Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsilli lokali — Spejjeż addizzjonali għat-tindif mis-siti ta’ ġbir ta’ skart

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27012 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika u jgħid jekk il-kunsilli lokali humiex mistennija jġorru (kif qed jagħmlu), spejjeż addizzjonali minn fondi pubbliċi biex inaddfu wara l-Iskemi ta’ Responsabbiltà tal-Produttur (PROs) li mis-siti ta’ ġbir ta’ skart għandhom benefiċċji pekunjarji?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li dan jiddependi minn ftehimiet li jista’ jkun hemm bejn il-kunsilli rispettivi u l-Iskemi ta’ Responsabbilta tal-Produttur.

Ħal Kirkop — Bus shelters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm għall-installazzjoni ta’ bus shelters f’Ħal Kirkop? Jista’ jgħid ukoll fejn u meta hu mistenni li jiġu installati iktar bus shelters f’Ħal Kirkop?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop li bħalissa m’hemmx ħsieb għall-installazzjoni ta’ Bus Shelters ġodda. Madankollu, żewġ Bus Shelters eżistenti fi Triq l-Industrija (quddiem l-ST) se jiġu rilokati, peress li m’għadhomx jintużaw. Il-post il-ġdid fejn dawn se jiġu mċaqalqa għad irid jiġi identifikat.

Ħaż-Żebbuġ — Bus shelters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm għall-installazzjoni ta’ bus shelters f’Ħaż-Żebbuġ? Jista’ jgħid ukoll fejn u meta hu mistenni li jiġu installati iktar bus shelters f’Ħaż-Żebbuġ?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-Kunsilli Lokali għandu ħsieb li jinstalla Bus Shelter fi Triq Sciortino u bħalissa għaddej proċess biex ikunu identifikati waqfiet oħrajn fejn ukoll se jiġu installati Bus Shelters.

Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali – Safar fuq xogħol uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba siefer barra mill-pajjiż fuq xogħol uffiċjali kull membru fil-Ministeru tiegħu (inkluż hu bħala Ministru), xahar b’xahar, minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm intefqu flus bħala ‘hospitality’ mill-Ministeru tiegħu f’kull mawra barra mill-pajjiż, fiex kienet tikkonsisti din l-ispiża f’hospitality, id-data ta’ meta ntefqu dawn il-flus u minn liema membru tal-Ministeru ntefqu dawn il-flus f’hospitality?

Response (BONNICI, OWEN)

Nistieden lill-Onor. Interpellant jagħti ħarsa lejn il-“Manual on Transport and Travel Policies” li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra li jirregola l-arranġamenti ta’ vjaġġar, akkomodazzjoni barra l-pajjiż, delegazzjonijiet, u per diem allowances.

Ħal Farruġ – Bandli – Toilets pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsiru toilets pubbliċi fil-bandli li jinsab fiż-żona ta’ Ħal Farruġ, hekk kif inhi l-prassi, sabiex jitnaqqas l-inkonvenjent għal min jagħmel użu mill-istess bandli?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa li bħalissa fil-family park hemm mobile toilets. Madankollu, l-pjan tal-Kunsill hu li jinbnew toilets pubbliċi permanenti u qed jesplora l-possibbiltà li jwettaq dan il-proġett.

Xewkija, Għawdex — Triq Ta’ Ġokk - Xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25764, dwar il-manutenzjoni tal-playing field (inkluż il-ġnien) fi Triq Ta’ Ġokk fix-Xewkija, Għawdex li taqa' taħt ir-responsabbiltà diretta tal-Kunsill Lokali, fejn ġie mwieġeb li 'huwa pjanat li x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni u rinnovar tas-sit imsemmi jitlesta sa’ Frar 2026 u s-sejħiet għall-offerti għax-xogħlijiet relatati jinsabu fi stadju avvanzat.', peress li din il-playing field u open space jinsabu fi stat ħażin għal min jiffrekwentahom, jista' l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat (xahar u sena) li jinbeda x-xogħol u jiġi rranġat u ssir il-manutenzjoni meħtieġa? Jista’ jgħid ukoll jekk preżentement din il-playing field hijiex safe u jekk hijiex iċċertifikata li hija safe? Jista’ jgħid ukoll jekk tħejjewx is-sejħiet għal offerti u jekk ġewx ippubblikati?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xewkija li x-xogħol ta’ manutenzjoni u rinnovar huwa ppjanat li jibda fil-bidu tas-sena 2026. Kif diġà indikat, il-proċess għat-tħejjija tas-sejħa għall-offerti jinsab fi stadju avvanzat u bħalissa qed jitħejjew il-BoQs.

Ġbid ta’ films — Ħaddiema li jaħdmu bħala drivers - Salarji u overtime

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx qbil rigward salarji u overtime li jitħallsu l-ħaddiema li jaħdmu bħala drivers matul il-ġbid ta’ films varji f’pajjiżna? Jista’ jgħid ukoll jekk id-drivers li jaħdmu waqt il-ġbid ta’ films humiex intitolati għal food allowance ukoll bħall-ħaddiema oħrajn li jkunu fuq is-set?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Manoel Island

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Manoel Island kinitx mikrija għall-Mediterrane Film Festival, u jekk iva, b’kemm inkriet? Jista’ jgħid ukoll għal kemm-il ġurnata nkriet, mill-preparamenti għall-avveniment sa wara l-avveniment?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Forti ta’ Manoel Island kienet mikrija fuq bażi kummerċjali għall-Mediterrane Film Festival. B'mod ġenerali ninsab infurmat fiż-żmien li ġej ser jiġi ppubblikat rapport annwali relatat ma’ dan l-avveniment internazzjonali.

Mediterrane Film Festival — Suppliers - Rendikont

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm tħallas jew ser jitħallas kull supplier li ntuża biex jittella’ l-Mediterrane Film Festival? Jista’ jgħid ukoll liema suppliers ingħataw direct order?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li din l-informazzjoni ser tkun imħabbra fiż-żmien li ġej permezz tar-rapport annwali li jiġi ppubblikat relatat ma’ dan l-avveniment internazzjonali.

Golden Bee Awards — Suppliers - Rendikont

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm tħallas jew ser jitħallas kull supplier li ntuża għas-serata tal-Golden Bee Awards? Jista’ jgħid ukoll liema suppliers ingħataw direct order?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li din l-informazzjoni ser tkun imħabbra fiż-żmien li ġej permezz tar-rapport annwali li jiġi ppubblikat relatat ma’ dan l-avveniment internazzjonali.

Mediterrane Film Festival u Malta Bee Awards — Akkomodazzjoni u titjiriet - Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq akkomodazzjoni u titjiriet għal kull mistieden li kien invitat matul il-Mediterrane Film Festival u dawk għall-Malta Bee Awards u jagħti rendikont separat?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infirmat li din l-informazzjoni ser tkun imħabbra fiż-żmien li ġej permezz tar-rapport annwali li jiġi ppubblikat relatat ma’ dan l-avveniment internazzjonali.

Għajn Tuffieħa — Ex Army Camp - Art

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu s-sid tal-art fl-ex Army Camp f’Għajn Tuffieħa, kif immarkata bl-oranġjo fir-ritratti li qed jintbagħtu separatament? Jista’ jgħid ukoll jekk din il-proprjetà hijiex tal-Gvern, jew hijiex mikrija lil parti terza, u f’każ li hija mikrija, min hi din il-parti terza?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li b’referenza għall-pjanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra li: · L-Art immarkata b’numru 1, hija tal-gvern u mikrija lil Majjistral Nature and History Park. · L-Art immarkata b’numru 2, hija tal-gvern pero mhijiex mikrija.

Sound Stage

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 28967, 29147 u 29381 u jgħid min iddiżinja s-Sound Stage li għamel referenza għalih l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, waqt il-laqgħa tal-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi nhar l-14 ta’ Mejju 2025? Jista’ jgħid ukoll jekk saritx sejħa pubblika għal dan id-disinn u kemm ġie jiswa?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Local Governance Board — Każijiet imressqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tressqu każijiet quddiem il-Local Governance Board imwaqqaf mill-Avviż Legali 363.150 matul is-sena 2024 u kemm hemm każijiet pendenti? Jista’ jgħid ukoll minn min huwa kompost dan l-istess bord?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Il-Fgura — Permessi biex jingħalqu t-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’permessi hemm biex jingħalqu t-toroq fil-Fgura matul Lulju 2025

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni, hekk kif miġbura u mgħoddija lili mill-Kunsill rispettiv.

Bormla – Żamma ta’ monument

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-monument tal-bronż iddedikat lill-Perit Dom Mintoff u l-funtana li jinsabu quddiem il-Każin tal-Banda ta’ San Ġorġ, f’Bormla, jiġu mnaddfa, ikkurati u restawrati?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab informat li sar kuntatt mal-Kunsill Lokali ta' Bormla għal dan il-għan.

Il-Belt Valletta — Pjazza Jean De La Valette – Restawr ta’ monument

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-monument iddedikat lill-Gran Mastru Jean La Valette, fil-Pjazza Jean De La Valette, il-Belt Valletta, wara t-Teatru Rjal, jiġi kkurat u restawrat?

Response (BONNICI, OWEN)

Peress li ma jirriżulta lil ebda waħda mill-entitajiet li jifformaw parti mid-dekasteru de quo li hemm ħsarat fil-monument in kwistjoni inkun grat jekk l-Onor. Interpellant jispeċifika aħjar id-domanda tiegħu.

Reġjun Tramuntana – Ġbir ta’ skart – Ilmenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ilmenti mal-kunsilli lokali dwar nuqqasijiet fil-ġbir tal-iskart fir-Reġjun Tramuntana fis-sena 2024? Jista’ jaqsam din l-informazzjoni għal kull lokalità tal-istess reġjun?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba kif mgħoddija lili.

Ta’ Sannat — Triq Ta’ Xagħman u Triq Dun Lazzru Camilleri

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29282 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29003, dwar meta ser jitkomplew ix-xogħlijiet fi Triq Ta’ Xagħman u Triq Dun Lazzru Camilleri, f’Ta’ Sannat, fejn ġie mwieġeb li ‘x-xogħlijiet bdew fix-xahar ta’ Settembru 2024 u waqfu għal xi żmien sakemm ġew stabbiliti l-livelli tat-triq’, jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-livelli ma ġewx stabbiliti qabel ħarġet is-sejħa biex isiru x-xogħlijiet u qabel ma saru x-xogħlijiet tad-drenaġġ u tal-ilma f’dawn it-toroq? Minn min ġew stabbiliti issa l-livelli ta’ dawn it-toroq? Jista’ jgħid ukoll jekk ix-xogħlijiet humiex ser jitkomplew fil-ġranet li ġejjin peress li ntqal li ‘l-livelli ġew stabbiliti’?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Sannat li x-xogħlijiet mistennija jkomplu fil-jiem li ġejjin.