Legislature:
Category:
Reset
Active:

Rikonoxximent ta’ status ta’ refuġjat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li huma immigranti irregolari li ġew rikonoxxuti fi status ta’ refuġjati jew sussidarju li ġew rilokati minn pajjiżna lejn pajjiżi oħra tul dawn l-aħħar tliet snin? Jista’ jiġi indikat lejn fejn?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nixtieq ninforma l-Onor. Interpellant illi bejn l-2015 u l-2017 ġew rilokati 1,185 persuna bi protezzjoni internazzjonali maħruġa minn Malta. Kollha minbarra 4 persuni ġew rilokati lejn l-Istati Uniti. L-4 persuni l-oħra ġew rilokati lejn il-Kanada. Fl-2018 ħadd għadu ma ġie rilokat.

Refuġjati rilokati fl-iStati Uniti tal-Amerika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni li huma immigranti irregolari li ġew rikonoxxuti fi status ta’ refuġjati jew sussidarju li ġew rilokati minn pajjiżna lejn l-Istati Uniti tal-Amerika tul l-2014, l-2015 u l-2016? Jista’ jiġi indikat jekk huwiex minnu li dan il-programm jinsab preżentement wieqaf?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nixtieq ninforma l-Onor. Interpellant illi bejn l-2014 u l-2016 ġew rilokati 1,605 persuna bi status irregolari jew bi protezzjoni internazzjonali maħruġa minn Malta lejn l-Istati Uniti. Huwa minnu li bħalissa l-programm ta’ rilokazzjoni lejn l-Istati Unitu huwa wieqaf minħabba deċiżjoni meħuda unilaterment mill-Istati Uniti fil-bidu tal-2017, mill-amministrazzjoni preżeti, sabiex jiġi sospiż dan il-programm.

Ċittadini Awstraljani -working holiday visas

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu working holiday visas għal ċittadini Awstraljani sabiex jiġu Malta minn Marzu 2013 sal-lum?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Maħfra Presidenzjali lil persuni suspettati b’delitt

Question

Fost in-nies hemm ix-xniegħa li t-tliet persuni suspettati u akkużati li wettqu d-delitt tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, jista’ jkun li jiġu offruti l-Maħfra Presidenzjali. F’dan il-kuntest u fl-interess pubbliku u sabiex titwaqqaf kull spekulazzjoni, jista’ l-Ministru jgħid: Jekk il-Gvern ikkunsidrax li joffri l-Maħfra Presidenzjali lil xi wieħed mit-tliet akkużati?, Jekk il-Maħfra Presidenzjali ġietx offruta lil xi ħadd mit-tliet akkużati?, Jekk il-Maħfra Presidenzjali ġiet offruta allura jekk ġietx aċċettata, jekk ġietx irrifjutata, jew jekk hux qegħda tiġi kkunsidrata?, Jekk il-Maħfra Presidenzjali hux ser tiġi offruta lil xi ħadd mill-akkużati?, u Jekk il-possibbilità ta’ Maħfra Presidenzjali f’dan il-kuntest ġietx eliminata, u jekk inhu hekk, għal liema raġunijiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-Tweġiba li qed tingħata għall-Mistoqsija Parlamentari 4589.

Mellieħa — Għassa tal-Pulizija - karozza

Question

Jista’ l-Ministru jara li n-nuqqas kontinwu u ripetut ta’ karozza li suppost qegħda għad-dispożizzjoni tal-Għassa tal-Pulizija tal-Mellieħa tiġi riżolta darba għal dejjem wara li l-istess għassa għal darba oħra reġgħet tinsab bla karozza u ilha hekk għal kważi xahar sħiħ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi s-sezzjoni tal-garaxx tal-Pulizja diġa ħarġet vettura biex tista’ tintuża mill-Għassa tal-Mellieħa.

Open Centres — immigranti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 634 u jgħid kemm hemm immigranti uffiċjalment residenti fl-Open Centres, u jaqsam l-informazzjoni għal kull Open Centre rispettiv?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa hemm 913-il immigrant uffiċjalment residenti fl-Open Centres.

Pulizija — Mutual Help Fund

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-Mutual Help Fund tal-Pulizija ġie mwaqqaf?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti li sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, kull entità taħtu għandha, il-ħlas u perkaċċi kollha li għandhom, rispettivament, u x'tip ta' konsulenza jipprovdu, rispettivament?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru m’għandux konsulenti mal-entitajiet li jaqgħu taħtu.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – mobile phones, laptops u apparat ieħor pprojbit misjub

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il mobile phone, laptop u apparat ieħor li hu pprojbit, instab fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin kull sena mill-2013 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi nstabu mobile phones, laptops u apparat ieħor projbit skond kif indikat hawn taħt : Fl-2013 nstabu 28 mobile phone, 7 chargers, 2 pen drives, 1 headphones, 2 internet keys Fl-2014 nstabu 20 mobile phone, 11 chargers, 1 headphones, 1 wire chargers, 1 internet key, 1 battery Fl-2015 nstabu 32 mobile phone, 7 chargers, 1 internet key, 1 battery Fl-2016 nstabu 22 mobile phone, 3 chargers, 2 headphones, 1 battery Fl-2017 nstabu 28 mobile phone, 6 chargers, 6 wire chargers, 1 internet key Fl-2018 nstabu 18-il mobile phone.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – xiri ta’ laħam, majjal u tiġieġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kilo u b'kemm flus inxtara laħam, majjal u tiġieġ mill-Faċilità Korrettiva ta' Kordin kull sena mill-2013 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza? Mingħand min inxtara?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi dettalji dwar ix-xiri tal-laħam, majjal u tiġieġ mill-Faċilità Korrettiva ta' Kordin kull sena mill-2013 kien kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Garaxx tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huwa l-uffiċjal tal-Pulizija fil-Garage tal-Pulizija li preżentament huwa responsabbli mill-istess garaxx?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi preżentement l-Ispettur Anthony Agius huwa l-uffiċjal tal-Pulizija responsabbli mill-Garage tal-Pulizija taħt is-superviżjoni tad-Deputat Kummissarju responsabbli minnu.

Persuni mressqa l-Qorti fuq akkużi li kienu fil-pajjiż illegalment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li tressqu l-Qorti mill-Pulizija akkużati li kienu fil-pajjiż illegalment fis-sena 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi mis-sena 2002, wara tibdil fil-Liġi tal-Immigrazzjoni, ma baqax reat li persuni ta' pajjiżi terzi jkunu Malta illegalment u allura dawn ma jitressqux il-Qorti. Madankollu dawn jintbagħtu lura pajjiżhom wara proċess amministrattiv fejn tinħareġ Deciżjoni ta' Ritorn mill-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni. Matul is-sena 2017 kien hemm mija u disgħin (190) persuna minn pajjiżi terzi li nstabu illegalment Malta u ħarġitilhom id-Deciżjoni ta' Ritorn imsemmija. Ma’ dawn kien hemm ukoll mitejn u tnejn u tmenin (282) persuna minn pajjiżi terzi li nstabu li kienu wkoll fil-pajjiż illegalment meta kienu ser jitilqu minn dawn il-Gżejjer għal pajjiżi barra miż-żona Schengen, u għalhekk dawn ukoll ħarġitilhom l-istess deciżjoni qabel it-tluq.

Depot tal-Pulizija – persuni li huma nkarigati mit-tindif

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn min isir it-tindif ġewwa d-Depot tal-Pulizija? Jista’ jgħid kemm hemm persuni li huma inkarigati u impjegati biex jagħmlu dan it-tindif u x’inhuma l-ħinijiet u r-rosters tagħhom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi waqt li huwa d-dmir ta’ kull membru tal-Korp li jżomm il-post tax-xogħol tiegħu nadif u dan jinkludi d-Depot tal-Pulizija, f'dan il-lokal hemm ukoll sitt persuni li huma membri tal-Korp li minħabba l-kobor tal-post u s-sezzjonjiet diversi, jagħmlu xogħol ta' tindif. Dwar ħinijiet, erbgħa (4) minnhom jaħdmu bejn is-6.30 am u t-3.30 pm mit-Tnejn sal-Ġimgha. Persuna li hija riservista taħdem mis-6.00 am sa nofsinhar u riservista ieħor jaħdem mis-7.00 am sas-siegħa ta' wara nofsinhar. Qed tiġi evalwata bidla f’diversi setturi tal-Korp tal-Pulizija biex ċertu xogħol jibda jsir minn civilians.

Uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija li għandhom xufier magħhom — qadi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk dawk l-uffiċjali fil-Korp tal-Pulizija li għandhom xufier, jekk huwiex permess li dawn ix-xufiera jagħmlu l-qadi privat tal-uffiċjal li miegħu jkunu assenjati bħal xiri u twassil ta’ membri tal-familja minn post għall-ieħor?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi xufiera li huma assenjati ma’ uffiċjali fil-Korp tal-Pulizija, jagħmlu dak ix-xogħol skont l-esiġenzi tas-servizz, kif assenjat mill-istess Uffiċjal.

Xufiera uffiċjali tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xufiera ta’ uffiċjali tal-Pulizija humiex obbligati li jidħlu għax-xogħol mal-istess uffiċjal anke meta l-istess uffiċjal ikun frank?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi kif dejjem kienet il-prassi, ix-xufiera ta’ uffiċjali tal-Pulizija jaħdmu xift li hu differenti minn dak tal-fizzjali li jkunu magħhom. Għaldaqstant huma obbligati li jidħlu għax-xogħol meta l-istess uffiċjali jkunu franki, prinċipalment għax ikun jum tax-xogħol normali tagħhom u anke peress illi uffiċjali obbligati li jidħlu xogħol fil-frank, jekk iċ-ċirkustanzi ta' xogħolhom hekk jitolbu.

Korp tal-Pulizija – membri li jgħallmu fl-Akkademja tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm membri tal-Korp tal-Pulizija li jgħallmu fl-Akkademja tal-Pulizija? Jista’ jippreżenta lista ta’ dawn il-persuni u s-suġġetti li jgħallmu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi hemm tmienja u ħamsin (58) membru tal-Korp tal-Pulizija li għallmu fl-Akkademja tal-Korpi Dixxiplinati matul is-sena 2017.

Korp tal-Pulizija – membri li jgħallmu fl-Akkademja tal-Pulizija — ħlas

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-membri tal-Korp tal-Pulziija li jgħallmu fl-Akkademja jitħallsux extra għal tali tagħlim li jgħallmu? Jista’ jgħid kemm tħallas kull uffiċjali li jgħallem fl-Akkademja fis-sena 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-membri tal-Korp tal-Pulizija li jgħallmu fl-Akkademja tal-Korpi Dixxiplinati, jitħallsu extra għat-tagħlim li jgħallmu. Ir-Rata tal-ħlas għal lectures li jsiru matul il-ħinijiet normali tax-xogħol hija ta’ € 8.74 kull siegħa, filwaqt li għal lectures li jsiru barra l-ħin normali tax-xogħol hija ta’ € 16.00 kull siegħa.

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali – ħlasijiet lill-persuna u/jew il-kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-ħlasijiet li saru lill-persuna u/jew il-kumpanija, li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, awtoritajiet, fondazzjonijiet, entitajiet, kumpaniji u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu mill-2013 sakemm tiġi biex titwieġeb din il-mistoqsija? Jista’ jgħid jekk dawn ingħatawx b’direct order jew b’tender, kemm kienet l-ispiża f’kull każ u x’kien ix-xogħol mogħti? Jista’ jaqsam il-ħlasijiet sena b’sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ebda entita’ jew dipartiment li jaqa’ taħt ir-responsabbilta’ tal-Ministeru tal-Intern u Sigurta Nazzjonali ma tax kuntratti la b’tender u l-anqas b’direct order mill-2013 ‘l hawn. Ninsab infurmat li l-anqas pagamenti ma saru lill-persuna u/jew il-kumpanija, li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament.

FIAU – rapporti lill-Pulizija ta’ money laundering

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3565 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u li issa ġiet referuta lilu u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2735, jista’ l-Ministru jgħid kemm huma dawk ir-rapporti tal-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) li ġew mgħoddija lill-pulizija, ġew fil-fatt investigati mill-pulizija u kemm minn dawk investigati ġew konklużi u mressqa l-Qorti għas-snin 2013, 2014, 2015, 2016 u 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fis-snin kif mitluba fil-mistoqsija, il-Pulizija rċeviet diversi rapporti mill-FIAU, relatati mal-ammont ta' każi ta' ħasil ta' flus, kif indikati fit-tabella t'hawn taħt. Infurmat illi jkun hemm drabi fejn fuq l-istess każ l-FIAU jibagħtu aktar minn rapport wieħed u għalhekk it-tabella turi l-każi mibgħuta għal investigazzjoni u mhux l-ammont ta' rapporti. Jista jaghti l-kaz li n-numru ta’ rapporti li jigu sottomessi lil-pulizija mill-FIAU ivarja mal-ammont kif indikat mill-FIAU, u dan minħabba metodi differenti kif tinżamm u tinġabar l–istatistika mill-FIAU u mill-Pulizija. Barra l-ammont ta' każi mibgħuta għall-investigazzjoni, it-tabella turi kemm minn dawn għadhom qed jiġu investigati, dawk fejn l-investigazzjonijiet ġew konklużi u ma kienx hemm lok fejn jittieħdu passi fil-qorti u dawk fejn l-investigazzjonijiet ġew konklużi u kien hemm min tressaq il-Qorti. Year Files Received Investigated / Evaltuate Investigation / Evaluation still underway Concluded (No action in court was taken) Concluded with an Arraigned in Court 2013 25 25 5 17 3 2014 17 17 9 7 1 2015 16 16 5 9 2 2016 18 18 7 9 2 2017 16 16 13 3 0 L-istess proċess kien isir fis-snin ta’ qabel. Għal din ir-raġuni qed nissottometti tabella oħra tal-ħames snin ta’ qabel, jiġifieri mis-sena 2008 sas-sena 2012. Year Files Received Investigated / Evaluated Investigation / Evaluation still underway Concluded (No action in court was taken) Concluded with and Arraigned in Court 2008 41 41 4 33 4 2009 17 17 3 5 9 2010 20 20 2 14 4 2011 18 18 4 8 6 2012 21 21 3 13 5

Każijiet fejn persuni ġew imħarrka talli pejpju f’postijiet fejn huwa pprojbit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ persuni li ġew imħarrka talli pejpu f'postijiet pubbliċi fejn it-tipjip huwa pprojbit matul is-sena 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2017 kien hemm elfejn, mitejn u ħamsa u erbgħin (2,245) każ ta’ persuni li ġew imħarrka mill-Pulizija talli pejpu f'postijiet pubbliċi fejn it-tipjip huwa pprojbit.