Legislature:
Category:
Reset
Active:

Servizzi tal-Arju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’servizzi tal-ajru qed joperaw fil-preżent bejn Malta u Għawdex fuq servizz skedat? Meta bdew joperaw? Jista’ jgħid fejn qed jatterrraw f’Għawdex? Jista’ jgħid jekk hux mistenni li jkun hemm xi servizz ġdid fix-xhur li ġejjin?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ebda servizz tal-ajru m’hu qed jopera fil-preżent bejn Malta u Għawdex fuq servizz skedat. Peress illi ma nistax nipprevedi il-futur, ma nistax nirrispondi għall-aħħar parti tad-domanda.

Feasibility Study tal-ferry service bejn Għawdex u Sqallija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar s’issa mill-Gvern fuq ir-rapport Cavalgo dwar “feasibility study for the development of ferry services between Gozo and Sicily and the formulation of a strategic Plan for Mġarr” li sar fl-2007? Jista’ jgħid jekk il-Gvern jaqbilx mar-rakkmandazzjonijiet li saru fir-rapport? Jekk fl-affermattiv x’għamel s’issa fuqha? Meta mistennija jibdew jitwettqu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li r-rapport li sar fl-2007 ikkunsidra servizz ta’ ferry bejn Għawdex u Sqallija u t-tkabbir tal-port tal-Imġarr. Il-possibilta ta konnessjoni. bil-baħar bejn Għawdex u Sqallija hi xi ħaġa li l-gvern jinkoraġixxi iżda ovvjament trid tkun ekonomikament vijabbli għal min jidħol għaliha mis-settur privat. Dwar it-tkabbir tal-Port tal-Imġarr, il-gvern jidhirlu li hu aktar bżonnjuz li ninvestu f’mina.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — Staff klerikali li għandhom degree mill-Università

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35190 u jgħid kemm hemm staff klerikali li jaħdmu fid-dipartimenti u l-uffiċini kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li għandhom degree mill-Università? Jista' jgħid x'inhi d-degree u f'liema dipartimenti qegħdin? Jista' jgħid jekk humiex nisa jew irġiel?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant tkun iktar speċifika u tgħid x'qed tifhem eżatt meta tgħid "staff klerikali".

Manoel Island Yacht Yard — Privatizzazzjoni

Question

Fir-rigward tal-iżvilupp tal-Manoel Island Yacht Yard wara l-privatizzazzjoni tagħha, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra mappa fejn jimmarka eżattament il-medda tal-baħar li fiha se ssir il-yacht marina u l-medda ta' baħar li se tkun dedikata għalhekk? Fuq liema bażi legali se tingħata din il-medda? Saru konsultazzjonijiet ma' sidien tal-bċejjeċ tal-baħar tal-madwar fl-implimentazzjoni tal-proġett u biex jitħalla passaġġ adegwat għalihom?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra li l-mappa li tindika l-medda ta' baħar li ngħatat għall-użu esklussiv ta' Manoel Island Yacht Yard Limited. Ninsab infurmat li din il-medda ta' baħar ngħatat wara li Transport Malta dahlet fi Ftehim ta' Rmiġġ Esklussiv mal-Monoel Island Yacht Yard. Dan il-Ftehim kien stabbilit bħala kundizzjoni fl-Att li sar bejn il-Gvern u l-Manoel Island Yacht Yard u li ntlaħaq wara li saret sejħa pubblika għall-offerti u ġie approvat mill-Parlament. Transport Malta qiegħda f' konsultazzjoni mal-Assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-maġġoranza tas-sidien tad-dgħajjes ġewwa l-Gżira sabiex jiġi stabbilit maniġġjar aħjar tal-baħar f'dik iż-żona.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — tnaqqis baġitarju

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mit-tnaqqis baġitarju tal-€40 miljun tnaqqsu s'issa mill-Ministeru, dekasteri u entitajiet li jaqgħu taħtu xahar b'xahar sa Mejju 2012?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-budget tal-gvern jinħadem fuq bażi ta' sena. Għalhekk nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 32627.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema f'kull segretarjat tal-Ministeru tiegħu li mhumiex civil servants? Xi grad għandhom? X'inhu xogħolhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ammont ta' ħaddiema li mhumiex civil servants li hemm fis-segretarjati tiegħi, huwa ta' sebgħa. Il-grad u x-xogħol tagħhom huwa ta: Policy Coordinator, Communications Coordinator, Head of Secretariat, Secretariat Officer, Driver, Assistant Private Secretary u Project Coordinator.

Bormla — Pjazza Santa Margerita - multi level storey car park

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm progress fuq il-multi level storey car park fi Pjazza Santa Margerita Bormla?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li għaddejjin diskussjonijiet mal-MEPA dwar is-sottomissjoni ta' applikazzjoni għall-iżvilupp dwar il-proġett in kwistjoni.

Ħolqien ta' faċilitajiet għall-irmiġġ tal-cruiseliners f'Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx xi studju għall-ħolqien ta’ faċilitajiet permanenti u/jew temporanji ta’ rmiġġ għall-cruiseliners f’Għawdex? Jekk saru, minn min u meta? X’kienu r-rakkmandazzjonijiet tagħhom? Jista’ jpoġġi kopja ta’ dawn l-istudji fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposti li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari 21310 u 26885.

rotta 71

Question

Peress li r-residenti taż-Żurrieq qed jilmentaw minħabba tul ta' ħin jistennew ir-rotta 71 u peress ukoll li minn meta saret ir-riforma twalet ir-rotta u allura qed iddum iktar, jista' l-Ministru jispjega dan għaliex qed jiġri u jirrimedja s-sitwazzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi Transport Malta qed tissorvelja l-andament ta' din ir-rotta u mill-istħarriġ li għamlet bejn il-21 ta' Mejju u t-12 ta' Ġunju 2012, bejn il-ħinijiet tas-sebgħa u l-ħdax ta' filghodu jirriżulta li: · il-vjaggi skedati kollha saru u kien hemm ‘il fuq minn 30 vjaġġ addizzjonali fil-perjodu msemmi; · 1% ta' dawn il-vjaġġi qabżu l-ħin skedat b'għaxar minuti jew aktar. Infurmat ukoll illi Transport Malta se tkun qed tkompli tissorvelja dawn ir-rotot anki f'ħinijiet oħra tal-ġurnata, fil-ġranet li ġejjin. Infurmat ukoll li r-rotta preżenti hija 300 metru itwal mir-Rotta 32 fid-direzzjoni miż-Żurrieq għall-Belt u 700 metru itwal fid-direzzjoni opposta minn dik li kienet topera qabel it-3 ta' Lulju 2011.

Għawdex — ilqugħ triq bejn ir-Rabat u x-Xewkija

Question

Peress li f'dawn l-aħħar ġranet seħħ incident ikrah fi triq bejn ir-Rabat u x-Xewkija Għawdex propriju fejn qed isiru x-xogħlijiet u fejn karozza baqgħet nieżla ġo għalqa minħabba assenza ta' ħajt jew lqugħ, jista' l-Ministru jgħid xi prekawzjonijiet u miżuri ta' sigurtà qed jittieħdu biex ma jerġax iseħħ inċident simili?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din it-triq infetħet għat-traffiku fuq wiċċ temporanju 'l fuq minn tlett xhur ilu. Malli ngħata l-wiċċ t'asfalt temporanju, saru l-linji taż-żebgħa għat-traffiku mal-art. Bħala prekawzjonijiet ġew ordnati biex jeħlu numru ta' tabelli li jillimitaw il-veloċita` għal mhux aktar minn 30 kilometru fis-siegħa kif ukoll oħrajn illi jindikaw li t-triq għadha fuq wiċċ temporanju. Għaldaqstant, dan l-inċident sfortunat seħħ f'sit ta' kostruzzjoni ta' triq li hi senjalata hekk u li għandha tabelli u sinjali tat-traffiku temporanji, fejn l-istess triq s'issa ntużat minn eluf ta' karozzi. Wieħed jista' jirrimarka li l-importanza tal-prudenza u r-rispett lejn is-senjaletika mis-sewwieqa f’dawn iċ-ċirkustanzi għandha tkun emfasizzata. Bħalissa qed jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex dan il-ħajt jingħalaq b'mod permanenti.

Għawdex — Xewkija - Triq l-Imġarr

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex saret dik d-depression fuq in-naħa tal-punent tar-roundabout il-ġdida ta' Triq l-Imġarr fix-Xewkija Għawdex ħdejn il-Gozitano? Jekk din id-depression saret bi żball jew proviżorjament, jista' jgħid meta se titneħħa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-wiċċ eżistenti f'din l-area huwa base course u għalhekk għad fadal ħxuna ta’ 10 ċentimetri ta’ tarmak x’jitqiegħed. Il-livelli kollha mad-dawra tar- roundabout imsemmija mill-Onor. Interpellanta għalhekk għad iridu jogħlew b’dan l-ammont qabel ma' jilħqu dawk permanenti. Dawn il-livelli nħaddmu b'mod illi, barra li ngħatat prijorita` lill-livelli eżistenti, ttieħdet in konsiderazzjoni li ma' jkunx hemm l-ebda akkumulazzjoni ta' ilma tax-xita.

Bormla — tindif tal-ilma qiegħed mill-Baċir Numru 1

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk parti mix-xoghol li qed isir ġewwa Bormla bħala parti mill-proġett hux se jiġi mnaddaf l-ilma qiegħed li hemm fil-Baċir numru 1 u li mid-dehra qed ikun il-kawża ta' numru ta' nemus aktar min-normal?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-fatt l-ilma in kwistjoni qed jinbidel b'ieħor nadif.

kwestjoni dwar bus lanes

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ma jridx li l-bus lanes ikunu disponibbli għal mezzi kollha tat-trasport pubbliku kif kien isir qabel, u mhux jillimitahom għal ċertu kategoriji biss? Ma jaħsibx il-Ministru li din hija diskriminazzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-karreġġjata ta’ priorità isservi biex fejn ikun hemm it-traffiku, persuni li jivjaġġaw fi grupp (u allura jużaw vetturi t’aktar minn tmien passiġġieri) jingħataw priorità fuq it-triq. Jitħallew jużawha wkoll taxis li huma liċenzjati biex jiġbru passiġġieri minn fuq il-bankini u allura jkun ta' periklu għall-passiġġieri li kellhom jirkbu taxi wara li jaqsmu karreġġjata fuq it-triq. Vetturi oħra li jġorru inqas minn tmien passiġġieri, kemm jekk misjuqa minn sidhom, kemm jekk mikrija jew misjuqa minn xufier, ma jistgħux jingħataw l-istess priorità għax jekk kullħadd ikollu l-istess priorità tonqos jew tispiċċa l-effettività tal-miżura.

Ċirkewwa — triq single lane

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif qed jiġi pjanat li tiġi indirizzata l-problema tal-kjus tal-vapur li fil-ġranet tas-sajf kienu jaslu sal-Marfa peress li issa jidher li t-triq taċ-Ċirkewwa ġejja single lane peress li qabel b'żewġ karreġġjati xorta kien ikun problemi u kongestjoni? Jista' jgħid issa li ġejja lane waħda x'se jiġri biex din is-sitwazzjoni tiġi ġestita?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-triq tal-Marfa qatt ma kienet b’żewġ korsiji (lanes) lejn iċ-Ċirkewwa imma kienet karreġġjata waħda li takkomoda korsija lejn iċ-Ċirkewwa u korsija lejn l-Għadira. Kienet ukoll takkomoda l-istess traffiku f'każi ta' kjus imma mhux mingħajr ma jkun affettwat it-traffiku. Id-disinn il-ġdid jippermetti li mit-terminal sat-triq li tagħti għar-Ramla tal-Bir hemm żewġ karreġġjati għat-traffiku oppost bil-karreġġjata lejn Għawdex li tinkludi queuing lane . Il-parti mit-triq li tagħti għar-Ramla tal-Bir sat-triq tat-Torri l-Aħmar takkomoda żewġ karreġġjati wkoll bid-direzzjoni lejn il-Mellieħa li tipprovdi żewġ korsiji.

Tibdil fil-bus shelters minħabba s-sħana tas-sajf

Question

Peress li ħafma mill-bus shelters li għandna fil-lokalitajiet f'Għawdex u Malta mhux addatati biex joffru kenn mix-xemx peress li huma trasparenti, u peress li issa bidet is-sħana u allura x-xemx tkun taħraq ukoll dawn is-shelters mux idoneji għal din it-tip ta' klima, jista' l-Ministru jara li din il-problema tiġi indirizzata?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Rabat Għawdex — Triq il-Repubblika - tiswijiet fuq bankina

Question

Peress li bħalissa qed isir xogħol fi Triq ir-Repubblika, Rabat, Għawdex u peress li fil-parti tat-triq ħdejn il-Main Square Restaurant, oppost tal-knisja ta' San Ġakbu, kienet saret bankina li bil-kemm timxi fuqha peress li dejqa ħafna b'konsegwenza li meta tkun trid tgħaddi persuna bil-pushchair jew siġġu tar-roti jkollha tinżel fit-triq detriment li tista' tintlaqat minn xi vettura u peress li issa l-bankina qed tinqala għax qed isiru x-xogħlijiet, jista' l-Ministru jara li issa din il-bankina tkun wiesgħa biżżejjed biex jinqdew dawk il-persuni kollha li jużaw wheelchair jew inkella li jkollhom pushchair?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi x-xogħol fi Triq il-Belt Valletta, f'Raħal Ġdid, kien jikkonsisti minn resurfacing u mhux kostruzzjoni mill-ġdid tal-imsemmija triq. Minkejja dan, Transport Malta xorta waħda qiegħda f'komunikazzjoni mal-kuntrattur li għamel dan ix-xogħol sabiex tistabilixxi kif seħħet il-ħsara u kif tista' tiġi rrimedjata. Minħabba dan, l-ispejjeż għadhom iridu jiġu deċiżi. Ara korrezzjoni f'PL 10203 li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra nhar it-Tlieta, 19 ta' Ġunju 2012.

Għargħur — Triq il-Ġnien - culvert mikxuf

Question

Billi hemm culvert mikxufa fi Triq il-Ġnien il-Għargħur meta wieħed ikun sejjer lejn Busietta Gardens u billi minħabba d-djuq tagħha spiss ikun hemm il-periklu li xi karrozzi jispiċċaw fil-culvert innifisha, jista' l-Ministru jara li titwaħħal xi gradilja tal-ħadid biex jiġu evitati inċidenti simili peress li dan jiġri l-aktar meta jkunu ġejjini karrozzi minn naħa opposti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din il-materja hija responsabbiltà tal-kunsill lokali rispettiv u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Transport Malta — ħlasijiet ta' kontijiet b'lura

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta għandhiex ħlasijiet ta' kontijiet b'lura? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm hu l-ammont? Hemm xi timeframe meta l-kredituri se jitħallsu?

Response (GATT, AUSTIN)

Bħal kull entita' kummerċjali, Transport Malta jkollha kemm kredituri kif ukoll debituri u l-ħlasijiet isiru fit-termini normali miftehma kummerċjalment. Ma jidhirlix li għandi npoġġi l-lista tal-kredituri jew tad-debituri fuq il-Mejda tal-Kamra għaliex din hi nformazzjoni kunfidenzjali.

Ħaddiema fix-xogħol ta' kostruzzjoni tal-Parlament il-Ġdid, Bieb il-Belt u Teatru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li fil-preżent huma impenjati fix-xogħol ta' kostruzzjoni tal-parlament il-Ġdid, Bieb il-Belt u tat-teatru? Kemm minnhom huma Maltin u kemm huma ta' nazzjonalità barranija?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-preżent hemm 403 impenjati fix-xogħol ta' kostruzzjoni tal-parlament il-ġdid, bieb il-belt u tat-teatru.