Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11970 u jgħid kemm kien il-grant li rċieva l-Gvern biex permezz tiegħu xtara ħafna mill-apparat ta' dan il-laboratorju nazzjonali? Jikkonferma li ħafna minnu mhuwiex jintuża bħalissa? X'inhi r-raġuni għal dan, jekk dan jirriżulta li huwa minnu?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Nefqa tal-Gvern fuq pensjonijiet, servizzi soċjali u sptarijiet
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11025 u jgħid kemm huwa l-ammont totali f'sena li l-Gvern jonfoq biex jamministra:
a) il-pensjonijiet?
b) is-servizzi soċjali?
ċ) l-Isptar Mater Dei?
d)l-Isptar Boffa?
Kemm hemm nies impjegati f'kull settur imsemmi hawn fuq biex jamministraw dawn is-servizzi?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont l-estimi finanzjarji għal din is-sena in-nefqa tal-Gvern sabiex jamministra is-Sigurtà Soċjali (inkluż il-pensjonijiet) hija ta’ € 5,935,000. Din l-ispiża tinkludi l-ispejjeż amministrattivi inkluż il-pagi kif ukoll in-nefqa kapitali. L-ammont ta’ impjegati fid-Diviżjoni tas-Sigurtà Soċjali hu ta’ 312 u minn dawn madwar 32 jaħdmu fis-sezzjonijiet tal-pensjonijiet.
Iktar informazzjoni għada qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11029 u jgħid kemm hemm nurses jaħdmu fl-Isptar Mater Dei, fl-Isptar Boffa, fir-Residenza San Vincenz De Paule u fil-polyclinics tal-Gvern? Kemm huwa l-ammont totali li l-Gvern ħallas bħala pagi lin-nurses fix-xhur minn Jannar 2008 sa Awwissu 2009 f'kull sptar u polyclinic? Kemm minn dan l-ammont kien overtime? Kemm minn dan l-ammont kien f'allowances?
Response (DALLI, JOHN)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11035 u jgħid l-audits ta' kemm jiswew is-servizzi li jagħti d-Dipartiment tas-Saħħa, humiex lesti? Il-Gvern se jippubblika r-riżultati tal-eżerċizzju li sar?
Jista' l-Ministru jgħid x'ħidma wettqet il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Familja minn meta reġgħet twaqqfet sal-lum?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li matul il-perjodu ta’ ħatra 2008-09 il-Kummissjoni Nazzjonali Familja wettqet din il-ħidma:
- tnedija uffiċjali tal-ewwel Monografu ta’ riċerka tal-Kummissjoni, dwar l-effett tal-faqar fuq il-Familja b’mod speċjali t-tfal. Din it-tnedija kienet marbuta ma’ seminar pubbliku li ddiskuta din it-tema;
- tnedija uffiċjali tat-tieni Monografu ta’ riċerka tal-Kummissjoni, dwar l-effett tal-leġislazzjoni ewropeja fuq il-politika Maltija dwar il-familja. Din it-tnedija kienet marbuta ma’ seminar pubbliku li ddiskuta din it-tema;
- evalwazzjoni tal-proġett bi sħubija mal-Fondazzjoni Santa Jean Antide b’risk żoni vulnerabbli partikolari, u tkomplija tiegħu;
- parteċipazzjoni f’Seminar organizzat mill-UE dwar il-politiki tal-familja madwar l-Ewropa, bħala parti mill-proċess ta’ ħidma fuq il-Politika Nazzjonali tal-Familja;
- ħidma sfiqa fuq, u tkomplija ta’, it-tielet abbozz tal-Politika Nazzjonali tal-Familja, li sal-aħħar tal-mandat tal-Kummissjoni tressaq għall-konsiderazzjoni tal-Kabinett. Wara r-reazzjoni tal-Kabinett il-mandat ta’ din il-Kummissjoni ttawwall sa Diċembru tal-2009 biex jilħaq jitlesta r-raba’ u l-aħħar abbozz tal-Politika.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna, li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tgħix f'post sub-standard lanqas qatt ma ġiet provduta post alternattiv?
Jista' l-Ministru jgħid għaliex fir-rigward tal-fond tal-Gvern, li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament u li qiegħed fi stat ta' periklu, l-awtoritajiet tad-djar ma ħadux il-passi neċessarji biex tissolva din il-problema?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar ħadet il-passi meħtieġa u x-xogħlijiet neċessarji ser isiru permezz ta’ kuntratt li ngħata riċentement. F’qasir żmien għandha ssir spezzjoni mill-Perit u l-kuntrattur fejn isiru l-arranġamenti neċessarji biex jinbeda x-xogħol.
Isla — Triq San Pietru u San Pawl - Ħmieġ u ġrieden
Question
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji fir-rigward tal-ħmieg u ġrieden li hemm fi Triq San Pietru u San Pawl, l-Isla, bejn Triq il-Vitorja u Triq Crucifix?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li l-ħaddiema tal-Pest Control Unit fi ħdan id-Dipartiment għal Saħħa Ambjentali għamlu trattament għal kontra l-ġrieden fl-inħawi indikati bejn it-12 u 16 t’Ottubru 2009. Sar trattament ieħor fl-20 t’Ottubru 2009.
Tali triq ser tiġi sorveljata minn din it-taqsima biex tiġi ttrattata kif ikun meħtieġ.
Infurmat ukoll li uffiċjal tad-Dipartiment għal Saħħa Ambjentali mir-Reġjun ta’ Nofsinhar għamel spezzjoni fit-triq indikata fis-26 ta’ Ottubru, 2009 u ma nstab l-ebda akkumulu jew ħmieġ.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna, li dettalji tagħha qed jinbagħtu separatament, li hija ġenitur wieħed b'żewġt itfal u tgħix il-Marsa, l-Awtorità tad-Djar lanqas qatt ma pprovditilha post alternattiv ? Jista' jara li jittieħdu l-passi neċessarji?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikanta m’għandiex applikazzjoni pendenti ma’ l-Awtorità tad-Djar.
Persuna b'diżabilità — fond tal-gvern mill-Awtorità tad-Djar
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna, li dettalji tagħha qed jinbagħtu separatament, li huwa persuna b'diżabilità ġie mogħti post tal-gvern mill-Awtorità tad-Djar b'aktar minn tmintax-il tarġa li b'konsewgenza ta' dan ma jistax jidħol f'dan il-fond f'Pembroke?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuni msemmija applikaw sabiex jixtru post m’għand l-Awtorità tad-Djar bi prezz issussidjat taħt Avviż Legali 74. Fl-applikazzjoni l-applikanti jingħataw l-opportunità li jniżżlu skond il-preferenza tagħhom liema huma dawk il-postijiet li huma nteressati li jiġu kkunsidrati għalihom. Kienu l-applikanti nfushom illi niżżlu dan il-post bħala l-ewwel preferenza tagħhom. Huwa fid-dmir tal-applikanti li jagħżlu biex jiġu kkunsidrati għall-postijiet li huma adekwati għall-bżonnijiet tagħhom.
Informat ukoll li mal-applikazzjoni, l-applikanti jingħataw kopja tal-Gazzetta tal-Gvern li jkun fiha l-kondizzjonijiet tal-ħarga kif ukoll ktieb bil-pjanti kollha ta’ kull appartament/
maisonette
li jkun għall-bejgħ. Dan iffisser li din il-familja kellhom l-informazzjoni/pjanti kollha u setgħu jagħżlu dak il-fond li kien adekwat għall-bżonnijiet tagħhom.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 11500, 9657, 9483 u 8993 u jara li ssir xi ħaġa biex fl-Isptar Mater Dei ma jibqax ikun hemm kjuwijiet biex jinġabru l-mediċini waqt il-ħin stipulat kif ukoll biex jinġabru wara l-ħin? Jaf li jkun hemm anzjani li jkollhom joqogħdu bil-wieqfa għal żmien twil minħabba f’hekk?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 11388 u 11118 u jgħid x'inhi l-analiżi li għamel il-Ministru dwar is-suċċess o meno tal-iskema ta' l-Ispiżerija ta' l-Għażla Tiegħek? X'għandu jkun il-ġejjieni ta' din l-iskema?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li mill-analiżi li ċertu oqsma, bħal ma huma s-sistema ta' distribuzzjoni, tal-informatika u l-operat kienu jinħtieġu riforma u titjib.
Matul l-aħħar sena sar eżerċizzji ta' konsolidazzjoni li kien jinkludi tibdil fil-management u ġew ingaġġati iżjed riżorsi umani, fosthom dawk tekniċi. Saret bidla fis-sistema ta' distribuzzjoni tal-mediċini u ġie mniedi Client Satisfaction Survey mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika sabiex jiġbor informazzjoni mingħand pazjenti u spiżeriji li qegħdin jibbenefikaw mill-Iskema. Sar titjib fis-sistema tal-Informatika, liema proċess għadu għaddej. Ġie mniedi eżerċizzji biex tiġi vverifikata kull talba li ssir mill-pazjenti għall-mediċini b'xejn taħt l-Iskema.
Informat ukoll li huwa fil-pjan tal-Gvern li jkompli jestendi l-Iskema tal-Ispiżeriji tal-Għażla Tiegħek fil-futur qarib.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 11092 u ċioe: B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6920, jista' jgħid f'liema setturi jaħdmu t-895 immigrant li jħallsu l-bolla u t-taxxa u jaħdmu bi qligħ? F'liema settur jaħdmu ż-żewġ employers li kienu immigranti?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob l-Onor. Interpellant biex jagħti xi identifikazzjoni ta' dawn it-895 immigrant biex tkun tista' tingħata l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11093 u jgħid kemm-il sessjoni ta' acupuncture issir kuljum? Kemm hu n-numru ta' pazjenti li qed jistennew l-ewwel appuntament għal dan is-servizz? Kemm hu numru ta' pazjenti li qegħdin jiġu followed up? Dawn tal-aħħar, kemm ilhom jingħataw dan is-servizz bħala medja?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 11491, 10402, 9473, 9258, 8653, 8378, 8136 u 7886 u ċioe: Peress li Salmetenol inhaler huwa out of stock, jista' l-Ministru jara li din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata mill-aktar fis possibbli?
Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' kemm ingħataw sensji/tkeċċija minn fuq il-post tax-xogħol matul ix-xahar ta' Ottubru 2009 separatament f'Malta u Għawdex rispettivament? Jista' jipprovdi wkoll informazzjoni dwar minn liema industrija u natura ta' xogħol eċċ. ingħataw dawn is-sensji?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11921 u ċioe: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 8238, jista' l-Ministru issa jgħid kemm ġew irreġistrati mwiet kawża ta' cancer (malignant conditions) jew li fihom din il-kundizzjoni kkontribwiet għall-kawża tal-mewt, f'dawn il-lokalitajiet f'dawn l-aħħar 20 sena: Marsaxlokk, Birżebbuġa, Żejtun, Għaxaq, Fgura, Żabbar u Wied il-Għajn? Jista' jagħti l-figuri miġbura sena b'sena, skond is-sess u l-età?
Response (DALLI, JOHN)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11027 u jgħid kemm huwa l-ammont totali ta' flus li l-Gvern nefaq fis-sena 2008 f'għotja ta' mediċina b'xejn bħala outpatients? X'inhu l-ammont totali li l-Gvern nefaq fl-istess sena biex jagħti dan is-servizz?