Ħaddiema impjegati fi strutturi governattivi u s-settur pubbliku — pagi
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk kull impjegat li jaħdem fi ħdan l-istrutturi governattivi u s-settur pubbliku u li jagħmel l-istess xogħol fl-istess post tax-xogħol, jitħallasx l-istess paga?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Airmalta Ground Handling – ħaddiema sekondatati u ħaddiema li rtiraw kmieni u volontarju
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm impjegati fl-Air Malta Ground Handling ġew issekondati, kemm ingħataw irtirar kmieni u kemm irtiraw volontarju? Jista' jgħid ukoll kemm hemm ħaddiema mal-kumpanija l-ġdida tal-ground handling mqabbda mal-Air Malta u jekk dawn għandhomx jiżdiedu u b'kemm?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ ħaddiema fl-Air Malta Ground Handling li applikaw għall-Iskema ta’ Trasferiment tal-Impjegati Volontarji (VETS), li kienet tnediet f’Jannar 2022, kien ta’ 339.
Minn dawn 159 ingħataw xogħol ieħor filwaqt li 180 ingħataw irtirar voluntarju kmieni. Il-kumpanija Aviation Services Handling Services Limited mistennija timpiega madwar 110 full-time employees (FTEs).
M'hemm l-ebda eks ħaddiema tal-Air Malta Ground Handling li ġew impjegati minn Aviation Services Handling Services Limited.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-passat, minn mindu twaqqfet l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA), qatt saritx handover minn Kapijiet Eżekuttivi passati? Min kienu? Kemm damu biex jagħtu handover u kemm tħallsu wara li tħabbret ir-riżenja tagħhom u allura fil-perjodu li fih kienu qed jagħtu handover?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-uniku Kap Eżekuttiv tal-Awtorità qabel is-Sur Joseph Gavin kien is-Sur Joseph Cuschieri.
Is-Sur Cuschieri rriżenja immedjatament mill-kariga tiegħu f’Novembru tal- 2020 u fiċ-ċirkostanzi ma kienx hemm handover qabel jew wara r-riżenja.
Paga medja ta’ ċittadinita' pajjiżi terzi b’permezz tax-xogħol
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-paga medja ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi b'permess tax-xogħol f'Malta llum?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sors ta’ din l-informazzjoni huwa l-Istħarriġ dwar il-Ħaddiema u s-Suq tax-Xogħol (LFS).
Is-salarju nħadem abbażi tal-basic salary annwali (average annual basic salary). L-ammonti ma jinkludux dħul minn overtime, bonuses jew allowances.
Il-paga medja ta' ċittadini ta' pajjizi terzi, fl-ewwel 9 xhur tas-sena 2022 hi €18,290.
Din tinkludi kemm impjegati li jaħdmu full-time u anke part-time jew full-time with reduced hours. Din l-informazzjoni mhix disponibbli għal persuni li jaħdmu għal rashom.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm reġistrati kuntratti tax-xogħol ma’ Jobsplus? Kemm hawn persuni reġistrati li jaħdmu bi qliegħ f’Malta u Għawdex illum?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li Jobsplus ma tirreġistrax kuntratti tax-xogħol. Skont l-formoli tal-bidu tal-impjieg hawn taħt issib tabella li turi kemm kien hemm persuni reġistrati li jaħdmu fuq bażi ta’ full-time u part-time only f’Malta u Għawdex sal-aħħar ta’ Awwissu 2022.
Full-Time
Part-Time Only
Total
255,141
35,884
291,025
L-aħħar ċifri ppublikati huma ta’ Awwissu 2022.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-perċentwal ta’ ħaddiema li jaqilgħu inqas mill-paga medja skont kif irreġistrati mill-NSO fl-aħħar labor force survey?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-sors ta’ din l-informazzjoni huwa l-Istħarrig dwar il-Ħaddiema u s-Suq tax-Xogħol (LFS). Is-salarju nħadem abbażi tal-basic salary annwali (average annual basic salary). L-ammonti ma jinkludux dħul minn overtime, bonuses jew allowances.
In-numru ta’ impjegati li jaqilgħu inqas minn €21,156 bejn Lulju u Settembru 2022 kien ta’ 134,662 għall-persuni full-time u 16,155 għall-persuni part-time jew full-time reduced hours.
Din l-informazzjoni mhix disponibbli għal persuni li jaħdmu għal rashom.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati li tilfu l-impjieg matul l-aħħar tliet xhur tas-sena 2022?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont il-formoli tat-tmiem tal-impjieg li tirċievi Jobsplus, in-numru ta’ impjegati li tilfu l-impjieg (redundant) fl-aħħar tliet xhur tas-sena 2022 kien ta 672.
Jista’ l-Ministru jgħid x’azzjoni qed issir biex ikun żgurat li jekk ikun hemm trasferiment ta’ negozju b’tender tal-Gvern, l-impjegati kollha jiġu trasferiti bl-istess paga, bl-istess kundizzjonijiet tax-xogħol u sinjorità?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 4639, 4832 u 4927 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt li kellu l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA), li ismu qed jintbagħat separatament?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kuntratt li kellu l-Kap Eżekuttiv ma jistax jiġi ppubblikat minħabba informazzjoni kunfidenzjali.
Id-dettalji tal-pakkett finanzjarju ngħataw f’mistoqsija parlamentari 3591. Il-ħlas li ngħata wara r-riżenja tiegħu minn Kap Eżekuttiv kien marbut ma' konsulenza fuq xogħol li kien inbeda waqt it-terminu tiegħu bħala Kap Eżekuttiv u kien importanti li jiġi mitmum taħt is-superviżjoni tiegħu.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 4640 u 4833 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Minuti tal-Laqgħa tal-Bord tad-Diretturi tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA), li fiha ġew approvati l-pagamenti li l-Eks Kap Eżekuttiv tal-MFSA, li ismu qed jintbagħat separatament, għadu qed jingħata fix-xahar?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-minuti tal-laqgħat tal-Bord tal-Gvernaturi huma ta' natura kunfidenzjali.
Evalwazzjoni tal-ħiliet għall-immigranti minn pajjiżi terzi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kif qed tiġi determinata l-evalwazzjoni tal-ħiliet għall-immigranti minn pajjiżi terzi, u x'qed isir biex jiġi żgurat li dawn l-individwi jkunu qed jaħdmu bl-iskills set li għandhom?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li hija r-responsabilità ta’ kull employer li jara li l-ħaddiema kollha tiegħu – kemm Maltin u kemm barranin – ikunu qed jagħmlu xogħol li huma kwalifikati u/jew imħarrġa għaliħ.
Għaldaqstant Jobsplus tesiġi li għal kull ħaddiem barrani li employer jimpjega, irid jiffirma dikjarazzjoni fejn jgħid li l-ħaddiem hu kompetenti biex jagħmel ix-xogħol indikat fil-Permess tax-Xogħol u li hu jikkonferma dan fuq bażi ta’:
· Ċertifikati Akkademiċi
· Ittri ta’ Riferenzi provduti jew
· B’kommunikazzjoni diretta mal-impjegat prospettiv.
L-employer jiddikjara wkoll li hu qed jassumi responsabilità ta’ din id-dikjarazzjoni u lest li jissostanzja dan kollu meta jkun mitlub jagħmel hekk.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jinħarġux visas tax-xogħol għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu ibbażati fuq il-ħiliet li għandhom dawn l-immigranti?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Ħruġ ta’ visa tax-xogħol lil ċittadini ta’ pajjiż terzi
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ħruġ ta' visa tax-xogħol lil ċittadini ta' pajjiżi terzi jkunx ibbażat fuq il-ħiliet tagħhom? Jista’ jagħti l-lista ta’ ħiliet meħtieġa li jeżistu?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Ċittadini ta’ pajjiżi terzi – taħriġ obbligatorju f’setturi
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk ċittadini ta' pajjiżi terzi humiex meħtieġa li jagħmlu taħriġ obbligatorju f'setturi li jkunu għażlu li jaħdmu fihom? Għal kemm sar training?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-każijiet fejn ċittadini ta’ pajjizi terzi jinġiebu hawn Malta biex jaħdmu, l-employer jiddikjara li dawn huma kompetenti biex jagħmlu x-xogħol indikat fuq il-permess. Hija r-responsabilità tal-employer li jara li jekk aktar tard l-impjegati tiegħu jinħtieġu xi taħriġ, dan jiġi mogħti lilhom.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn ċittadini ta' pajjiżi terzi reġistrati biex jaħdmu f'Malta u f'Għawdex illum?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-formoli tal-bidu tal-impjieg, sal-aħħar ta’ Awwissu 2022 kien hawn 52,664 ċittadini ta' pajjizi terzi reġistrati jaħdmu f'Malta u f'Għawdex fuq bazi ta’ full-time u part-time only. L-aħħar ċifri ppublikati huma ta’ Awwissu 2022.
Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol – remote working
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk ħaddiema mal-Ministeru kkonċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, jistgħux ikomplu jaħdmu permezz ta’ remote working?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija fil-PQ 4826.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ħaddiema mal-Ministeru kkonċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, jistgħux ikomplu jaħdmu permezz ta’ teleworking?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija fil-PQ 4826.
Jista’ l-Ministru jagħti kemm hemm VAT refunds li jridu jingħataw u meta dawn se jingħataw?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ‘VAT refunds’ li huma dovuti li jitħallsu bejn Jannar u Mejju 2023 huwa kif ġej:
Xahar
Ammont
Jannar 2023
€34,327,141.17
Frar 2023
€46,259,715.52
Marzu 2023
€12,947,523.39
April 2023
€27,033,313.74
Mejju 2023
€4,061,574.76
‘Refunds’ dovuti għal wara Mejju 2023 ikunu jiddependu minn dikjarazzjonijiet dwar VAT li għad iridu jsiru.