ta' Xbiex u kif ġie mwiegħed lir-residenti tal-istess lokalità?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill Onorevoli interpellant li dawn it-toroq (Ta’ Xbiex – Triq Augustus Bartolo u Triq Antonio Nani) mistennija tinbidlilhom id-direzzjoni tagħhom għal kif kienet qabel ma nbeda l-proġett tal-Kappara, hekk kif kien miftiehem mal-Kunsill Lokali ta’ Ta’ Xbiex. Transport Malta qegħda f’kuntatt mal-Kunsill Lokali ta’ Ta’ Xbiex sabiex dan ix-xogħol isir malajr kemm jista’ jkun.

Ta’ Xbiex – xogħlijiet fuq toroq — konsultazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji qegħdin jintgħażlu t-toroq li qed isir xogħol fuqhom f'Ta' Xbiex, peress li hemm toroq li huma ferm aktar urġenti? Jista' jgħid għalfejn ma saritx konsultazzjoni mal-Kunsill fuq l-għażla tat-toroq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’sodisfazzjon ninnota li l-Oppożizzjoni jidher li qed tirrikonoxxi li l-investiment bla preċedent li dan il-Gvern qed iwettaq sabiex intejbu l-kwalità tat-toroq residenzjali f’pajjiżna m’huwiex ħela ta’ flus iżda investiment meħtieġ “b’urġenza”. Nilqgħu din il-bidla fil-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni dwar din il-ħidma wara li sa ftit tax-xhur ilu l-istess Oppożizzjoni kienet tisħaq li m’għandniex bżonn investiment fit-toroq għaliex m’għandniex ħofor fit-toroq f’pajjiżna. Il-proġetti u l-ħidmiet tal-aġenzija ġdida Infrastructure Malta, bħala parti minn dan l-investiment bla preċedent tal-Gvern sabiex intejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna, qed jiġu ppjanati b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. F’Jannar li għadda, din l-aġenzija bdiet tibni mill-ġdid 31 minn fost l-ewwel 120 mill-lista tat-toroq li ser tkun qed tibni mill-ġdid din is-sena. Fl-istess waqt, dan ix-xahar tħabbret it-tieni sejħa għall-offerti sabiex aktar tard din is-sena jibda l-bini mill-ġdid ta’ madwar 170 triq oħra. Aktar toroq li ser jinbnew mill-ġdid fil-bidu tas-sena d-dieħla jitħabbru fix-xhur li ġejjin. L-investiment tal-Gvern f’dawn it-toroq residenzjali m’huwiex sempliċiment xogħol ta’ manutenzjoni izda l-bini mill-ġdid ta’ kull triq li jinkludi t-tneħħija tal-wiċċ e¿istenti, il-bdil jew it-tisħiħ tal-pedamenti, it-tibdil ta’ servizzi tad-distribuzzjoni taħt l-art u t-titjib jew bini tal-bankini, skont il-ħtieġa. Il-wiċċ ġdid tat-triq b’diversi saffi ta’ asfalt isir wara li jitlestew dawn ix-xogħlijiet estensivi. It-toroq imbagħad jitlestew bis-sistemi ta’ saħħa u sigurtà skont il-ħtieġa, sinjali u marki tat-triq u faċilitajiet oħrajn. Infrastructure Malta qiegħda tikkonsulta u tikkollabora mal-entitajiet rispettivi biex qabel ma jsir il-wiċċ tat-triq jiġu mtejbin jew mibdulin, skont il-bżonn, is-servizzi ta’ distribuzzjoni tal-ilma, tal-elettriku u tat-telekomunikazzjoni li hemm għaddejjin minn taħt l-art f’dawn it-toroq. Fil-fatt, ix-xogħlijiet fil-31 triq li nbdew fil-ġimgħat li għaddew jinkludu t-tqegħid ta’ 32 kilometru ta’ pajpijiet ġodda tal-ilma, cables tal-elettriku u trinek għas-servizzi tal-Internet u t-telekomunikazzjoni. Wara li tikkonsulta lill-kunsilli lokali u entitajiet oħrajn konċernati, wara li tagħmel spezzjonijiet tekniċi u wara li tqis ukoll talbiet għall-għajnuna minn ħafna residenti, Infrastructure Malta qed tiddetermina liema toroq residenjzali għandhom jingħataw prijorità biex jinbnew mill-ġdid billi tikkunsidra l-istat preżenti tagħhom u fatturi oħrajn, bħall-konnessjonijiet ta’ triq ma’ toroq jew inħawi oħrajn fil-lokalità kif ukoll il-frekwenza ta’ kemm jintużaw. Fit-tfassil tal-għażla tat-toroq li jkunu se jsiru f’kull lokalità, l-aġenzija qed tqis ukoll fattur importanti bħalma huma attivitajiet li jistgħu jintlaqtu ħażin bix-xogħlijiet, fosthom toroq li jinsabu f’¿oni turistiċi jew viċin ta’ skejjel. Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

Ta’ Xbiex – Manutenzjoni fuq Toroq

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-lista ta' toroq li hu mistenni li jagħmel, jew jagħmel manutenzjoni fuqhom f'Ta' Xbiex? Jista' jindika l-programm ta' kif qed jagħmel dan ix-xogħol?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proġetti u l-ħidmiet tal-aġenzija ġdida Infrastructure Malta, bħala parti mill-investiment bla preċedent tal-Gvern sabiex intejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna, qed jiġu ppjanati b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. F’Jannar li għadda, din l-aġenzija bdiet tibni mill-ġdid 31 minn fost l-ewwel 120 mill-lista tat-toroq li ser tkun qed tibni mill-ġdid din is-sena. Fl-istess waqt, dan ix-xahar tħabbret it-tieni sejħa għall-offerti sabiex aktar tard din is-sena jibda l-bini mill-ġdid ta’ madwar 170 triq oħra. Dawn iż-żewġ kuntratti ta’ xogħlijiet li qed isiru diġa jew se jibdew fix-xhur li ġejjin, jinkludu l-bini mill-ġdid, jew għall-ewwel darba, ta’ diversi toroq f’kull lokalità f’Malta. Aktar toroq li ser jinbnew mill-ġdid fil-bidu tas-sena d-dieħla jitħabbru fix-xhur li ġejjin. L-investiment tal-Gvern f’dawn it-toroq residenzjali m’huwiex sempliċiment xogħol ta’ manutenzjoni izda l-bini mill-ġdid ta’ kull triq li jinkludi t-tneħħija tal-wiċċ eżistenti, il-bdil jew it-tisħiħ tal-pedamenti, it-tibdil ta’ servizzi tad-distribuzzjoni taħt l-art u t-titjib jew bini tal-bankini, skont il-ħtieġa. Il-wiċċ ġdid tat-triq b’diversi saffi ta’ asfalt isir wara li jitlestew dawn ix-xogħlijiet estensivi. It-toroq imbagħad jitlestew bis-sistemi ta’ saħħa u sigurtà skont il-ħtieġa, sinjali u marki tat-triq u faċilitajiet oħrajn. Infrastructure Malta qiegħda tikkonsulta u tikkollabora mal-entitajiet rispettivi biex qabel ma jsir il-wiċċ tat-triq jiġu mtejbin jew mibdulin, skont il-bżonn, is-servizzi ta’ distribuzzjoni tal-ilma, tal-elettriku u tat-telekomunikazzjoni li hemm għaddejjin minn taħt l-art f’dawn it-toroq. Fil-fatt, ix-xogħlijiet fil-31 triq li nbdew fil-ġimgħat li għaddew jinkludu t-tqegħid ta’ 32 kilometru ta’ pajpijiet ġodda tal-ilma, cables tal-elettriku u trinek għas-servizzi tal-Internet u t-telekomunikazzjoni. Il-bini mill-ġdid tal-120 triq inklużi fl-ewwel sejħa għall-offerti beda fil-ġimgħat li għaddew bl-ewwel 31 triq. Ix-xogħol qed javvanza b’ritmu tajjeb, kif ippjanat, b’uħud mit-toroq diġa bdew jitlestew. Malli jlestu l-ewwel 31 triq, il-kuntratturi li qed jaħdmu fihom jibdew minnufih xogħlijiet f’toroq residenzjali oħrajn mill-lista ta’ 120. Hekk se jibqa’ jsir sakemm jitlestew it-toroq kollha. Malli jlestu triq, il-kuntratturi huma marbutin li jibdew mill-ewwel ix-xogħlijiet fi triq residenzjali oħra skont it-termini tal-kuntratt. Jekk ikun hemm dewmien mhux ġustifikat, il-kuntratturi jeħlu l-penali applikabbli. It-toroq inklużi fl-ewwel żewġ sejħiet għall-offerti ġew ippubblikati meta ħarġu dawn l-istess sejħiet. Infrastructure Malta ser tieħu ħsieb li, wara li jkunu saru l-konsultazzjonijiet meħtieġa, tgħarraf id-dati ta’ meta jkunu ser jibdew xogħlijiet f’toroq speċifiċi lill-pubbliku u lil dawk konċernati, direttament.

Is-Swieqi – xogħlijiet fuq toroq — konsultazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji qegħdin jintgħażlu t-toroq li qed isir xogħol fuqhom fis-Swieqi? Jista' jgħid għalfejn ma saritx konsultazzjoni mal-Kunsill fuq l-għażla tat-toroq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9060 tal-istess Seduta.

Is-Swieqi – manutenzjoni fuq toroq

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-lista ta' toroq li hu mistenni li jagħmel, jew jagħmel manutenzjoni fuqhom fis-Swieqi? Jista' jindika l-programm ta' kif qed jagħmel dan ix-xogħol?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant tirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Numru 9061 tal-istess Seduta.

Mellieħa u San Pawl il-Baħar — Fish Farms

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8866 u jikkonferma jew le jekk fl-ibħra fiż-żoni tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar, il-Gvern hux qed jikkunsidra b’mod favorevoli li jżid aktar fish farms u jekk iva, jista’ jindika preċiżament fejn?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-23 ta’ Jannar, 2019, l-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar irċeviet applikazzjoni fejn qed jiġi propost ‘Aquaculture Zone’ bl-intenzjoni li jiġi ikkonsolidat l-operat ta’ ‘farms’ tat-tonn fit-Tramuntana ta’ Malta, liema proposta qegħda taħseb biex tilqa’ madwar 5,000 tunellata ta’ biomass. L-Applikazzjoni tinsab fl-istadju ta’ ‘vetting’ biex b’hekk tkun tista tgħaddi għall-process ta’ ‘screening’.

Awtorità tal-Iżvilupp – permessi maħruġa għall-bini f’barriera

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi maħruġa mill-Awtorità tal-Iżvilupp għall-kmamar li qed jinbnew f’barrieri, maħsuba li fihom jgħixu ħaddiema barranin?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorita’ tal-Ippjanar, b’referenza għall- mistoqsija parlamentari numru 9115, L-istess Awtorità ma ħarġet l-ebda permess relatat mat-tip ta’ żvillup imsemmi.

Il-Mellieħa – irranġar ta’ għelieqi tal-bdiewa

Question

Jista’ l-Ministru jara li titranġa l-ħsara li saret fl-għelieqi tal-bdiewa li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament meta sar ix-xogħol fi Triq ir-Ramla, fiż-żona tal-Aħrax tal-Mellieħa, limiti tal-Mellieħa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li fl-aħħar ta’ Diċembru 2018, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid Triq ir-Ramla, li twassal għal waħda mill-bajjiet fl-Armier magħrufa bħala r-Ramla tal-Bir, kif ukoll għal lukanda ewlenija fl-istess inħawi. Permezz ta’ dan ix-xogħol, tneħħa djuq li kien qed iwassal għal diffikultajiet ta’ aċċess, speċjalment f’każi ta’ emerġenza, bħal meta jkun hemm xi nirien fl-inħawi jew tkun meħtieġa xi ambulanza max-xatt. Ix-xogħol kien jinkludi titjib u bini mill-ġdid ta’ ħitan tas-sejjieħ u tqegħid ta’ wiċċ b’asfalt ġdid. Dan ix-xogħol ta’ Infrastructure Malta sar wara li entità oħra għamlet trinek fl-istess triq biex tqiegħed cables ġodda tal-elettriku taħt l-art li eventwalment se jieħdu post arbli ta’ wires ta’ vultaġġ għoli li hemm fix-xagħri fl-istess inħawi tal-Aħrax tal-Mellieħa. Infrastructure Malta tkellmet mal-kuntratturi li għamlu dawn ix-xogħlijiet, u mal-bdiewa msemmija, u qed tieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex jissolvew id-diffikultajiet pendenti mill-aktar fis.