Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema nħawi jaqgħu taħt id-distrett taċ-Ċentru tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (CPD) fix-Xemxija? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ kollaborazzjoni għandu dan iċ-ċentru ma’ awtoritajiet oħra?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li l-istazzjon tax-Xemxija jirrispondi għal emerġenzi li jseħħu f’dawn l-inħawi: il-Mellieħa, Ċirkewwa, l-Aħrax, Għadira, Selmun, Xemxija, Mosta (Ta’ Żokrija), parti mir-Rabat (Malta), l-Imdina u l-Imtarfa.
F’każ ta’ inċident ta’ natura serja jew fuq skala kbira, l-istazzjon jista’ jirċievi għajnuna minn stazzjonijiet oħra, jew jagħti għajnuna lilhom, skont il-bżonn. Fir-rigward ta’ kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet oħra, dan isir mill-Korp tal-Protezzjoni Ċivili ċentralment, u mhux mill-istazzjon individwali.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-‘Road Police Unit’ li ġiet imwaqqfa reċentement hijiex tiffunzjona u taħdem ukoll fil-gżira ta’ Għawdex?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi l-għan aħħari tat-twaqqif tar-Roads Policing Unit, partikolarment l-Investigations Section fi ħdanu, kien sabiex ikun iċċentralizzat tali servizz u jkun hemm konsistenza bejn id-distretti differenti. Sa qabel it-twaqqif ta’ dan il-Unit, inċidenti tat-traffiku fatali u serji kienu jiġu investigati mid-distretti rispettivi.
Ġaladarba Għawdex huwa distrett wieħed, dan ifisser li f’Għawdex dan is-servizz ilu s-snin iċċentralizzat u dan peress li tali investigazzjonijiet tal-Pulizija isiru dejjem mill-uffiċjali stazzjonati ġewwa l-Għassa tar-Rabat, Għawdex. Fi kwalunkwe każ, dan huwa Korp tal-Pulizija wieħed u r-Roads Policing Unit tassisti lill-Pulizija ta’ Għawdex f’każ li jkun meħtieġ, l-aktar f’inċidenti tat-traffiku fatali.
Bridging the Gap Scheme — Applikazzjonijiet pendenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li għandhom l-applikazzjoni tagħhom għall-‘Bridging the Gap Scheme’ pendenti u għadhom qed jistennew biex jibbenefikaw minn din l-iskema fil-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jaqsam din l-informazzjoni skont is-sess u l-età tal-persuni?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lil Onor. Interpellant tirreferi għall-mistoqsija parlamentari 29230.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk preżentament, minn tliet helicopters tat-tip Augusta Westland AW139, hemm wieħed biss attiv u t-tnejn l-oħra mhumiex fi stat operabbli filwaqt li minn żewġ helicopters tat-tip Alouette III, l-ebda wieħed minnhom mhu operabbli? Jista’ l-Ministru jipprovdi d-data minn meta dawn il-helicopters ġew ikkunsidrati bħala “in maintenance”?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li l-Forzi Armati ta’ Malta tagħti importanza massima għall-manutenzjoni tal-assi tagħhom u l-ħelikopters mhux eċċezzjoni, iktar u iktar meta dawn huma iktar kumplessi minn inġenji oħra. Falliment f’komponent wieħed meqjus ‘żgħir’ ukoll jista’ jwassal għal konsegwenzi serji ħafna u għalhekk l-armata timxi ma’ skedi ta’ manutenzjoni li huma stretti ħafna u li magħhom m’hemmx kompromess. Infurmat li bħalissa hemm żewġ ħelikopters AW139 li għaddejjin minn spezzjoni u manutenzjoni li tissejjaħ ‘8 year inspection’ kif mitlub mill-kumpanija. Dwar it-tieni parti tad-domanda jien infurmat li matul l-2022, Airbus Helicopters infurmat lill-operaturi kollha ta' Alouette III li kienet qed tirtira l-bqija taċ-ċertifikati ta’ dan it-tip.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna kienet qed tibbenefika mill-‘Bridging the Gap Scheme’ fl-aħħar tas-sena 2024 u jaqsam din l-informazzjoni skont is-sess u l-età tal-persuni?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari 29229, ninsab infurmat li Matul is-sena 2024, 44 persuna b’dizabilità jew vulnerabbli bdew jipparteċipaw f’din l-iskema. Minnhom 31 temmew l-iskema b’suċċess u 26 minnhom għadhom fl-impjieg. Ukoll fl-aħħar tas-sena 2024 erba’ (4) persuni kienu qed jibbenefikaw mill-iskema tal-Bridging the Gap. Dawn kienu żewġ nisa li l-età tagħhom kienet ta’ wieħed u għoxrin (21) sena u ħamsa u tletin sena (35) sena u żewġt irġiel li l-età tagħhom kienet ta’ tnejn u għoxrin (22) sena u tnejn u ħamsin (52) sena.
Bridging the Gap Scheme — Persuni li qed jibbenefikaw
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna kienet qed tibbenefika mill-‘Bridging the Gap Scheme’ fil-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jaqsam din l-informazzjoni skont is-sess u l-età tal-persuni?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li b’din l-iskema, Jobsplus toffri work exposure lil persuni b’diżabilità jew vulnerabbli li għandhom bżonn esperjenza itwal fuq il-post tax-xogħol. Matul il-perjodu miftiehem, il-persuni jingħataw allowance fil-ġimgħa minn Jobsplus, ekwivalenti għal 80% tal-paga minima nazzjonali. F’dan il-perjodu min iħaddem ikollu l-opportunità li jevalwa l-ħiliet u l-progress tal-persuna fuq il-post tax-xogħol, b’sapport kontinwu min-naħa ta’ Jobsplus u l-Lino Spiteri Foundation. L-għan aħħari huwa li l-persuna b’diżabilità jew vulnerabbli tiġi impjegata wara l-parteċipazzjoni tagħha f’din l-iskema. Sad-19 ta’ Ġunju 2025, erba’ persuni kienu qed jibbenefikaw mill-iskema Bridging the Gap. Dawn jinkludu żewġ nisa ta’ 27 u 53 sena, kif ukoll żewġ irġiel ta’ 31 u 60 sena.
Bridging the Gap Scheme — Applikazzjonijiet pendenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li kellhom l-applikazzjoni tagħhom għall-‘Bridging the Gap Scheme’ li kienet għadha pendenti u kienu għadhom qed jistennew biex jibbenefikaw minn din l-iskema fl-aħħar tas-sena 2024 u jaqsam din l-informazzjoni skont is-sess u l-età tal-persuni?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li għall-iskema tal-Bridging the Gap wieħed ma għandux bżonn japplika, dan għaliex il-persuni jiġu identifikati minn Jobsplus f’ħidma ta’ outreach li ssir flimkien mal-Lino Spiteri Foundation. Għalhekk l-iskema hija parti min proċess fejn persuni b’dizabilità jew vulnerabbli qed jiġu offruti s-servizzi provduti minn Jobsplus skont il-bżonnijiet tagħhom.
Vetturi pparkjati ħażin — Kontravenzjonijiet - Multi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw multi ta’ kontravenzjoni għal vetturi pparkjati ħażin fi Triq ix-Xatt, f’Tas-Sliema fl-2024 u fl-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta’ Jannar 2024 u it-18 ta’ Ġunju, 2025, inħarġu 682 kontravenzjoni lis-sidien u sewwieqa ta’ vetturi li pparkjaw ħażin fi Triq ix-Xatt, Tas-Sliema, mill-Pulizija u l-Uffiċjali tal-LESA.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28268 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni u jgħid kemm kien hemm persuni li tressqu l-qorti għax kienu qed isuqu mingħajr liċenzja jew liċenzja skaduta fl-2024 u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm kienu Maltin u kemm kienu barranin?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ persuni li tressqu l-qorti f’dawn il-gżejjer għax kienu qed isuqu mingħajr liċenzja jew kellhom liċenzja skaduta fis-sena 2024, kien ta’ elf, mija u erbgħa (1104). Bejn Jannar 2025 u t-28 ta’ Mejju 2025 l-ammont ta’ persuni li tressqu l-qorti fuq l-istess reat kien ta’ ħames mija u wieħed u tletin (531). Infurmat li d-dettalji jinżammu kif qed jiġu mwieġba f’din il-mistoqsija parlamentari.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-iskemi ta’ Jobsplus intenzjonati għall-persuni b’diżabilità? Jista’ jgħid ukoll kemm-il persuna bbenefikat minn kull waħda minn dawn l-iskemi?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lil Onor. Interpellant li Jobsplus flimkien mal-Fondazzjoni Lino Spiteri (LSF) tassisti persuni b'diżabilità, kif ukoll lil min iħaddem biex is-suq tax-xogħol ikun aktar aċċessibbli. Jobsplus tamministra l-proġett VASTE II kofinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew (ESF+) u il-Gvern Malti għall-perjodu 2021-2027.
Tabella 1:Persuni b’diżabilità li għamlu użu minn attivitajiet tal-VASTE II sal-aħħar t’April 2025 (persuna b'diżabilità tista tibbenefika minn diversi servizzi taħt dan il-proġett iġifieri persuna tista tidher kemm fl-assessjar tal-persuni b ‘dizabilita’ u job coaching):
Servizz
Numru ta’ parteċipanti li ibbenefikaw minn kull servizz
Assessjar tal-persuni b'diżabilità (OT)
352
Sheltered Employability Training (SET)
86
Job Coaching
524
Tech Camp (taħriġ bażiku fl-ICT)
24
Tabella 2:
Persuni b'diżabilità li bdew parteċipazzjoni f’dawn l-iskemi/inizjattivi fl-2024 (minn Jannar sa Diċembru):
Skemi/Inizjattivi
Numru ta’ parteċipanti għal kull servizz
Bridging the Gap
31
LSF Headstart
41
A2E
97
Inċentiv fiskali
259
Kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali
590
Dawn il-miżuri kollha jikkontribwixxu biex in-numru ta’ persuni b’diżabilità f’impjieg jkompli jiżdied.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsab ix-xogħol fir-rigward tal-Għassa tal-Pulizija tal-Imsida u meta huwa previst li ser tkun lesta u tkun miftuħa għall-pubbliku?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għal mistoqsija parlamentari 21885.
Jista’ l-Ministru jgħid kif ser ikun assigurat li l-preżenza tal-Pulizija ser tkun iktar b’saħħitha fil-perjodu tas-sajf meta l-attivitajiet, u l-persuni fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar jiżdiedu sostanzjalment?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għal tweġiba parlamentari 28276.
Ministeru għall-Intern, is-Sigurta u x-Xogħol – Public Expo Village 2025 – Nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28678 u jgħid jekk il-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, ħadux sehem fil-Public Expo Village 2025 li saret f’Ta’ Qali mill-21 sal-25 ta’ Mejju 2025? Jekk iva, liema dipartimenti ħadu sehem, x’kien id-daqs tal-istand/stands tagħhom u kemm kienet in-nefqa ta’ kull dipartiment, kif ukoll in-nefqa totali tal-Ministeru fuq din l-Expo?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li fl-istand tal-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol fil-Public Service ExpoVillage 2025 kien hemm preżenti diversi rappreżentanti mill-entitajiet li jaqgħu fi ħdan l-istess Ministeru. Dawn jinkludu uffiċjali mis-sezzjoni tar-Remote Reporting kif ukoll mis-sezzjoni tal-Forensika fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, diversi speċjalisti u uffiċjali mill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, rappreżentanti mill-Victim SupportAgency u mid-Dipartiment tal-Probation u l-Parole fejn spjegaw fuq ix-xogħol siewi li joffru lill-komunità. Kien hemm ukoll rappreżentanti minn Jobsplus fejn taw informazzjoni lill-pubbliku fuq l-iskemi li joffru. Ingħataw ukoll diversi servizzi mill-istand fosthom it-tiġdid tal-ID cardsu għajnuna fuq l-eID mill-Aġenzija Identità kif ukoll ir-reġistrazzjoni għall-portal tal-LES eServices ma’ LESA. Fost is-servizzi u l-informazzjoni li ngħataw mill-istand tas-Sigurtà, wieħed kellu l-opportunità li jagħmel attività divertenti u kemxejn differenti mis-soltu, dik li jipprova joħroġ mill-escape room li kienet armata fuq l-istand tal-Ministeru. It-tema ta’ din il-logħba kienet relatata mal-Ministeru msemmi. Din l-attività u kopriet il-parteċipazzjoni ta’ diversi entitajiet li jinkludu l-Forzi Armati ta’ Malta, il-Korp tal-Pulizija, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, l-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati, l-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità, id-Dipartiment tal-Probation u l-Parole, LESA, Jobsplus u Identità. Infurmat li istand ġiet tiswa €71,012. L-ExpoVillage tas-Servizz Pubbliku din is-sena żaruh 76,264 persuna.
Il-Gudja — Triq Victor Pasmore - Miżiri biex jitneħħa l-periklu
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28728, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser jittieħdu miżuri ulterjuri rigward il-periklu tal-ħajt fi Triq Victor Pasmore, il-Gudja (ritratti annessi), hekk kif il-miżuri li ttieħdu ma jidhirx li saru skont kif kien indikat fl-istess tweġiba?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi l-miżuri kif oriġinarjament ġew indikati fit-tweġiba parlamentari 28728, kienu saru u minn indaġini tal-Pulizija, jidher li b’xi mod dawn tneħħew. Għaldaqstant dawn reġgħu saru fl-10 ta’ Ġunju. Ninsab infurmat li jidher li ġew ikkunsidrati possibbilitajiet ta’ miżuri oħra, pero minħabba li triq fejn tinstab il-binja inkwistjoni hi relattivament dejqa, ma jidhirx li dan jista’ jsir mingħajr ma jinħoloq aktar inkonvenjent u periklu għal min jagħmel użu tat-triq inkwistjoni, inkluż ir-residenti. Sadanittant, infurmat ukoll li tkompla l-kuntatt ma' wieħed mis-sidien aktar kmieni din il-ġimgħa u fil-jiem li ġejjin ser tiġi preżentata ‘intimation form’ bi struzzjonijiet neċessarji, lis-sidien kollha tal-lok inkwistjoni, biex isir ix-xogħol u jitneħħa l-periklu. Il-pulizija ser tibqa’ ssegwi dan il-każ.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex il-membri tal-Protezzjoni Ċivili li jkunu assenjati fuq il-baħar u li jistgħu jiġu wkoll imsejħa fuq l-art, jieħdu l-istess allowance bħal dawk il-membri li jkunu assenjati fuq l-art?
Jista’ jgħid ukoll jekk hux minnu li l-Maritime Allowance m’għadux jingħata (bħalma kien jingħata fl-imgħoddi) u jekk iva: meta kien l-aħħar li ngħata; x'kienet ir-raġuni għalfejn m'għadux jingħata u jekk għandux il-ħsieb li jbiddel dan il-fatt?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li l-ħaddiema kollha tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jirċievu Civil Protection Allowance li l-ammont tiegħu jvarja skont il-grad u/jew is-snin ta’ servizz tal-impjegat. Barra minn hekk l-Assistance and Rescue Officers u l-Leading Assistance and Rescue Officers li jkunu ilhom ħames snin u iktar jaqdu dmirijiethom fil-Forza jirċievu wkoll l-additional duties allowance related to Equipment Testing ta’ €975 fis-sena. Nista’ ngħid ukoll li bħalissa għaddejjin ukoll id-diskussjonijiet għal ftehim settorjali ġdid. Infakkar li kien dan il-Gvern li rrikonoxxa d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili bħala Korp Dixxiplinat, tahom id-dritt tal-25 sena servizz u li jissieħbu f’union li tirrappreżentahom fid-diskussjonijiet għall-ftehim settorjali u kwalunkwe esiġenzi oħra. Dan filwaqt li saħħaħ il-kundizzjonijiet tagħhom kif anke indikat f’din it-tweġiba. F’dan l-isfond ukoll kien dan il-Gvern li ma aċċettax li l-pumpiera tagħna jkollhom għodda second-hand u investa f’għodda ġdida u infrastruttura aqwa.
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu biex jiġi indirizzat il-fatt li min hu bugħaddas mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u japplika biex jieħu faċilità ta’ self minn bank, togħlielu b’mod sostanzjali l-ispiża għall-polza tal-assikurazzjoni tal-ħajja, minħabba r-riskji marbuta mas-servizz fil-baħar - u jkun obbligat jistqarr u jżid li hemm r-riskju marbut mad-diving? Jista’ jgħid ukoll jekk il-gvern għandux il-pjan illi jintroduċi allowance biex tagħmel tajjeb għal dawn it-tip ta’ spejjeż konsegwenzjali li jiġu mas-servizz?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Il-Ministeru u d-Dipartiment ma jinjorax r-realtajiet ta' ħadd meta dawn jinġiebu għall-attenzjoni tiegħu u tul is-snin ħdimna biex f'diversi ċirkostanzi relatati ma' affarijiet oħra imma daqstant importanti studjajna u fejn kien il-każ jew meħtieġ ħloqna soluzzjonijiet. Nibqgħu kommessi li differenti minn ta' qabilna li kien nesa lil dawn il-ħaddiema sew jekk hux b'għodda second hand u bla kundizzjonijiet u drittijiet sura, nibqgħu ninvestu fil-ħaddiema b'mod dirett.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCNs) li għandhom permess ta’ residenza biex jgħixu f’Malta, mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għaċ-ċifri uffiċjali maħruġa mill-Eurostat li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jelenka minn liema pajjiżi ġejjin iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCNs) li għandhom permess ta’ residenza, mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 28044 u 28045 li oriġinarjament saru lill-Prim Ministru u lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika rispettivament u jgħid liema awtorità tirregola l-każini, u kif inhuma rregolarizzati l-każini f’dak li għandu x’jaqsam mal-ikel u x-xorb?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi dwar permessi ta’ Każini f’dawn il-gżejjer, il-Pulizija tipproċessa biss reġistrazzjoni ta’ postijiet bħala każini, abbażi tal-provedimenti tal-Artiklu 195, tal-Kodiċi tal-Liġijiet tal-Pulizija, Kap 10, tal-Liġijiet ta’ Malta.
Dwar il-proċess ta’ reġistrazzjoni nitlob lill-Onor. Membru tirreferi għal Leġislazzjoni Sussidjarja numru 10.21. Permessi oħra li jkollhom il-każini dwar dak li għandu x’jaqsam mal-ikel u x-xorb mhux il-kompitu tal-Pulizija u għaldaqstant l-Onor. Interpellant mitluba tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27485 u jgħid kemm kien hemm priġunieri li ngħataw prison leave minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?